mp

28.6.05

Ma nafx x'titlu se nagħti lil dil-bloggata!

Min jafni sew jaf li jien bniedem ċiniku. Ħeqq, hekk għamluni n-natura u l-ambjent. Onestament, nipprova ninbidel imma ma nafx kemm hi ħaġa possibbli din.
Il-hype kbir li għaddej bħalissa bil-Live 8 iħassibni ftit mhux ħażin, u mid-dehra hawn ħafna li qegħdin jitħassbu. Mhux kulħadd iħossu konvint mill-ġenwinità ta' dan il-proġett u hemm min qiegħed iħoss li dawk ir-rockers li se jkunu Hyde Park u fl-inħawi l-oħra se jkollhom ego boost papali, jiżdidilhom il-bejgħ tad-diski tagħhom u jnessuna kemm-il miljun għandhom merfugħa l-bank biex ma nsemmux il-ħafna affarijiet lussużi oħra li huma sine qua non mal-ħajja ta' rock star. Jinteressani ħafna nkun naf, pereżempju, x'titjib kien hemm fl-Afrika bejn l-1985 (is-sena tal-LiveAid) u l-2005 (is-sena tal-Live 8) u dat-titjib jiġi kkomparat mat-titjib fil-qagħda finanzjarja ta' dawk li pparteċipaw f'waħda miż-żewġ kampanji jew fit-tnejn. Qiegħed nistaqsi bl-onestà kollha u mhux qed inkun ironiku. Li naf fiż-żgur hu li fil-frattemp Bob Geldof, minn boomtown rat, sar Sir. (Issa jekk hawn min, bir-raġun, iħoss li hija anomalija li rock group ikollu "fuckin'" sponsor, aħseb u ara kemm hi anomalija ikbar li rocker rebel-with-a-cause ikollu t-titlu ta' Sir!!)
Dan l-artiklu jqajjem numru ta' mistoqsijiet dwar ir-rowl politiku li stilel tar-rock bħal Bono u Geldof sar għandhom. Jien ma naħsibx li l-politika għandha tkun il-monopolju tal-politikanti -bħalma hu l-każ hawn Malta - imma għandi numru ta' mistoqsijiet li ġenwinement ma nafx inwieġeb. Pereżempju t-talbiet li qegħdin jagħmlu Sir Bob Geldof, Bono u l-bqija, huma l-veri ħtiġijiet tal-foqra Afrikani? L-istudjuż Niġerjan Herbert Ekwe-Ekwe ma jaħsibx li l-pressjoni fuq it-Tmienja l-Kbar għandha titlob il-maħfra tad-djun. Skond Ekwe-Ekwe l-Punent imissu jgħin lill-Afrikani biex jibdlu s-sitwazzjoni fil-pajjiżi tagħhom, li Ekwe-Ekwe jiddefinixxihom bħala "militarised genocide-states". X'sens hemm, jistaqsi Ekwe-Ekwe li r-Renju Unit jaħfer id-djun tal-pajjiżi Afrikani meta s-sena l-oħra l-Gran Brittanja esportat lejn l-Afrika b'mitejn miljun dollaru armamenti. Dak li l-intellettwali Afrikani bħal Ekwe-Ekwe qegħdin jitolbu huwa li t-Tmienja l-Kbar iwaqqfu immedjatament l-bejgħ ta' l-armi lejn l-Afrika, lejn l-Afrika kollha kemm hi u mhux lejn dawk il-pajjiżi Afrikani meqjusa bħala żoni f'kunflitt biss.
Il-kitbiet ta' l-intellettwali Afrikani qegħdin ipoġġu argument ieħor li ma jidhirx fil-kampanja ta' Sir Geldof u Bono. L-Afrika m'għandhiex bżonn lill-papà Punent biex timxi 'l quddiem. M'għandhiex bżonn papajiet. Jemmnu, dawn it-talin, li l-Afrika hija kapaċi tittrasforma s-soċjetà waħidha.
Miniex ċert liema se jkun il-climax li se jtarrax l-aktar fil-kampanja tal-Live 8: huwiex dak li se jiddeċiedu l-mexxejja l-kbar f'Edinburgh jew l-għoxrin minuta meqjusa storiċi ta' Gilmour u Waters mill-ġdid spalla ma' spalla. Naf li qed inkun ċiniku, u naf x'kien il-kumment ta' Waters dirett lejn iċ-ċiniċi. U naf ukoll li li kelli l-opportunità kont inkun hemm għal dawn l-għoxrin minuta. U naf ukoll li nikkontradixxi ruħi.
Mużika fl-isfond: tibqa' Eleanor Rigby, verżjoni Bloodrock. Dalgħodu temmejt il-ktieb Eleanor Rigby ta' Douglas Coupland. Ma nafx x'kienet l-intenzjoni tiegħu imma nista' ngħid li l-għeluq tal-ktieb minbarra li daħħaqni (kif dejjem jagħmel Coupland) qabbiżli demgħa.

