mp

6.7.05

L-elit krepuskolari

Jeżistu wkoll l-elit krepuskolari. X’aktarx dawn ikunu talin li kienu tajbin fl-iskola, l-imfissda ta’ l-għalliema, li qatt ma kienu jaqilgħu penitenza għax kienu l-aktar pupi ħelwin u gustużi li jobdu r-regoli kollha. Nimmaġinahom ukoll li fi tfulithom kienu jugżaw lil sħabhom l-imqarbin. U kienu jieħdu skoss premjijiet f’jum il-premjazzjoni u l-mamà tgħidx kemm kienet tiftaħar bihom mal-ġirien bi tfal inqas dotati.

Imbagħad kibru u ġabu ħafna O-Levels u marru l-iskola post-sekondarja u ġabu xi tliet straight A’s u marru l-Università fejn iltaqgħu ma’ l-elit liberali li għalkemm ma kinux l-imfissda ta’ l-għalliema b’xi mod laħqu hemm huma wkoll. U jum fost l-oħrajn se ssibhom iħarsu lejn il-mera u jistaqsu: għala t-tali kien imqareb u issa qiegħed fl-istess kors miegħi? U t-tali l-ieħor kif irnexxielu jasal s’hawn dejjem imdamdam? U l-oħra kif ġabet A bħali u dejjem tiġri ’l hawn u ’l hemm flok tqatta’ s-sigħat fil-librerija jew tiddibatti ma’ xi professur? U ’l-oħra kif qed jistednuha biex titkellem fuq it-televixin meta minflok tidħol f’xi għaqda studenteska se ssibha tindiehes ma’ xi grupp imħawdin? U allura, inevitabilment, irabbu ċerta għira, ċerta kburija għax il-mamà hekk darriethom meta kienu għadhom imorru l-Mużew. Jixtiequ jaqsmu lejn in-naħa tal-liberali u allura jilbsu kostum li ma jiġihomx, jew li jiskomodahom. U bħal dawk l-imsejkna li n-natura għamilthom koroh jippruvaw jidhru isbaħ milli huma.

Imbagħad jibdew jiktbu l-ittri fil-gazzetti, jew isawru xi blogg b’xi titlu merfugħ jew xi homepage, bl-idea unika li jisparaw fuq kulħadd biex iħossuhom dejjem superjuri. X’aktarx li ssibhom b’tendenzi leminin; mhux bilfors, imma iktar iva milli le. U meta jħarsu lejn ‘l-oħrajn’ jaraw kif jagħmlu biex jisnobbjaw. Għandhom gosti morbużi li jikinsu dak li mhux tagħhom u dak li mhux magħhom. Għandhom twemmin stramb li l-innifsi tagħhom jistgħu jsostnuh biss kemm-il darba jkissru lil ħaddieħor. X’aktarx ikunu individwalisti kbar li ma tantx iħobbu jitħalltu ma’ dak u ma’ l-ieħor għax meta kienu tfal il-mamà hekk għallmithom, inkella ma jkunux fuq quddiem dejjem u f’kull ħin. U bħalma kienu jugżaw lill-imqarbin meta kienu tfal, issa li kibru joħolqu kontrattakki kontra min jattakkalhom l-istatus quo li għadhom ma jistgħux jiddeċiedu jħobbuhx jew le. U jemmnu li xejn ma jista’ jinbidel u jekk xiħadd biss jipprova jwaqqgħuh fis-second division tal-mudelli li jfantsu. Probabbilment se jidefinixxu lilhom infushom liberali, imma malli jaraw lil xiħaddieħor imqar jitħajjar ibexxaq il-purtieri ta’ dak li hu liberali, se ssibhom bi tbissima ċinika, b’daħqa sardonika u b’għoqla fl-istonku. U jekk xiħadd jagħmel xiħaġa li dejjem xtaqu jagħmlu huma imma m’għamluhiex se jaraw x’jagħmlu biex a) jgħaffġuha jew b) iwaqqgħuha.

