mp

9.7.05

Mifsud 11408



Bħalma nimmaġina li ħafna għamlu, wara l-attakki fuq Londra rajt kif ikkuntattjajt lil dawk il-ħbieb u 'l-qraba li għandi fil-kapitali Ingliża biex nara li "kollox sew". Waħda mill-emails li bgħatt kienet lil poeta Irlandiż li ħdimt miegħu u li ftit tal-jiem ilu kont miegħu Cork. Jgħix u jaħdem Londra. Kitibli lura minnufih: "yes, we are all fine... and so far I haven't heard any bad news of people I know. Crossed fingers. We knew this was coming, and now there's a feeling of almost 'we got off lightly' -- which is odd, not right." U jibqgħu jiġuk ħafna ħsibijiet. Bħal ħafna nies oħrajn, dawn l-aħħar jiem, qrajt u xtarrejt x'kiteb ħaddieħor fuq id-diżastru fil-mini li jserrpu taħt it-toroq Londoniżi u fil-pjazza tal-memorji. Laqatni ħafna l-kumment li Bertu ta' l-Anġli għadda fi bloggata oħra dwar is-suġġett, anki jekk inħoss li t-terroriżmu tal-BR u ta' l-IRA u dak li qiegħed juru snienu bħalissa mhux l-istess ħaġa .

Londra għaddiet minn mewġa stramba. Jum minnhom tiċċelebra l-bidu ta' proċess li għandu jwassal għall-Olimpjadi 2012, l-għada tittaqqab bil-bombi, imbagħad għada hemm il-kommemorazzjoni tas-sittin anniversarju mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija.

It-Tieni Gwerra Dinjija għandha sinifikat kbir ħafna għalija.
Missieri qatta' l-gwerra fuq il-kanuni f'Kordin, Delimara u f'Ħal Far jimmira lejn l-ajruplani tal-Faxxisti u l-Luftwaffe, fix-xmux, fis-sħana tal-ħadid jispara u tal-ħadid jistabat fl-art u jisplodi, fil-biża' li fl-aħħar tmiss lill-Papa. Fis-salott għad għandi s-sitt midalji tiegħu, inkluża dik li waħħlitlu fuq sidru Żabbett it-Tieni: onorifiċenza talli baqa' mmankat għal għomru waqt il-qadi tad-dmir lejn il-Kuruna. Xi mkien hemm ir-ritratt: liebes l-uniformi bir-reġina wieqfa tkellmu, dritt dritt minkejja li siequ x-xellugija xi ħames pulzieri iqsar mill-oħra. Imbagħad aktar servizz lill-Kuruna fl-art tal-piramidi, fis-Saħara, (niftakarhom wieħed wieħed ir-ritratti, l-aktar dak quddiem piramida u l-ieħor riekeb fuq dahar il-ġemel). U l-iljieli twal, għassa, fis-sirda u l-ksieħ.

Kiddejtu ħafna lix-Xiħ f'żgħożiti; l-aktar meta kont ngħidlu li ġġieled il-gwerra ta' ħaddieħor u li l-agħar ħaġa li għamel Mintoff, minbarra l-iskoss transfers li tah għax ma kellux ħajta fi lsienu, kien li ħalla
l-George Cross fuq il-bandiera. Ħa nħalluha din tal-George Cross għax għadni nemmen hekk sal-ġurnata mqaddsa tal-lum ... imma dak iż-żmien ma kontx inqis sew kliemi u naf - issa - li lix-Xiħ kont inweġġgħu.

Illum ix-Xiħ, darba mniżżel fil-kotba tar-Royal Malta Artillery bħala Mifsud 11408, iqatta' ħajtu jiċċassa, mixħut fuq siġġu tar-roti jew f'soddtu. Dalgħodu kien it-tieġ tat-tifla ta' bintu, jipprova jagħraf in-nies fil-folla ta' madwaru. Għall-enneżma darba xtaqt niġbor ġieħi miegħu: ngħidlu li għada hemm il-kommemorazzjoni ta' tmiem il-gwerra li sittin sena ilu, meta kien għad kellu ħamsa u għoxrin sena, kien iġġieled hu fuq l-azzar jikwi tal-kanuni. Xtaqt ngħidlu li fis-salott għad għandi l-midalji mdendla. Xtaqt ngħidlu ħafna affarijiet, bħal kull darba li nitla' narah, jidħaqli ftit u jerġa' jagħlaq għajnejh.

Jien u nsuq lura lejn id-dar, minn quddiem il-barracks ta' Ħal Far u ta' Ħal-Luqa (fejn snin ilu kont nieħdu jiltaqa' mal-ftit veterani bħalu li kien għad fadal
fil-Poppy Day) ftakart f'din.

Mużika fl-isfond: Doors The Unknown Soldier.

3 Comments:

Blogger Roderick Mallia qal/et...

M'intix l-uniku wieħed li taħseb li l-George Cross mhux postu hemm fuq il-bandiera.

U ninħaraq x'ħin nisma' min, bħal nannti, ifaħħar l-Ingliżi 'għal dak li għamlu magħna' u 'għax kienu jħobbuna'. X'għamlu magħna l-Ingliżi? Ġellduna bejnietna, mal-barranin, stmawna ta' żibel u ta' ċittadini tat-tieni klassi u ġiegħluna niġġieldu għalihom (apparti li spiċċajna innoċentement fi gwerra minħabba fihom).

Intant nifirħu għax tawna salib li fuqu ssallbu mijiet ta' innoċenti

10:14 am  
Blogger Unknown qal/et...

jekk tridu nghamlu kampanja "dil-blata ghandha bizzejjed slaleb, nehhu dak fuq il-bandiera" jien nghati daqqa t'id.

rigward il-BR, IRA etc. u dak li qed jigri illum definittivament mhumiex l-istess haga. Biss meta nisma kummenti fejn kull gharbi, hati ta kull gennata ta xi Islamiku nitqarras.

11:14 am  
Blogger Antoine Cassar qal/et...

Naqbel mat-tlieta li intom.

Ta' min innehhu dak is-simbolu kolonjali minn fuq il-bandiera... ghalkemm il-bandiera digà bhala kuncett ma toghgobni xejn ghax tifred aktar milli tghaqqad lin-nies.

Forsi dan jista' jkun pass lejn it-tnaqqis ta' l-atteggament kolonjali li ghadu wisq komuni f'dan l-imbierek pajjiz.

Insigurtà? Il-biza' li tkun int, forsi?

4:38 pm  

Post a Comment

<< Home