26.6.05

Dublin Blues





Dublin fis-6 ta' dalgħodu kellha hangover minn dawk il-kbar. Wara tmiem il-ġimgħa kkaratterizzat mill-kunċerti mibjugħa kollha tal-U2 it-toroq sebħu mdamdma u kwieti. Filgħaxijiet O'Connell Street tiżgħed bin-nies: poplu sħiħ miexi fuq iż-żewġ naħat, jaqsam il-pont lejn Grafton Street jew viċi versa, jinvadi l-ħwienet tal-McDonald's, Burger King u l-Abrakebabra, jinvadi l-pubs għall-Guinness u l-Murphy's stouts, jinvadi l-karozzi tal-linja u t-tramm ... Dawn l-aħħar jumejn kull ħanut tad-diski għolla l-volum b'Bono jgħanni: "A city lit by fireflies / They're advertising in the skies / For people like us". Ma' kull rokna ġgajtiet ta' nies libsin il-flokkijiet tal-U2, il-brazzuletti tal-plastik bojod b'Make Poverty History imnaqqxa fuqhom flimkien ma' brazzuletti simili ħomor u suwed tal-Vertigo Tour 2005 ...
Fit-taxi lejn l-ajruport kien hemm ukoll żagħżugħ Amerikan li niżel l-Irlanda għal ġimgħa biex jara lill-U2 jagħtu kunċert f'pajjiżhom. Bl-ipod imdeffes f'widnejh staqsieni mortx nara l-U2 il-Ġimgħa jew is-Sibt u staqsieni x'deherli. Għidtlu li ma kontx hemm minħabba l-U2 u tani ħarsa b'messaġġ tat-tip "Fidil!" Allura qagħad jitkellem max-xufier li kellu għajnejh ħomor nar wara lejl iġorr lin-nies mill-Croke Park għal Alla jaf fejn.
Fuq l-ajruplan lejn Malta ġgajta oħra fans tal-U2 bil-flokkijiet, brazzuletti, ipods, eċċetra.
Insomma, kif ktibt fl-ewwel bloggata mill-Irlanda, Dublin kienet f'kollass isteriku li jiġi fi tmiemu għada meta Bono u sħabu jagħtu l-aħħar kunċert f'pajjiżhom.
Jien qattajt l-aħħar jum tal-mawra tiegħi fl-Irlanda fir-raħal pittoresk ta' Dun Laoghaire mnejn imxejt lejn Sandycove ħa nżur il-famuż torri ta' James Joyce, fejn dak l-imħarbat qatta' xi jiem f'Settembru 1904 u fejn tiftaħ l-ewwel xena ta' Ulysses. Ikolli nammetti li kien mument kommoventi, l-aktar meta tlajt fil-kamra ta' fuq tat-torri ċkejken u fuq il-bejt, mnejn anki rajt koppja ta' xi tmenin sena jinżlu jgħumu fil-baħar griż, jitilgħu jiġru u jilbsu r-raincoats minnufih. Mit-torri xtrajt id-dvd "Bloom", addattament ċinematografiku fqir ħafna ta' Ulysses, dirett minn Sean Walsh u maħruġ is-sena l-oħra fiċ-ċentinarju ta' Bloomsday (16/6/1904).
U issa, lura lejn il-Blata. Fuq l-ajruplan bdejt naqra l-aħħar rumanz ta' Douglas Coupland, Eleanor Rigby. Mindu kont żgħir kont iddeċidejt li l-isbaħ song tal-Beatles kienet propju Eleanor Rigby u darba kont waħħaltha f'rasi li nikteb xiħaġa dwarha. Imma issa tard wisq. Imma la mmur Liverpool ngħaddi naraha ftit.
Mużika fl-isfond: Eleanor Rigby, verżjoni tal-Bloodrock.

21.6.05

Ftakar f'dak il-Jum

Il-vizzju antik u mishut li nidhol f'hanut tal-kotba u nonfoq skoss Euros hakimni hawnhekk ukoll. Cork mhijiex nieqsa mill-hwienet tal-kotba nies. U lanqas m'hi nieqsa mill-hwienet tas-cds. Il-Virgin Megastore li hawn tassew mega, u l-HMV ukoll. Nittama li l-Hamis filghodu jkolli cans nigri girja sa l-HMV ghax qeghdin iwieghdu sale straordinarju.
Intant, il-bierah xtrajt ktieb (u spiccajt qrajtu kollu f'temp ta' tliet sighat) miktub Tom Reynolds, I Hate Myself and Want to Die: the 52 Most Depressing Songs You've Ever Heard. Kont qrajt xihaga dwaru diga' qabel ma gejt, u billi sa ftit taz-zmien ilu kont nibla' skoss anti-dipressanti u nzur it-taqsima psikjatrika f'San Luqa (fejn il-kjuwijiet kienu jgennuk aktar milli jfejquk) it-titlu tal-ktieb intrigani minnufih. Qrajtu f'qasir zmien u nista' nghid li l-umorizmu tieghu ghandu effett mieles fuq xihadd li jinsab f'belt u ma jafx x'se jaqbad jaghmel fiha. Kon ftit iddizappuntat li Reynolds inkluda s-song numru 14 fil-klassifika tat-52 song mill-aktar dipressanti, imma wara kollox kulhadd ghandu l-opinjoni tieghu.
Wara li spiccajt naqra l-ktieb minn qoxra sa qoxra, dort ghal ktieb iehor li xtrajt ftit sighat qabel: Saucerful of Secrets: The Pink Floyd Oddysey ta' Nicholas Schaffner. Il-problema b'kotba bhal dan hi li jwaqqghuni f'burdata ta' nostalgija hekk serja li nibda nbati b'allucinazzjonijiet li mhux dejjem ikunu pjacevoli. Il-ktieb ta' Schaffner, ghallinqas, ma jaghmilx l-izball li jaghmlu kittieba ohrajn tar-Rock 'n roll, li jintefghu jimmasturbaw ghall-ikoni/l-idoli taghhom. M'ghandniex xi nghidu, issa li dak il-kbir Roger Waters se jerga' jinghaqad ma' l-ex-shabu, il-hype dwar il-Floyd rega' tiela' bhal deni ta' ziemel, u dawk li joqoghdu fil-'vicinanzi' ghandhom jaghmlu minn kollox biex jinzlu Hyde Park fit-2 ta' Lulju.
Remember a day before today
A day when you were young.
Free to play alone with time
Evening never came.
Muzika fl-isfond: hudu pacenzja imma dan l-internet cafe' ma jhallikx tnizzel muzika. Jekk iddejjaqt tisma' l-muzika li tellajt il-gimgha l-ohra (bhalma ddejjaqt jien) sempliciment itfiha.

