mp

13.9.05

blobb (5)

Seta' Kien Ikbar, Seta' Kien Isbaħ
Fuq it-tabellina, Silvana Izzo Clarke kitbet li biex issir taf pajjiżek trid titbiegħed minnu. Hemm mod ieħor kif tista' ssir tafu mingħajr ma titbiegħed minnu: tgħix ma' xiħadd barrani. F'daqqa waħda dak li kien familjari jsir aljen, ir-ritratt ta' fuq l-iskrivanija wkoll jibda jidher differenti. Saħansitra x-xbieha tittawwallek minn ġol-mera xxidd wiċċ stramb li qatt ma tkun rajt qabel. U jkolli nistqarr li s-sensazzjoni hija waħda stramba u xi mindaqqiet skomda wkoll. Stramba kif tkun ilek tifli l-fili u f'daqqa waħda xiħadd jurik li dak li tkun flejt u xtarrejt ikun biss stampa li tista' titħassar faċilment.
Anki ċ-ċokon għandu l-misteri tiegħu.
Seta' kien ikbar ...
Domt ftit ma fhimt għala fl-istazzjonijiet tat-tren, jew fil-maġġoranza assoluta tagħhom, waħda mill-irkejjen l-aktar importanti hija l-kafetterija. Imbagħad bdejt ninnota kif ħafna vjaġġaturi, l-aktar dawk li jgħixu fil-pajjiż stess, joħorġu kolazzjon li jkunu xtraw mill-istazzjon; ġeneralment xi siegħa wara t-tluq. Tqajjem il-ġuħ id-distanza? Mhux żgur. Imma l-ħin iva.
Ħadd ma joħlom jixtri kolazzjon u joqgħod jieklu malli jitla' l-45 lejn il-Belt. Tkun għadek lanqas ħallejt it-tgeżwira li ma ssellimx lill-iljun tal-Furjana.
Seta' kien isbaħ ...
Ħalli ngħiduha kif inhi: tneħħi l-ġebel x'tista' tara aktar? Forsi l-belt kapitali: dik li għandha bieb mimli xquq misduda bis-siment iswed; jew dik mimlija karozzi pparkjati jagħtuk merħba; jew dik tal-lożor u l-qliezet ta' taħt minxurin fil-gallariji; jew dik taż-żwiemel jintnu jiġbdu l-karrozzini u jaħraw minn kulfejn jgħaddu? ... Jew tas-Sliema: dik mnejn timxi tlikki tlikki minħabba t-traffiku; jew fejn tifga bit-torrijiet ta' l-appartamenti bi prezz fenomenali, jew fejn darba kien hemm xalè u, bħall-famuż teatru tal-Belt, waqa' u baqa' ma qam qatt? ... Jew ngħidu aħna Marsaxlokk u Birżebbuġa: fejn tmur tgħum fil-kumpanija ta' dinosawri ta' l-azzar li jwerrċuk qabel ma tilħaq l-ilma? ... Jew forsi l-Imdina: dik li meta konna mmorru l-iskola kienu jgħidulna li jsejħulha Belt is-Skiet, u llum invażata turisti jgħajtu u jwerżqu qishom qatt ma marru mkien?
Mark Vella
Mimli ironija l-għażiż sieħbi Mark Vella. Biss biss Slimiż u jżomm mal-Furjana (miskin!). Kiteb bloggata b'titlu mimli ironija meta tieħdu fil-kuntest tal-bloggata ta' qabel: The Europids Destroy Ta' Qali. Madwar Ta' Qali min kissru?
Sentejn ilu
Tgedwid deher fuq ix-xibka għall-ewwel darba bħal-lum sentejn.

8 Comments:

Blogger MaltaGirl qal/et...

Il-festa t-tajba!

9:16 am  
Blogger noel tanti qal/et...

sentejn tgedwid... dak HAFNA tgedwid... :)

l-anniversarju t-tajjeb...

10:57 am  
Blogger Jacques René Zammit qal/et...

gedwed gedwed ha mmorru....

prosit xbin. dejjem pjacir naqrak anki fejn ma naqblux.

3:10 pm  
Blogger L-Imżebbel qal/et...

Tajba din... Slimiż iżomm mal-Floriana! lol

Tas-City!

3:18 pm  
Blogger Hsejjes qal/et...

Hija xi haga skomda hafna meta tkun tghix ma barrani meta tirrealizza li affarijiet li inti , bhala Malti,tiehu 'forgranted', f'daqqa wahda isiru ta' barra minn hawn! U haga li tirritani ghall ahhar hi meta tghidilhom kunjomok (fil-kaz tieghi li jien mara) u jisspelluh qisek ghidtilhom xi kunjom minn Mars!! u happy 2nd Bloggaversary!!

6:59 pm  
Blogger Kenneth qal/et...

Nassigurak li tilħaq tiekol three course meal f'50 minuta fuq il-45...

10:41 am  
Blogger L-Ghama qal/et...

Habib, infahhar l-ispontanju, ir-ruh li hemm f'kitbietek. Meta naqraha, nhossni qed naghmel xi haga kbira.

Noghxa nifli t-triq li tehodni minghajr hotob u kollha mdawwla. Twila kemm tkun twila d-distanza, timxi ma kitbietek hu pjacir.

Grazzi.

7:34 pm  
Blogger PeachBellini qal/et...

Naqbel ma Hsejjes. L-ewwel darba li l-gharus gie Malta kien xokk ghalina t-tnejn. Hu ma setax jifhem hafna affarijiet, u jien ma stajtx nifhem 'il ghala hu ma jifhimx!

4:13 pm  

Post a Comment

<< Home