mp

3.8.05

Blobb

12.01pm

Xi mkien mhux wisq 'il bogħod minn Ħ'Attard ilhom itellgħu murtali mit-tmienja bomm. Ħallihom ħa jgawdu la għandhom il-festa. U issa dalwaqt niċċelebraw is-seba' madonni; u wasalna f'Awissu u daqt ikun għadda staġun ieħor tal-festa, u tajjeb li nispiċċaw bil-kbir għax ta' l-aħħar ...
***

Ereżija wkoll sab il-ħin li jaqra Kimika u minbarra hekk kien ġentili biżżejjed li jaqsam ma' kulmin jaqra l-blogg tiegħu r-reazzjonijiet tiegħu dwar il-ktieb. Mingħajr il-ħafna retorika ta' ringrazzjamenti u apprezzamenti u x'naf jien, inserraħ rasi li għal xi wħud il-letteratura għadha relevanti. Anzi nasal ngħid li hija relevanti għal ħafna. Ir-relevanza tal-letteratura, għallinqas f'Malta, ġiet problematizzata f'artiklu li laqatni mill-ewwel ta' Dr Marco Galea, fit-Tabellina. Ġiet problematizzata aktar minn Stella Camilleri, fi bloggata skjetta li ġegħlitni naħseb ħafna.
Iżda lura għall-kummenti ta' Ereżija ... Hemm kummenti qawwija li anki lili tawni ħasda. Pereżempju t-titlu, L-innoċenza li qatt ma tlifna, li Ereżija jużah bħala tema tul il-bloggata kollha. L-innoċenza ta' poplu li għandi dubji serji jekk qattx kien verament iħaddan, jew kinux il-kittieba ta' dari li ħolqu dan il-mit madwaru. Jien aktar naħseb li hu każ tat-tieni.
***
Semmejt it-Tabellina. Ħadna pjaċir li Toni Sant ikkontribwixxa għall-aħħar aġġornament tal-ġurnal. Terġa', iddedika bloggata dwar l-istess artiklu. L-istess bħal Toni, kont qrajt il-ktieb ta' Eugenio Barba dwar il-gżejjer li jgħumu fil-wiċċ meta kont għadni involut fit-teatru. Barba mhuwiex teatrant konvenzjonali, mhux biss għax it-teatru li ħadem minnu nnifsu spara 'l barra mill-konvenzjonijiet (kif wara kollox għamlu t-teatranti l-aktar importanti fl-istorja tat-teatru) imma għaliex kien ukoll poeta tal-kliem. Nixtieq nieħu l-okkażjoni nsellem lill-bniedem li mhux biss ħadem ma' Barba imma wkoll kien hu li introduċieh fl-istudji teatrali fuq il-Blata, Ġanni Schranz. Kemm Toni Sant, kemm jien u kemm oħrajn tgħallimna ħafna mingħand dan il-bniedem, li bl-idjonsinkraziji kollha tiegħu, darba waħda welled viżjoni f'moħħu u għadu jaħdem għaliha sal-lum, minkejja l-kuntrumbajsi kollha.
***
Fl-aħħar paragrafu ta' l-artiklu tiegħu, Toni Sant jikteb hekk:
Fl-1994 ħtieġli nitlaq minn Malta. Minn dakinhar addottajt stil ta’ ħajja li spiss iġegħelni nistħajjel li qiegħed ngħix fuq gżira tgħum fil-wiċċ. Filwaqt li biż-żmien drajt ngħix barra minn Malta, żammejt ir-rieda li nibqa’ barrani.