20.6.05

Il-Ewe Too

Cork: il-kapitali kulturali ta' l-Ewropa 2005.
Ma niftakarx liema kienet dik il-belt kerha daqs din li zort l-ahhar. It-teatru ta' l-opra li hawn jittawwal ghal fuq ix-xmara Lee huwa wiehed mill-akbar insulti ghal min ghandu par ghajnejn biex jara bihom. Ic-centru tal-belt idduru u tezawrih f'temp ta' saghtejn.
Niggarantilkom li r-Rahal Gdid hafna isbah, anki jekk naf li "seta' kien ikbar, seta' kien isbah"
Biss, dal-pajjiz jaffaxxinak ghall-mod kif jirrispetta lin-nies li ghamluh, inkluzi dawk li xebghu jaghtuh xebghat, tipo Gjakmu Joyce. Il-lukanda fejn qieghed alloggjat invazata ritratti tal-kittieba l-kbar Irlandizi, fil-kurituri, fir-ristorant, sahansitra fil-kmamar. Mhux se titwemmen, imma f'kamarti, numru 109, m'hemm hadd hlief ....! Ghad irrid nara lukanda f'Malta bir-ritratti ta' Ruzar Briffa, ta' Victor Fenech u ta' Guze' Stagno.
Ghal dawk li - kuntrarju tas-sottoskritt - ihobbu l-U2, bhalissa l-Irlanda qieghda fit-tarf ta' kollass isteriku. F'Cork ma jinhassx daqshekk - hlief ghall-bicciet tal-karti fotokpjati mwahhla mal-kabini tat-telefowns pubblici jirriklamaw bejgh ta' biljetti 'baxx baxx', imma Dublin storja ohra. Il-gazzetti, ir-rivisti, is-servizzi ta' l-ahbarijiet, kollha bir-ritratti ta' Bono u shabu. Ghandi certu suspett ikrah li meta nkun Dublin aktar tard dil-gimgha se taqbadni xi Bonositis massiva.
Se jkolli nieqaf ghax ezatt mal-bieb ta' dan il-kafe' ta' l-internet hawn mara ddoqq vjolin u skussatli mohhi (u ghajnejja).
Noffri l-ewwel pinta Guinness li se niehu lil das-sinjur.
Muzika fl-isfond: ippruvajt nara mnejn se nnizzel xihaga tal-U2 imma tlift il-hegga wara ftit. Ghalissa se nhalli li tellajt fl-ahhar bloggata.

16.6.05

Long Live Our Soviet Motherland


Dmitri Shostakovich

Daħla sal-Belt li dewqitni l-assurdità tal-Qrati Maltin wasslitni wkoll s'għand ħanut tad-diski mnejn xtrajt il-boxed set tas-sinfoniji kollha miġbura ta' wieħed mill-idoli mużikali tiegħi: Dmitri Shostakovich. Għalkemm il-librerija diskografika tiegħi ilha li laqgħet fiha l-ħmistax-il sinfonija ta' dan il-ġenju Russu dan il-boxed set maħruġ mid-ditta rivoluzzjonarja Naxos ħajjarni u xtrajtu.

Ftit minuti ilu spiċċat iddur is-cd bit-tieni sinfonija, imlaqqma s-Sinfonija ta' Ottubru, li hija eloġju għar-rivoluzzjoni Bolxevika ta' Ottubru 1917 u lil Lenin. Is-sinfonija, li aktar tard Shostakovich innifsu iġġudikaha bħala 'mhix daqstant tajba', tispiċċa b'kor imħallat li jkanta poeżija 'proletarja' miktuba minn ċertu Aleksander Bezimenski, poeżija li tagħti omaġġ lil missier l-Unjoni Sovjetika. Kieku kellna niġġudikaw il-merti letterarji ta' Bezimenski fuq din il-poeżija, wisq nibża' li Mark Vella ma jinkludihx ma' l-elit liberali. Nislet parti minnha:

"Aħna fhimna, O Lenin, li d-destin għandu isem: taqbida"

jew

"Isem it-taqbida huwa Ottubru. / Ottubru! Int il-ħabbar tax-xemx li tant stennejna / Ottubru! Dan il-ħelsien fi żmien ir-rivoluzzjoni. / Ottubru! Dil-ħidma, dal-ferħ, din l-għanja /
Ottubru! Dal-ferħ fl-għelieqi u fil-magni."

Ma nafx Shostakovich, fi xjuħitu, staħax mill-mużika li kiteb jew mit-test li mmużika. Nissuspetta li t-tieni. Min jaf x'kien jgħaddi minn moħħu kieku baqa' jgħix imqar sa żmien il-perestrojka? Żgur li ma kienx joħlom, speċjalment fid-drabi meta qalagħha mill-Pravda u mill-Kummissjoni għall-Estetika Komunista għax kiteb mużika borgiża nieqsa mill-ħeġġa soċjalista, li xi darba għad nitkellmu dwar in-nostalġija għall-era komunista.

Shostakovich għex fl-agħar perjodu tas-sistema Sovjetika, fiż-żmien meta kienu jkantaw li l-unjoni tar-repubbliki sovjetiċi kienet se tibqa' magħquda għal dejjem fil-ħelsien u fix-xogħol.

Intant, dis-sena jaħbat it-tletin anniversarju mill-mewt tal-ġenju, u d-dieħla ċ-ċentinarju minn twelidu.

Se nieqaf hawn.

Mużika fl-isfond: verżjoni Ingliża (biex ikun jista' jifhimha kulħadd) ta' l-innu sovjetiku. Niddedikah lil sieħbi l-ex-Komunista Malti, li min jaf kemm kien jikkomovi ruħu meta kien jisimgħu jindaqq f'xi okkażjoni speċjali tal-PKM!!

