Evropa
Naf li huma diversi l-kollegi bloggejja li tinteressahom il-letteratura li qiegħda tinkiteb fuq il-Blata. U naf ukoll li wħud minnhom jistaqsu jekk din il-letteratura hijiex tolqot il-miri (mitiċi jew le) li nimmaġinaw li hemm. Waħda minn dawn il-miri minn dejjem kienet li nkunu bħall-oħrajn, li nimxu pari passu mal-kumplament tad-dinja (jiġifieri l-Ewropa). Il-ftuħ li beda jfiġġ fis-snin sittin, konxjament jew le, primarjament kien ftuħ lejn l-Ewropa, (jiġifieri dik tal-Punent). U għaldaqstant, l-Ewropa kienet il-punt ta' referenza, il-kejl, id-destinazzjoni kulturali. Iżda din id-destinazzjoni kienet ilha f'ċerti mħuħ Maltin sa minn ħafna qabel is-snin sittin. Ġwann Mamo, pereżempju, kien Ewropejista kbir. U qablu kien hemm xiħadd jismu Mikiel Anton Vassalli, anki jekk dan l-isem ġie ko-optjat mill-kamp tal-Le-Għall-Ewropa.
Issa, li Malta tħaxknet fl-imbierka Evropa, tajjeb li nerġgħu nqajmu dawn il-mistoqsijiet li ilhom iħufu fl-imħuħ. Did-darba iżda, ir-realta' hija differenti għaliex politikament Malta hija l-Ewropa. Il-mistoqsija tibqa' jekk kulturalment u mentalment, hijiex qiegħda hemm. Jonkella, il-mistoqsija hija jekk aħniex hemm bir-ruħ u bil-ġisem jew aħniex hemm bil-ġisem biss.
Biex ma ntawwalx (għax in-normi tal-bloggiżmu jiddettaw il-konċiżjoni) jekk int interessat li tistaqsi aktar (m'għandix dubju li mintix se twieġeb) tista' tattendi għal simposju li Inizjamed, flimkien mal-Literature Across Frontiers, qegħdin jorganizzaw fil-Kavallier ta' San Ġakbu, bejn nhar il-Ġimgħa u s-Sibt li ġej. It-tema: Re-Visions - Skambju Letterarju f'Ewropa Akbar.
3 Comments:
tiftakruh blogger jismu immanuel? x'sar minnu dak?
Bhalissa hawn hafna qeghdin fuq pawza milli jidher.
Jien ukoll ghax grawli hafna xorti li ma hallewnix inkompli. Imma ma ndumx ma nerga' nibda nqabbad...
Tislima lil Tgedwid - niltaqghu s-Sibt fil-ghaxija.
Kevin
:)
Post a Comment
<< Home