It-toroq mgħawġa u misterjużi tal-ħajja ġabuni aktar insè ta' dawn il-ħsibijiet min-naħa l-oħra ta' l-istorja: meta minħabba fik xiħadd jispiċċa jitlaq kollox warajh u jispiċċa fuq blata għal kollox aljena għalih. It-toqol tar-responsabbiltà li tħoss wara li tkun qlajt lil xiħadd minn qoxortu, ġegħiltu jaqsam l-artijiet u l-ibħra, jillandja fuq żrara 'sempliċiment' biex ikun miegħek, hija responsabbiltà enormi ... u hu propju issa li bdejt inħossha. Biex ma nsemmux li tista', bħal fil-każ tiegħi, taqla' lil xiħadd minn appartament bit-twieqi jagħtu għal fuq muntanji ħodor, b'kilometru biss 'il bogħod minn foresti ma jispiċċaw qatt mimlija siġar iħokku s-sema, għasafar li ħadd ma jaf kif tisparalhom, annimali li ħadd m'għandu d-demm li jikkaċċjahom, xmajjar inġazzati mnejn tista' tixrob waqt li tgħum, u qċaċet oħra fejn il-pulmun tħossu kif qatt ma ħassejtu qabel, biex imbagħad isib ruħu fuq blata fejn is-siġar kollha tiġborhom f'metru kwadru, fejn allaħares jitfaċċa għasfur għax tinħaraq kaxxa infernali sħiħa, fejn diffiċli tagħmel differenza bejn l-ilma u l-bewl, u fejn qatt ma tista' tintilef.
Hemm stejjer ta' dijaspora minħabba x-xogħol; hemm oħrajn minħabba l-biża'; oħrajn minħabba l-ġuħ tal-ġisem jew tar-ruħ; oħrajn minħabba l-avventura. U hemm oħrajn li jseħħu sforz l-imħabba.
***
L-ewwel ritratt ikrah tad-dijaspora: Kelli dar. Illum m'hix tiegħi. Illum hemm raġel stramb b'mustaċċi folti u koroh qed joqgħod fiha. U miegħu għandu kelb, maħmuġ u mġiddem. U dan il-kelb il-maħmuġ qed jorqod fuq in-naħa tas-sodda fejn kont norqod jien.
***
L-ewwel ħsieb ikrah ta' min laqa' lill-immigrant f'daru: tgħid qed nirrabjahom lil dawk in-nies li għandhom ħafna għall-immigranti, bħal ċertu bloggej illustri li jitqanżaħ ħafna biex idaħħalhielna f'moħħna li t-terminu 'immigrant irregolari' huwa skorrett u għandna nużaw 'illegali' minflok? Wara kollox, illegali jew le, regolari jew le, illum jien responsabbli li ġibt persuna 'barranija' tokkupa spazju Malti. Imma mbagħad, wara kollox, il-barranija li ġibt jien mhix mill-Eritrea jew is-Sudan, mhix sewda faħma, anzi bajda karti, Ewropea ħafna aktar minni għax ġejja mill-pajjiż taċ-ċentru nett, mill-Ewropa ta' Abel, mnejn kienet titla' x-xemx, mnejn jafu jagħmlu r-rivoluzzjonijiet bil-bellus mhux jaqsmu l-ibħra fuq ċatra mtaqqba. Nista' nserraħ moħħi tgħid?
Mużika fl-isfond: Ancora, Ancora, Ancora, interpretazzjoni tal-vuċi t'alla mibdula f'dik ta' mara.