13.6.05

Bumm bumm il-bieb

Kont tiela' nonxor u nisma' l-qanpiena tal-bieb. Il-pustier.
- Mifsud?
- Jien hu.
- Għandek pakkett.
Ħallejt il-banju tal-plastik bil-ħwejjeġ fuq it-taraġ u nżilt niġbor il-pakkett. Il-pustier jitbissimli u jitlaqli pakkett issiġillat donnu xi dokument top secret minn Kastilja. Fir-realtà kien pakkett minn Eire. Mhux żgur ilħaqt tlajt sitt tarġiet u rnexxieli nċarrat it-tgeżwira u tfaċċat quddiemi kopja għadha taħraq ta' dan il-ktieb. Tlajt m'Alla, kif konna ngħidu fit-tmeninijiet.
Grazzi kbira ħafna lil Maurice Riordan u lil Adrian Grima.
Nhar il-Ħadd nitlaq lejn Eire. Titjira diretta lejn Dublin, imbagħad vjaġġ ta' xi tliet sigħat bil-ferrovija lejn Cork. Imbagħad il-Ħamis ma nafx fejn eżatt nara l-istess ktieb jitnieda.
L-għada nitlaq lura lejn Dublin. Għandi appuntament antik ma' xiħadd li ħabbejt ħafna f'żgħożiti. Propjament kellna appuntament Trieste s-sena l-oħra imma jien ma żammejtux għax bqajt Ljubljana minflok. Did-darba nżommu. Diġà qed infantas quddiemi dawk il-karattri minn Dublin li qrajt dwarhom ħafna snin ilu: lil Eveline bil-bagoll serja lura d-dar flok Buenos Aires, jew lil Gabriel jittawwal mit-tieqa, iħares lejn il-borra nieżla fuq il-ħajjin u l-mejtin. M'hemmx għalfejn ngħid, għandi seba' mitt sena sa ma nasal. U dan ifisser ukoll li d-dieħla ma nersaqx 'l hawn.
Intant, ma stajtx ma nitbissimx naqra bl-blurb tal-ktieb:
Immanuel Mifsud brings a new note of emotional candour to
contemporary poetry. Confidential Reports tells the tale of love and
grief in poems that are direct, often darkly erotic, and shot through with wit
and humour. This is poetry as the old rock 'n roll - edgy, excessive, and
visceral in its appeal. Mifsud resembles a rumbustious latter-day troubadour as
his imagination roams the Mediterranean and mainland Europe ...
Mużika fl-isfond: la qed nitkellmu fuq old rock 'n roll ... Ray Charles, What I'd Say ... Evviva nies! U kif kien jgħid il-kbir Victor Fenech: "U bilħaqq - tiskrux fil-Fanta / ħudu gost f'Politikanta!"

10.6.05

Alla riscossa!

Jidhirli li Mario Azzopardi jsejjaħ is-7 ta' Ġunju 1919 bħala "Ġunju tal-ħaddiema xkubettjati".
Għall-MLP1 is-7 ta' Ġunju 2005 se jitfakkar bħala "Ġunju taż-żbubati u l-gambettati".
Hu x'inhu l-każ, l-istampa qiegħda tagħti ftit importanza mhux ħażin għal dik li xi wħud jixtiequ li tfisser il-Qasma ta' l-MLP. It-Times intervistat żewġ professuri ta' l-istorja, żewġ ex-militanti fi ħdan iż-żewġ dinosawri ta' l-MLPN, li jaqblu li l-MLP2 ma jistax ixellef il-partit glorjuż li darba kien ta' Mintoff.
Il-media Nazzjonalista, iżda, tipprova tgħaddi ideat oħra; forsi aktar wishful thinking milli analiżi serja. Wara kollox l-istampa Nazzjonalista ftit li xejn taf x'inhi serjetà ġurnalistika.
Minn rapport ta' maltarightnow.com:
Is-Segretarju Ġenerali Laburista Jason Micallef qal lil The Times li Anna Mallia ma ssaddad imkien. Sejħilha “reject”, mgħormija (sic). Żied li t-twaqqif tal-moviment hu “iċ-ċajta tas-sette gugnio (sic)”. Lill-(sic)The Malta Business Weekly, Jason Micallef qalilhom li Anna Mallia hi persuna skreditata min (sic) kulħadd u li ma għandha mkien fejn tmur aktar għaliex qal li hi persuna li tiġi mgħormija (sic). Qal li l-moviment hu eżerċizzju ta’ pubbliċita’. Anna Mallia qalet li se tagħmel libel (sic) lil Jason Micallef tal-malafama li għamlilha. Intant, minkejja li Manuel Cuschieri waqt il-programm tal-bieraħ fuq Super 1 Radio qal li ħadd ma għandu jikkumenta (sic) fuq it-twaqqif tal-Moviment Laburista l-ġdid, hu qal li għandu diversi messaġġi “għax konna assedjati bil-messaġġi” li ried “jaqsamhom mas-semmiegħa”. Dawn kienu kummenti li jappellaw biex il-laburisti jimxu wara Alfred Sant biss u ma jsegwux lil min għandu aġenda moħbija. “Aħna wara Alfred Sant konna, għadna u nibqgħu”. Messaġġ ieħor li qal li wasalu (sic) Manuel Cuschieri kien “Kieku kulħadd iħalli f’idejn Alfred Sant ikun ħafna aħjar ghax (sic) ma jiddispaċinix (sic) u inqas problemi.” Messaġġ ieħor li Manuel Cuschieri qal li kellu favur Alfred Sant kien li “kull laburist ġenwin għandu jkun leali lejn il-leader u t-tmexxija tal-Partit u mhux lejn min għandu aġenda moħbija. Ningħaqad miegħek fl-appoġġ lill-leadership (sic).” Din mhix l-ewwel darba li Manuel Cuschieri qal li kellu messaġġi favur Alfred Sant. Fl-aħħar jiem hu tkellem ukoll kontra l-konfoffi li qal qed isiru fil-Partit Laburista kontra l-mexxej laburista Alfred Sant. Hu qal li fil-jiem li ġejjin se jikxef u jsemmi b’isimhom lin-nies li qed jikkonfoffaw kontra Sant.
Mużika fl-isfond: nawgura lill-MLP1 u lill-MLP2 ħidma sfiqa favur il-proletarjat Malti. B'omaġġ lil sħabi li ħakmithom fewġa Claudiobaglionjana, b'tifkira ta' l-iljieli fi triq il-Magnus (mhux Magnum!)