Kwalità oħra tista’ tkun li jkunu armchair critics eċċellenti.

Fil-fond nett ta’ qalbhom jistgħu jkunu miżerabbli ħafna.

16 Comments:

Blogger L-Imżebbel qal/et...

Jiena dawn niltaqa' magħhom fuq ix-xogħol. Imma elite differenti.

Huma elite mhux għax għandhom l-A Levels jew kienu f'xi kors l-Universita. Huma elite għax għandhom pożizzjoni għolja, jew kif isibuha huma, imlaħħqa.

Huma nies b'valuri tradizzjonali ħafna; patrijarkali. Nies kollha susa. Nies li jibigħlu l-ostja u jitkażaw b'kollox. U arahom jikkundannaw lil min b'xi mod jisfida lil dawn il-valuri.

Lil dawn issibhom jirredikolaw lil kull min għandu stil ta' ħajja alternattiv, għax fil-fond ta' qalbhom jafu, li moħħhom, għall-ħsieb, ma jagħtihomx.

12:31 am  
Blogger l-istordut kroniku qal/et...

Lil dawn nistghu nqisuhom ukoll bhala vittmi ta’ sistema imfassla mill-predecessuri elitisti taghhom. Din hi bbazata fuq il-kompetizzjoni u l-istratifikazzjoni socjali, intrinsikament maghguna fl-edukazzjoni tat-tfal u li effettivament twassal ghal tellieqa sfrenata biex wiehed jasal sal-qcacet tal-poter (ekonomiku jew civili) li ovvjament mhumiex accessibli ghal kulhadd. Ga la darba dawn "l-elit krepuskolari" (kif sejjahtilhom int, Immanuel) ikunu jokkupaw dawk il-pozizzjonijiet influwenti (ghaliex bhaz-zwiemel tat-tlielaq huma mrawmin biex jaslu hemm), jkomplu jipprezervaw din is-sistema li minnha huma ssawru. Qed insejhilhom vittmi ghaliex propju kif ghidt int, dawn x’aktarx ikunu segregati, insiguri u mizerabbli minn gewwa. Jien ma nghirx ghal flushom u ghal pozizzjonijiet taghhom imma nattakka l-poteri taghhom meta jkunu indirizzati biex jkomplu jipperpetwaw il-mudell tas-sistema edukattiva u l-istrutturi socjali fuq l-ideat ‘aristokratici’ taghhom.

10:58 am  
Anonymous Anonymous qal/et...

qed takkuza lil xi hadd donnok hawn immanuel.

3:03 pm  
Blogger Immanuel Mifsud qal/et...

anonimu, mhux ovvja li qed nakkuza lil xihadd? biss nahseb li l-kelma fil-korsiv fil-kumment tieghek hija mghobbija hafna. u jekk qed nifhem il-messagg tieghek sew, jiddispjacini li int, bhal haddiehor, hadt il-bloggata tieghi f'sens hazin hafna. pacenzja.

3:43 pm  
Blogger Immanuel Mifsud qal/et...

u, sur anonimu, ridt nghid ukoll, li siehbi l-istordut mhux daqstant stordut ghax qorob lejn il-likk hafna.

3:44 pm  
Anonymous Anonymous qal/et...

Attakkajtu bl-addocc minghajr ma semmejtu ismijiet. Fost il-hafna kategoriji ta' nies li attakkajtu ilqattu xi affarijiet li jistghu japplikaw ghalija. Bhalma intom inhbejtu wara subghajkom u ma semmejtux ismijiet, jien m'ienix se nghid x'jisimni. Biss nghidilkom li jien wiehed minn dawn il-hafna nies li qeghdin tiggeneralizzawhom bhala elite jew elitisti.

Jekk tharsu ftit fil-mera forsi tintebhu li dawk li jiffilosifizzaw dwar sistemi mwirtin mill-predecessuri taghhom ikunu qeghdin jikkonsolidaw dawk is-sistemi, ikunu qed juru li huma, bhal xi whud mill-predecessuri taghhom, ghadhom imwahhlin fi gwerra klassista li ahna l-ulied tal-'elite' (skond il-qies taghkom) m'ahniex parti minnha.

