mp

5.10.05

Strangers in the Night

Il-lejl tar-repubblika
Hemm min telaq minn Malta u madankollu ma farfarx it-trab minn ma' saqajh qabel tela' fuq l-ajruplan. Hemm min qiegħed isegwi b'kurżita' kbira x'qiegħed jiġri fuq il-Blata. Hemm min qiegħed jinkwieta bl-atteġġjament li qiegħda tieħu sezzjoni mill-poplu fid-dawl tal-kwistjoni tal-klandestini, aktar u aktar b'dak li ġara waqt id-dimostrazzjoni tal-ANR. Il-mistoqsija li għadha mhijiex ċara għal min ma qabadx ajruplan u telaq hija għandniex nallarmaw irwieħna jew le.

L-inċidenti bejn il-leminin u x-xellugin fit-toroq tal-Belt it-Tnejn li għadda jistgħu jkunu sinjal li l-politika tal-pajjiż qiegħda titbiegħed mill-parlament u minflok tinżel fit-toroq. Jekk din il-veduta hija korretta allura naħseb li għall-ewwel darba fl-istorja tal-Blata, il-politika fit-toroq mhijiex immexxija mill-partiti l-kbar (bħalma kienet fit-tmeninijiet) imma minn gruppi politiċi oħra li s'issa għadhom ma jiffurmawx parti mill-establixment politiku.

Ma nafx iniex se nkun bombastiku iżda dan l-andament ifakkarni fil-lejl tar-repubblika Taljana, meta l-estremi ta' l-ispektrum politiku ħadu r-riedni f'idejhom u għamlu straġi sħiħa, meta l-istraġi saret kronaka. Wieħed irid iżomm f'moħħu, iżda, li r-riżultat ta' dan kollu, anki jekk mimli bl-ironija, kien li l-Istat li ż-żewġ estremi ħalfu li jferu, issaħħaħ aktar. Miniex nipprova nimplika li wasalna għal-lejl tar-repubblika ta' Malta, imma mill-banda l-oħra ...

1968
Stanju jiffrustra ruħu li r-riformi fis-sistema ta' l-istipendji ta' l-istudenti universitarji ma wasslet għall-ebda 1968. Jien nifhmu l-punt ta' Stanju imma miniex neħodha bi kbira. F'pajjiż fejn l-aljenazzjoni saret il-liġi bażika tal-ħajja ta' kuljum, ma jistax ikollok 1968. Speċjalment fl-2005. Issa m'għadx għandna l-Beat Generation, Stanju sbejjaħ, imma l-Bit jew il-Byte Generation, li moħħha f'affarijiet oħra. Il-Las Palmas u l-klikka tiegħu ma kinux se jmorru fit-Triq Reġjonali, u lanqas fi Triq Sant'Anna. Kif qal tajjeb Stanju, il-klikka li ħareġ biha hu moħħha fil-muskoli, fis-siegħa nejk skorruta (espressjoni tat-80ijiet ikolli ngħid) u ġewwa x-xilep. Wara kollox, il-fenomenu ta' l-1968 x'bidel fir-realta'? Ok, Valerie Solanis sparat fuq Andy Warhol ... u b'daqshekk?

Imma tgħid ...?
U min qed jitkellem l-aktar fuq dan kollu? Ħadd ħlief il-bloggejja! Bagħatli messaġġ Mark. Staqsieni x'qed jgħidu l-intellettwali għax forsi mil-(Lussu)mburgu (jew fejn qiegħed) leħenhom ma jinstemax? Min? L-intellettwali? Għażiż Mark, get real, kif kienu jgħidu. Tal-Qroqq għadu dak li kien. Issa biex tgħaxxaqha l-NSO ħareġ rapport li anki l-istudenti tat-tielet eta' donnhom tilfu l-ħeġġa.

Mużika fl-isfond: wara l-mewta traġika tal-hard disk u t-twelid mill-ġdid tal-kompjuter b'organi ġodda, għad m'għandix ħeġġa nitfa' mużika fl-isfond. Allura jew oqogħdu isimgħu dik li ilha hemm għomor, jew inkella itfulu u oqogħdu iħħammjaw Strangers in the Night.

2 Comments:

Blogger Kenneth qal/et...

Jiddispjaċini ngħid li din ta' l-inċidenti li nqalgħu ġiet esaġerata bil-kbir mill-ġurnali. L-eqreb rakkont kien ta' l-orizzont.

Li ġara verament kien li tal-Graffiti ħadulhom il-banner il-pulizija u mid-dehra mill-ewwel intesew u l-veru "inċident" li kien hemm kien li Fr Mark Montebello baqa' jirreżisti 'l pulizija.

Qed ngħid dan wara li rajt iswed fuq l-abjad, video li juri dan kollu. Il-video juri wkoll lill-grupp ta' cowboys b'rashom sħuna li tħajru jkunu kuraġġużi, pero' l-pulizija żammewhom qabel ma' biss ixxabbtu mal-kolonni, ħlief għal wieħed li deher "jimbotta" lil Mark Montebello. Jekk waqax bl-imbuttatura jew minn jeddu (biex ma jispiċċax isfel) ma nafx, għax ma kontx hemm biex nara. Imma kien hemmhekk li ħatfuh il-pulizija - insomma, dak kien il-mument li stajna naraw fuq ir-ritratti fil-ġurnali.

Għalhekk nemmen li għandek żewġ żbalji: l-"inċidenti" ma nqalgħux bejn il-lemin (irħilha li kien hemm Laburisti akkaniti wkoll, imma nsomma) u x-xellug, għax ma kien hemm ebda nċident mal-Graffiti. L-"inċidenti" inqalgħu ma' Montebello jekk tista' ssejħilhom hekk, li hu parti mill-Knisja ...għalkemm probabli jobgħod jammetti hu stess.

B'hekk nispera li ma jsirx wisq panic żejjed fuq is-suppost inċidenti li nqalgħu. Ma kien hemm ħadd jagħti fl-idejn jew x'naf jien, u fuq programm ta' Xarabank li jmiss (tqis li kellhom cameraman hemm fuq), jekk huma rġiel, iġibu l-footage kollu biex jara kulħadd fejn kienu s-suppost inċidenti.

9:40 pm  
Blogger Erezija qal/et...

qalb dawk jiehdu sehem fil-marc ta' l-ANR tghidx ma kienx hemm xellugin (cioe laburisti)... dazgur li kien hemm... ix-xellug u l-lemin f'din il-kwistjoni lanqas ghandhom x'jaqsmu (ara l-GWU).

9:14 am  

Post a Comment

<< Home