L-istejjer minn fomm l-imsejkna

Ereżija ħalla dan il-kumment fil-bloggata tiegħi tal-bieraħ. Qed nirriproduċih għal dawk li ma joqogħdux jaqraw il-kummenti:
Qed tfakkarni...F'Ottubru 1995 tlajt Praga ma' zewġt iħbieb għal lost weekend li
dam tliet xhur. Insomma, mal-wasla tagħna fi Praga sibna hostel fejn sirna nafu,
u sirna ħbieb tagħhom ukoll, bosta Bosnijaċi minn Sarajevo, uħud minnhom
ex-suldati li kienu jdoqqu strumenti u b'xi mod irnexxielhom jidħlu fil-banda
ta' l-armata. Din il-banda ġiet mistiedna tipparteċipa fi festival tal-paċi f'
Praga u b'hekk ħarbu mill-kunflitt u baqgħu hemm refuġjati. Niftakar kif
bil-lejl kienu jiċċassaw lejn is-saqaf (konna norqdu kollha f'dormitorju) u kont
noqogħod nosserva kif mument minnhom ikunu daħkana u mument ieħor siekta
miġburin fil-ħsibijiet tagħhom, kull wieħed gzira għalieh waħdu. U niftakar
ukoll kif kull filgħodu konna mmorru magħhom sa canteen biex nieklu kolazjon
imdaqqas, għax kienu jispjegawlna kif jekk tiekol ħafna filgħodu l-istonku ma
jibdiex igorr qabel il-ħamsa. Kienu suldati, kienu kburin bil-kalzetti ħoxnin li
kienu ħetulhom l-ommijiet tagħhom. U meta darba sieħbi kien ġagħal wieħed
minnhom jirrabja sew, dan kien ħares f'għajnejh, ipponta lejh u b'leħen maħnuq
izda sod qallu, "I killed at least four people face to face. Don't be my fifth."
Minuta wara kienu reġgħu saru ħbieb.
Dawn huma l-istejjer minn fomm l-imsejkna li rari jidhru fl-istampa. Mhux għax l-istampa mhijiex interessata f'dawn l-istejjer, imma għax l-ispazju ġeneralment jinħanaq mir-rapporti uffiċjali. Jew anki għax mhux l-imsejkna kollha għandhom l-enerġija u r-rieda li jitkellmu fil-beraħ.
Sadattant, il-BBC online, qiegħed ixandar kummenti ta' nies komuni huma u jippruvaw jagħmlu sens minn ħajja assurda fit-traġedja Iraqina: l-istejjer tan-nies li ħadd ma jafhom, li wara kollox setgħu kienu int, jien u min qed jaqra.
Mużika fl-isfond: l-istess tal-bieraħ.

9.6.05

Aktar iġsma, aktar iħirsa

Int u miexi fit-toroq ta' Sarajevo jolqtuk l-irqajja' mifruxa 'l hawn u 'hemm ta' oqbra. Irqajja' żgħar ta' xi għoxrin tletin qabar. Litteralment imferrxin 'l hawn u 'l hinn. Pereżempju tkun għaddej f'nofs ġnien pubbliku u f'rokna minnhom, jew anki fin-nofs, issib ruħek f'ċimiterju ċkejken. Imbagħad taqra l-plakka kommemorattiva u taqra li f'dak il-post eżatt kienu nqatlu dawk li hemm midfuna: xi bomba li sparata minn waħda mill-għoljiet li jdawru l-belt.
L-iġsma iħirsa fit-trietaq tal-Jugoslavja m'hemmx li jisparixxu. Illum il-B92 irrapporta s-sejba ta' midfna tal-massa oħra, fil-villaġġ ta' Suħ, fil-Lvant tal-Bosnja. F'din il-midfna nstabu 38 katavru, fil-maġġoranza tagħhom nisa, tfal u xjuħ. Hu mifhum li dawn il-katavri kienu ta' nies li ġew iffuċċillati fl-istess post, imbagħad mirduma biex forsi d-dnub jitgħatta. Waħda min-nisa kienet fil-fażi finali ta' tqala, jew biex nikkwota lill-B92 "about to give birth".
Min jaf kemm hemm nies li ma' l-aħbar qalbhom għamlet tikk. Min jaf kemm hemm nies li qegħdin ilestu rwieħhom għax-xokk li ilhom jistennew tlettax-il sena. Min jaf kemm ħolm ikrah bil-lejl, kemm ħars ċass fil-vojt, kemm biki sieket u bla dmugħ. Min jaf kemm-il memorja.
U min jaf kemm oħrajn, wara li jsiru t-testijiet tad-dna fuq dawn it-38 fatat, se jkollhom jipposponu x-xokk għal darba oħra, għal meta forsi tinstab xi ħofra oħra tiftaħ ħalqha beraħ biex tobżoq biċċa oħra mit-traġedja Jugoslava. Min jaf kemm aktar iljieli bla rqad, kemm twieqi mbexxqa biex forsi ...
Sadattant, B92 ikkwota wkoll uffiċjal tan-NATO li ried jibqa' anonimu li, waqt li l-ministri tad-difiża ta' l-Alleanza qed jiltaqgħu fi Brussell biex jirratifikaw il-ftehim għall-preżenza tagħha fil-Kosova, qal li l-Alleanza qiegħda tlesti ruħha għax hemm il-biża' ta' aktar vjolenza f'dan ir-reġjun ex-Jugoslav.
U jerġa' jinfetaħ siparju mċarrat ieħor u jerġa' jidher l-ispettru ta' kunflitt li mhemmx li jintemm.
Mużika fl-isfond: is-supergrupp Jugoslav minn Sarajevo Bijelo Dugme (Buttuna Bajda), "Ima Neka Tajna Veza" (1975, jew meta t-tigri kienu għadhom maqfula u Bregovic ma kien jafu ħadd għajr it-tfajliet Jugoslavi).