Min jiggeneralizza huwa l-ikbar elitista ghax ikun qed jikkrea elite skond qies fiss u fazull.

5:42 pm  
Blogger L-Imżebbel qal/et...

L-ulied l-elite li semma Immanuel mhux talli huma parti minn din il-gwerra, talli ħafna drabi ssibhom bħala l-mira prinċipali tal-korla tal-kotra. Sakemm nibqgħu bil-klassijiet, il-gwerra klassista ma tmur qatt.

Madanakollu, li żvijjajna. Naħseb li l-argument ta' Immanuel ma kienx dwar gwerra klassista, iżda dwar gwerra interna; kunflitt fratriċida bejn l-elite nnfushom. Bejn dawk l-elite li huma hekk għax hekk jaqblilhom, u dawk l-elite li huma hekk għax għażlu li jmorru kontra l-kurrent. U dan ħafna drabi għad-detriment tagħhom stess. Li tagħżel li tkun xi ħadd, f'soċjeta bħal tagħna, taf tagħmillek il-ħajja diffiċli ħafna.

8:15 pm  
Blogger Roderick Mallia qal/et...

Naf erba' minn nies li jikkwalifikaw bħala "elit krepuskolari". Dan il-fatt li jaħsbu li laħqu 'l Alla għax ikunu laħqu l-poter skifuż materjalista, iqażżiżni. Veru li dawn huma nies li ari jitħalltu ma' l-oħrajn jekk dawn ta' l-aħħar ma jkunux jiffurmaw xi parti mill-elit ieħor (tfal ta' għalliema, ministri u nies oħrajn b'karigi għolja). U ommhom dejjem tħambaq li t-tfal dejjem ġewwa jistudjaw u jagħmlu l-homework (għax wara l-homework imorru xi 3 privatijiet, u wara l-privat hemm l-istudju tal-pjanu, u wara l-pjanu hemm il-kant, u wara l-kant hemm ukoll il-ballet, u wara l-ballet...) Imma tajjeb hekk, għax imbgħad la jġibu ħafna karti b'Merit miktuba fuqhom, il-mamà tkun tista' tgħid lil kulħadd, (speċjalment lil omm dak/dik li dejjem jkun/tkun ras imb'ras mat-tfal tagħha sa mill-kindergarten) kemm huma tajbin u bravi u ta' l-affari tagħhom it-tfal tagħha. Mhux bħal tagħha.

U meta jikbru dawn l-elit jixxukjaw ruħhom meta jaraw xi ħadd mhux konformi mal-ħajja li jgħixu huma. Xi ħadd li jkollu l-bajd iqum u jaħseb differenti mis-sistema. U hemm jibdew jippuntaw subgħajhom u jobżqu l-velenu lejn dak u lejn l-ieħor fuq kull ħaġa immaġinabbli frott l-għira li jkollhom. Il-ħajja tagħhom issir ġlieda kontra kulħadd u inevitabilment jispiċċaw waħidhom. Il-ħasra hi, li ma jammettux (jew forsi ma jindunawx għax ma jafux mod ieħor) li jista' jkun li huma mhux qed jagħmlu l-aħjar ħaġa.

Kif qal tajjeb ferm 'l-istordut kroniku', dawn huma nies li probabilment huma frott tas-sistema edukattiva antika u patrijarkali li qed toħloq klassi ta' nies li l-uniku skop tagħhom huwa li jiġu l-ewwel fit-tellieqa. U jekk ma jkunx hemm tellieqa, għid li ħa jsibu jew joħolqu waħda ġdida għax ma jafux ma jikkompetux ma' nies oħra. Għax jekk ma jkunx hemm tellieqa u ġlieda jitilfu kull skop tal-ħajja għax hekk biss jafu jagħmlu.