10 Comments:

Blogger Toni Sant qal/et...

This comment has been removed by a blog administrator.

7:35 pm  
Blogger Toni Sant qal/et...

Bloggata mill-isbaħ! U mhux qed ngħid hekk għax semmejtni fiha. Taf.

Sabiħa mmens għax int kapaci tinseġ bi kliem meqjus dak li ili naħseb dwaru s-snin. B'jetlag tremenda fuqi (skuza tajba, le?) ħriġt b'din il-bloggata tassew fqira jien il-ġimgħa l-oħra, fi triqti minn New York ghal Miami. Mhux li kien kont kapaċi nikteb dak li tassew ridt ngħid dwar id-dijaspora u d-dinamika tal-ispazju personali bil-mod artikolat li tikteb bih int.

Mela żid dan bħala ħsieb jew tnejn ma' dawk li qed taħseb int vis-a-vis l-maħbuba tiegħek: is-sens ta' dijaspora ġo dijaspora. Inkella, dijaspora reċiproka mal-maħbuba. L-ewwel waħda għaddej minnha jien bħalissa. It-tieni waħda hija l-akbar kumplikazzjoni li għandi f'ħajti bħalissa.

Heqq, int il-poeta! Toqgħodx lura milli tgħid bi kliem mill-ifjen dan li jien għadni kemm bżaqt bħal lil kieku taħmila tad-dras.

7:37 pm  
Blogger Erezija qal/et...

fil-fatt it-titlu sħiħ tal-bloggata li ktibt dwar kimika kien: "l-innoċenza li qatt ma tlifna għaliex qatt ma kellna" imma ma kontx ċer kif nispelli "kellna" (jew "kelna"?) u ma kellix aptit nagħmel ftit riċerka :/

7:12 pm  
Blogger Erezija qal/et...

... jew l-innoċenza li qatt ma tlifna għaliex qatt ma konna (innoċenti)...

ma nafx, qed inħossni għajjien ħafna

ċaw

7:13 pm  
Blogger Erezija qal/et...

ta' l-aħħar...

"L-innoċenza ta' poplu li għandi dubji serji jekk qattx kien verament iħaddan, jew kinux il-kittieba ta' dari li ħolqu dan il-mit madwaru. Jien aktar naħseb li hu każ tat-tieni."

Zgur huwa kaz tat-tieni. Fil-fatt il-qawmien mir-raqda li semmejt huwa r-raqda tal-litteratura Maltija, mir-romantiċizmu tal-ħajja rurali (li kienet gidba wara kollox) għar-realtà ta' l-sms (li saret taffaxxinani ħafna... kif il-mobile biddel il-"kimika" tar-relazzjonijiet ta' bejnietna)

issa vera tlaqt

7:16 pm  
Blogger Antoine Cassar qal/et...

Nahseb li smajt is-silta ta' Mina xi ghaxar darbiet il-lejla. X'inhi helwa l-vuci taghha! Grazzi Manuel.

Alex, biex ticcekkja l-ortografija ta' xi kelma malajr (jien gieli ma jkollix aptit inqalleb fil-kotba, specjalment bil-lejl), tista' tuza l-Gugil bhala konkordanza. Per ezempju, tfittex "kelha" u mbaghad "kellha" f'siti Maltin u tara liema sorsi huma l-aktar li tista' torbot fuqhom. Mhijiex l-aqwa soluzzjoni ghax zbalji ortografici fl-Internet ovvjament hemm bil-bosta. Tista' tillimita wkoll it-tfittxija ghal sit wiehed li tkun zgur li fih Malti tajjeb. Fil-kaxxa tal-Gugil iddahhal per ezempju "kellna site:immanuelmifsud.blogspot.com" jew "kellna site:xifer.blogspot.com", u jekk jidher xi rizultat, violà!

12:45 am  
Blogger Erezija qal/et...

iva antoine, fuq ix-xoghol gieli naghmel hekk, imma d-dar l-internet tieghi qisu bebbux jimxi ;)


Immanuel, kliemek dwar il-pajjiz tar-rivoluzzjoni tal-bellus qanqluli hafna memorji ta' meta jiena kont hemm. fuq dan se nikteb dalwaqt.

8:21 am  
Blogger Immanuel Mifsud qal/et...

Antoine: heqq, Mina hija Mina, il-mara b'orkestra fi grizmejha sejhilha xihadd.

Erezija: ikun interessanti tikteb il-memorji tieghek ta' dan ir-regjun; ghallinqas jien niehu gost hafna kieku.

2:28 pm  
Blogger l-istordut kroniku qal/et...

Forsi qed nikkummenti ftit tard, imma ridt inaħħaħ dak li għidt int fuq Ġanni Shranz. Jien kelli x-xorti li li niltaqa' miegħu u naħdem fil-workshops tiegħu dak iż-żmien fit-transizzjoni bejn i-Teatru tal-Bniedem u l-Inkontri. L-ispirti għarriex tiegħu kien jimmeraviljani. Kienet sfortuna għalija li kelli nieqaf minn dik l-esperjenza.

10:06 am  
Blogger Hsejjes qal/et...

Il-bloggata tieghek sabieha Weli, imma il-muzika ta Mina isbah....

10:14 am  

Post a Comment

<< Home