7.6.05

U ħarja f'wiċċ il-vittmi ...

Dalgħodu l-Onorevoli Tonio Borg kien qed jippoppa sidru fuq siġġu indurat bid-deheb (proporina ovvjament) fil-kommemorazzjoni tal-vittmi tas-7 ta' Ġunju 1919. Id-drill tal-korp tal-pulizija, in full uniform, għamel parata u l-banda ta' l-istess korp daqqet il-marċi. Mingħajr l-ebda konsiderazzjoni li l-vittmi mfakkra ġew maqtula minn xi erba' suldati trigger-happy Ingliżi, il-banda tal-korp daqqet programm ta' marċi Ingliżi li kienu jindaqqu għall-glorifikazzjoni romantika ta' l-imperu! X'jitnejku l-pulizija, l-aqwa li xi erba' turisti li nzertaw kienu fil-pjazza, qagħdu jħabbtu saqajhom mar-ritmu qabbieżi. Nispera li ma daqqewx ir-Rule Brittania wkoll!
Din tal-lum fakkritni meta xi għaxar snin ilu l-Kumitat Festi Nazzjonali kien qabbadni nagħmel preżentazzjoni artistika quddiem il-monument ta' l-assedju fil-kommemorazzjoni annwali taż-żewġ assedji. Kont għoddni ġejt fl-idejn ma' uffiċjal tal-kumitat għax ir-rappreżentazzjoni kellha tibda bil-bandiera nazzjonali titmiegħek ma' l-art u dan deherlu li f'okkażjoni partrijottika l-bandiera ma kellhiex tidher fl-art. Saħansitra kellu jindaħal fin-nofs Louis Galea għax dan l-uffiċjal baqa' jinsisti li mhux rispett lejn in-nazzjon li l-bandiera tidher fl-art! Wara r-rappreżentazzjoni, il-banda ta' l-Armata, f'fervur patrijottiku u mħabba kbira lejn Malta, daqqet il-verżjoni intera ta' Finlandia ta' Sibelius!
Mark Vella, tgħid il-korp tal-Pulizija u l-Armata huma xempju ta' l-elit liberali kulturali f'Malta?

MLP

Il-portal Nazzjonalista maltarightnow.com, illum wara nofsinhar ħabbar b'ċertu gost it-twaqqif tal-Moviment Laburista Popolari (MLP) iffurmat minn ex-deputati u militanti tal-Malta Labour Party (MLP). Għal xi ħin, it-titlu ta' l-artiklu kien "Jinqasam il-Partit Laburista", iżda għall-ħabta ta' l-erbgħa neqsin għoxrin, it-titlu nbidel għal wieħed aktar 'newtrali' : "Jitwieled 'Moviment Laburista' Ġdid". Forsi l-edituri tal-maltarightnow.com ħassew li għandhom ikunu aktar kawti?

Mela issa se jkollna l-MLP1 u l-MLP2. Tajjeb. Jidher għaldaqstant, li l-ġlieda bejn is-CNI (Campaign for National Independence) u l-Partit Laburista, ħraxet ħafna aktar milli wieħed kien jista' jobsor sa ftit taż-żmien ilu. Anna Mallia, waħda minn ta' quddiem nett tas-CNI kienet qiegħda tirrappreżenta l-MLP2 flimkien ma' Alex Sciberras Trigona (tiftakruh lil dan?) li dan l-aħħar kien qed jidher fuq Smash TV fil-programm tas-CNI jikkritika bl-addoċċ lil Alfred Sant tal-MLP1, u Maria Camilleri, ex-MLP1 ukoll. L-MLP2, allura, ġie kkonċeput mis-CNI, fl-eqqel tal-gwerra bejn Karmenu Mifsud Bonnici u l-partit li kien mexxa f'perjodu fejn il-politika f'Malta kienet tippindla bejn il-farsesk u l-arċi-drammatiku.

U ngħiduha kif inhi, l-MLP2, ma setgħux isibu ġurnata aktar opportuna mis-7 ta' Ġunju, biex ivaraw dan il-moviment il-ġdid tagħhom. Li ma nafx, forsi xiħadd jista' jilluminani, hu kif ir-rappreżentanti tal-MLP2 sabu rwieħhom bilqiegħda mal-mistednin distinti. Jew is-siġġijiet li kien hemm skjerati fil-pjazza ta' quddiem il-palazz ma kinux riservati għall-irjus il-kbar?

Mhux talli hekk, talli l-MLP2 poġġa kuruna f'ħoġor il-monument tas-7 ta' Ġunju, flimkien mal-kuruni l-oħra li tpoġġew fost l-oħrajn mill-Gvern u mill-MLP1.