Għandhom neċessità qawwija li jitimgħu lill-ego tagħhom iktar minn kull ħaġa. Ovvjament, dawn la jiżżewwġu u jkollhom il-familja tradizzjonali mibnija fuq il-valuri kif għalmithom il-mamà u l-knisja kattolika, jibdew jagħmlu minn kollox biex lit-tfal tagħhom jagħtuhom l-istess trattament. Għax lit-tfal tagħhom iħobbuhom u allura jixtiequlhom l-aħjar.

'Iben l-elite', ma hemmx għalfejn issemmi ismijiet għax dawn in-nies hawn bil-gżuż minnhom.

"Jekk tharsu ftit fil-mera forsi tintebhu li dawk li jiffilosifizzaw dwar sistemi mwirtin mill-predecessuri taghhom ikunu qeghdin jikkonsolidaw dawk is-sistemi"

Is-sitema jirita min jitwieled u jgħix fiha. Għaliex taħseb li l-elit liberali idarsu ħafna? Għax ma humiex parti mis-sistema u meta jattakkawha, l-elit kpreuskolari (kif għoġbu jiddiskrivihom Immanuel) jarawhom bħala theddida serja għall-bużżieqa tas-sapun li jgħixu fiha. Huma dawn ta' l-aħħar li jikkonsolidaw is-sistemi, normalment meta dawn ikunu laħqu xi quċċata mportanti tal-poter (edukattiv, ekonomiku, politiku, eċċ) - u dan biex jissalvagwardjaw lilhom infushom u dak kollu li qatt emmnu fih. Imma ħafna drabi biex naraw nies hekk ma nħarsux lejn il-mera kif għidt int 'Iiben l-elit', iżda lejn it-TV jew f'xi paġna ta' gażżetta. Għax huma bravi ħafna u jifhmu f'kollox u l-ħajja li jgħixu fiha hija 'perfetta' - allura
huwa immorali li jiġi l-elit liberali u jgħid kif jaħsibha.

8:50 pm  
Anonymous Anonymous qal/et...

Ma xtaqtx nghid li m'hemmx hafna kazijiet fejn ilkoll kemm ahna nbatu minn sistema mwirta. Li xtaqt nghid huwa li jekk niggeneralizzaw inkunu qeghdin inhallu s-sistema taghmina.

Jien naf hafna nies li jippregudikaw dak li gie definit bhala l-elit liberali u lil kull min ma jikkonformax. Naf hafna nies ohra li jippregudikaw lil kull min twieled komdu jew sar komdu qabel ma kellu jibda jahdem.

L-ebda minn dawn iz-zewg gruppi ma jaghmel sew. Kull generalizzazzjoni hija hazina u ghalhekk hassejt li ghandi nikteb hawn. Ghalhekk huwa minnu dak li qal l-imzebbel: 'Li tagħżel li tkun xi ħadd, f'soċjeta bħal tagħna, taf tagħmillek il-ħajja diffiċli ħafna'

9:43 pm  
Blogger l-istordut kroniku qal/et...