Kienet ġurnata opportuna wkoll għax is-7 ta' Ġunju 1919 għal ħafna snin kien jum meqjus bħala tal-klassi tal-ħaddiema. Wara kollox il-protesti li saru fuq il-Main Guard u li wasslu għall-qtil ta' erba' Maltin, kienu protesti mmotivati mill-ġuħ li din il-klassi kienet qiegħda tbati. Illum, ovvjament, dawn il-fatturi la għadhom jissemmew wisq inqas jitfakkru, għax anki t-terminu "klassi tal-ħaddiema" sar tabù nazzjonali, jekk mhux internazzjonali.

6.6.05

L-Iskorpjuni


L-Iskwadra ta' l-Iskorpjuni fl-azzjoni -
xena mill-filmat li heżżeż lis-Serbja
Jien għadni sal-lum ma nistax nemmen li l-Jugoslavja spiċċat kif spiċċat. U għandi suspett li huma ħafna oħrajn bħali li ma jistgħux jifhmu. Faċli tgħid li l-esperiment ta' Tito falla, li kien esperiment impost minn ideoloġija Komunista li, bħall-Komuniżmu Ewropew, miet (f'dak il-każ mewta traġika). Faċli wkoll tgħid li l-Jugoslavja eżistiet politikament iżda mhux spirtwalment. Iżda l-ħajja hija kkumplikata ħafna, u dawn l-asserzjonijiet huma sempliċi wisq biex jiġu aċċettati kif ġieb u laħaq.
Xi xhur ilu kont għamilt kumment dwar il-Jugoslavja, fejn fost l-oħrajn tkellimt dwar veduti opposti dwar l-imġieba tal-gruppi etniċi differenti iggruppati flimkien f'dik li kienet il-Jugoslavja. Filwaqt li ħafna jsostnu li l-mibegħda etnika kienet xiħaġa li qatt ma għosfrot iżda kienet biss miknusa taħt it-tapit, oħrajn huma pronti jikkowtawlek statistiċi twal ta' żwiġijiet imħallta bħala prova li din il-mibegħda kienet sentiment mhux daqstant ġenerali.
Jien miniex Jugoslav u allura naħseb li nkun pjuttost prużuntuż jekk nipprova nippreżenta teorija dwar dan.
L-istorja tal-ġimgħa l-oħra, meta l-istazzjon televiżiv statali tas-Serbja u l-Montenegro xandar ftit minuti minn video twil xi sagħtejn li kien inġibed waqt 'tour' li l-iskwadra faxxista ta' l-Iskorpjuni kienet għamlet fil-Bosnja Herzegovina fl-eqqel tal-gwerra ċivili (hawn min jaċċettax li dik kienet gwerra ċivili) Jugoslava, hija waħda importanti ħafna, l-aktar għaliex serviet biex ħafna Serbi jqumu mill-illużjoni li kienu reqdin fiha. Naħseb li huwa diffiċli ħafna tifhem x'għadda minn moħħ dawk iċ-ċittadini Serbi mkaħħla quddiem it-televixin jaraw sitt minuti makabri jixxandru quddiem wiċċhom.
Se ngħid l-ovvju: dak li ġara fil-Jugoslavja weġġa' u għadu jweġġa' ħafna nies. Fir-raħal ta' Medana, viċin il-fruntiera bejn is-Slovenja u l-Italja, iltqajt ma' poeta Serb, li jum fost l-oħrajn staqsieni kif kien l-itinerarju tiegħi minn Malta lejn is-Slovenja. Imbagħad qalli li meta kien għadu żagħżugħ kien jitlaq lejn Dubrovnik u lejn Isola (illum waħda tagħmel mal-Kroazja u l-oħra mas-Slovenja) flimkien mat-tfajla li kellu dak iż-żmien biex iqattgħu s-sajf jgħumu u jiddevertu. Billi ma kellhomx karozza, kienu jiħħiċċjawha, minn Belgrad sa Dubrovnik sa Isola. Imbagħad dar fuqi u qalli: "Biex wasalt hawn il-biraħtlura, kelli napplika għal viża, nuri l-passaport f'żewġ fruntieri u nwieġeb skoss mistoqsijiet. Ħadt l-istess triq, imma l-vjaġġ kien differenti ħafna."
Minn Ljubljana lejn Trieste qatagħni żagħżugħ li wara l-vjaġġ ta' siegħa kellu jibqa' sejjer għal vaganza. Fuq is-saqaf tal-karozza kellu marbut il-qiegħ tal-windsurfer. Staqsejtu fejn sejjer jisserfja. "Dubrovnik. Għalkemm Dubrovnik m'għadhiex li kienet. " Qalli li minn ftit żmien 'l hawn kif jaraw karozza bit-targa Slovena jkissrulha l-mirja, joborxuha jew ifarrkulha l-ħġieġ tat-twieqi. Fi kliem ieħor tkun qed tazzarda. Qalli li hu ma kienx qed jinkwieta daqstant għax mart ħuh Kroata u l-karozza jitfagħha fil-garaxx tad-dar tagħhom.
Ma nafx għaliex nibqa' nirrakkonta dawn l-istejjer. Ġieli nissuspetta li għandi xi gost pervers nirrakkonta n-niket u t-traġedji. Mill-banda l-oħra dak li ġara fil-Jugoslavja - f'pajjiżi oħrajn - ma jistax ma jmissnix la seħħ fl-istess pjaneta fejn ngħix jien u la mess lil bnedmin tad-demm u l-laħam bħali.
Li jibqa' jtektek f'moħħi hu l-fatt li minkejja s-snin li għaddew minn mindu spiċċat din il-gwerra, it-tbatija psikoloġika ma tispiċċax ma' l-iffirmar ta' xi ftehim ta' armistizju; li anki jekk tkun ġietek tajba u tkun evitajt ix-xeni orribbli, l-effett ta' dak li ġara jaħfen lilek ukoll, imqar mentalment; li anki l-ħajja mondana ta' kuljum jista' jkollha effetti fuqha; li anki l-memorja ta' dak li ġara u ta' dak ta' qabel tibqa' ssus warajk u tweġġgħek. Li l-viża u l-fruntieri ġodda li kellu jaqsam il-kittieb Serb li ltqajt miegħu kienu fihom infushom xhieda ta' spettru li mhux se jisparixxi faċilment.
X'jibqa' minnek jekk jum fost l-oħrajn issir taf li missierek kien skwadrista li tebba' idejh bid-demm ta' ġenoċidju etniku? Snin ilu, waqt party fuq bejt fin-Naxxar, kont iltqajt ma' mara Ġermaniża li twieldet ftit wara t-tieni gwerra dinjija. Kienet qaltli li għall-ġenerazzjoni tagħha, l-ansjetà ta' l-adoloxxenza ma kinitx konnessa mal-bidliet li l-ġisem u l-personalità ta' dak li jkun ikunu qegħdin jagħmlu, imma mal-biża' kbir li setgħu jiskopru li l-ġenituri tagħhom setgħu kienu membri tal-Gestapo jew skwadri oħra tat-terrur Nazista. Kienet semmietli lil ħabib tagħha li kien spara għal rasu meta sar jaf li missieru kien membru fil-partit ta' Hitler.
U tinduna li l-vittmi tal-gwerra mhumiex biss dawk li mietu jew dawk li mitilhom xiħadd. Jistgħu jkunu wkoll oħrajn li jibqgħu jġorru l-ħtija li mhijiex tagħhom.

3.6.05

Kimika -- fl-aħħar!



Mela, issa nistgħu nagħmluha uffiċjali anki fuq il-blogg: wara storja twila li ħadet aktar minn sena, Kimika, se jitfaċċa fil-ħwienet tal-kotba fl-aħħar ta' dax-xahar. Pubblikazzjoni tal-Klabb Kotba Maltin. Għal min jinteressah it-tnedija se ssir fit-30 ta' Ġunju. Post u ħin aktar 'il quddiem.

Kif għidt lil Matthew Vella - li sab ruħu fil-ktieb bħal Pilatu fil-kredu - dan il-ktieb huwa ħarsa oħra mill-qrib lejn dak li qiegħed jiġri fuq il-Blata. Min-nota fuq il-qoxra ta' wara:

Hija ħarsa mill-qrib ħafna, forsi tant mill-qrib li tista' ddarras. L-identikit li joħroġ huwa l-kronaka ta' nies li ma jafux x'se jagħmlu b'ħajjithom u ta' oħrajn li l-ħajja ma tafx x'se tagħmel bihom.

Kien hemm uħud li ddarrsu waħda sew. Jaħfruli, imma din li għad irridu nħarsu lejn il-Blata bħala l-pajjiż tas-sewwa u l-innoċenti rridu naqtgħuha. Il-Blata hija parti mid-dinja, u għax hi parti mid-dinja hija bħalha: fit-tajjeb, fil-ħażin u f'dak kollu li jaqa' bejn dawn iż-żewġ poli. U għalkemm Kimika ambjentat fi żmienna, m'għandi l-ebda dubju li l-Blata kienet minn dejjem imħawda daqs l-akbar pajjiż fl-akbar kontinent. U n-nies ta' fuqha kienu mill-aħjar daqs il-qaddisin li jimxu f'artijiet oħra, u kriminali daqs l-eqqel xjaten li ġġerrew mal-irjieħ kollha fuq l-art. Ħarsa lejn il-kotba ta' l-istorja ta' l-Inkwiżizzjoni f'Malta turi dan b'dokumentazzjoni fitta u dettaljata ħafna.

Ikolli nammetti, iżda, li Kimika ma tanix xi gost kbir niktbu, għar-raġuni sempliċi li l-istejjer miġbura fih huma stejjer koroh aktar minn dawk tan-nies koroh li introduċejt fl-ewwel għawma tiegħi. Dawn l-istejjer inkitbu ħafna qabel ma każi bħal dan, jew dan, jew dan ħarġu fil-beraħ. Qed ngħid dan biex jekk tiddejjaq b'veritajiet koroh ma taqrahx dan il-ktieb. Iżda aktar inikktuni stejjer oħra (li ma ktibthomx fil-ktieb) ta' nies li assolutament iridu li r-ritratti tal-Blata jibqgħu bħall-postcards li ssib fil-ħwienet tal-Belt u ta' Buġibba. Niftakar meta kont Pariġi għat-tnedija ta' ġurnal awtorevoli li kien iddedika numru doppju għal-letteratura bil-Malti miktuba wara l-Indipendenza kont tlabt li niltaqa' mat-traduttriċi li kienet qalbitli l-istorja "Rubi" għall-Franċiż. Xiħadd kien qalli li dik it-traduttriċi, Maltija ta' xir-raba' ġenerazzjoni ta' emigranti lejn Franza, kienet irrifjutat li turiha lill-Maltin emigranti l-oħra għax kienet se xxaqqaq l-idea li kellhom ta' l-art ħelwa mnejn in-nanniet ta' bużnanniethom kienu oriġinaw. L-ewwel darba f'ħajti li tkellimt ma' ambaxxatur barrani għal Malta, waqt riċeviment il-Belt, irrakkuntali anedottu tat-tferfir li kellha fuqha mart wieħed mill-ministri tagħna bl-iskandlu li ħadet meta semgħet bl-istejjer tiegħi, u dan l-ambaxxatur kien qalli li din is-sinjura għamlet minn kollox biex tikkonvinċih li dak li qara ma kienx is-sewwa dwar il-Blata. Dawn huma l-istejjer l-aktar koroh, ta' nies li jgħidulek "imma hemm bżonn li l-istejjer tiegħek ikunu daqshekk 'krudi'?"