Nahseb li Imanuel jippermettili ftit spazji iehor biex inzid kumment, forsi xi ftit devjanti mill-miskinita’ tal-elit krepuskolari.
Iben l-elite, il-battalji ideolgici tieghi mhumiex kontra l-klassi imma kontra l-poteri taghhom meta jifirxuhom fuq il-minorazi. L-elit huma parti mis-socjeta’ imma l-oggezzjoni tieghi hija meta jahkmu fuq il-partijiet l-ohra ghax iqisuhom inferjuri. Qatt smajt b’xi sisstema fejn tintroduci edukazzjoni alternattiva minn dik li ghandna prezenti? Qatt smajt b’xi kumpanija jew entita pubblika li tikkuraggixxi lil kull membru taghha biex jiehdu sehem fid-decizjonijiet manigerjali? Qatt iltqajt ma’ sistema rotazzjonali fejn ta’ quddiem jigi wara u vici versa? Qatt smajt b’xi sistemi ta’ partecipazzjoni u formazzjoni socjali li jiffunzjonaw orizzontalment minflok vertikalment? Jien xejn ma jdejquni l-elit li qed isemmi int ‘Iben l-elite’ ghax insibhom divertenti u jzidu d-diversita’ tal-hajja. Imma jekk bil-poteri taghhom jibdew jikkundizzjonawni biex nimxi mal-modi taghhom u biex inkompli direttament jew indirettament niffinanzjalhom il-kapricci taghhom, allura nibda noqmos. Jekk nibda nara l-ispazji liberi u naturali ta’ madwari jonqsu biex jakkomodaw progetti elevati u segregattivi li jhallu barra “l-gahnijiet” tas-socjeta, allura nista’ jien ma nqajjimx sufi kontra dan l-assolutizmu. B’dal-mod ma nhoss li qed niggeneralizza ghax niddiskuti element partikolari mis-socjeta li ovvjament ghandu l-isfumaturi tieghu. Jekk int iben l-elite trid tinkludi ruhek f’dan, tista’ jaghmel hekk liberament.

3:08 pm  
Anonymous Anonymous qal/et...

Jaqaw kont thossok mghaffeg fi tfulitek? Kos, dejjem min jimmagina lilu nnifsu mghaffeg ighir ghal min ma kellux attakki rikorrenti ta' paranoia.

1:24 pm  
Blogger Immanuel Mifsud qal/et...

jien mgħaffeġ fi tfuliti? :-) jien ma nafekx għax għadek tibża' turi min int, imma qed turini li lili ma tafnix lanqas. rigward paranoja, wisq naħseb li l-paranoja qiegħda f'nies li, appuntu, jibżgħu juru isimhom. min jiffirma b'ismu ma tantx jibża' wisq. rigward għira nista' ngħidlek li dak kollu li akkwistajt f'ħajti lanqas kont noħlom li qatt ikolli ... naħseb li weġibtek sur/sinjura anonymous.

4:20 pm  
Anonymous Anonymous qal/et...

Ghal li jista' jkun ma ndunajtx mill-istil, l-'anonymous' u 'iben l-elite' m'humiex l-istess persuna. Fil-fatt nahseb li jiena ppruvajt inkun moderat fil-kummenti tieghi u ma rrispondejtx ghall-elementi provokanti ta' certi kummenti ta' haddiehor.

Jien ma ffirmajtx b'ismi mhux ghax nibza nuri minn jien - qatt ma ddejjaqt nesprimi opinjoni, taqbel jew ma taqbilx ma' dak li jixtiequ jisimghu in-nies u gieli rriskjajt hafna iktar milli tistghu qatt timmaginaw ghax hassejt li kelli niggieled ghal kawza li jien rajtha gusta; ma ffirmajtx b'ismi ghax xtaqt inwiegeb bhala speci ta' rapprezentant ta' grupp li kien qed ikun pregudikat minn xi whud li kkummentaw hawn - xtaqt nidher bhala kuncett mhux bhala individwu.

Nispera li taccetta d-distinzjoni li qed naghmel, anke jekk ma taqbilx. Jekk ma taccettax id-distinzjoni nassigurak li dan ikun l-ahhar kummenti anonimu jew b'pseudonym (psewdonomu?)

1:36 pm  
Blogger Immanuel Mifsud qal/et...

iben l-elit,
hija għażla u deċiżjoni tiegħek li tibqa' moħbi. U jien min jien biex nibdilhielek? Sempliċiment mhux ġust li nitkellmu fuq paranoja imma. Dak biss kien il-punt tiegħi.

10:15 pm  
Blogger L-Imżebbel qal/et...

Intant, waqt li intom għaddejin b’din il-logħoba ping-pong, jiena qiegħed niftakar f’meta kelli sbatax-il sena... f'meta kelli ċertu għalliem, li kien jismu Immanuel…

12:49 am  
Blogger Hsejjes qal/et...

This comment has been removed by a blog administrator.

9:43 am  

Post a Comment

<< Home