mp

26.6.05

Dublin Blues





Dublin fis-6 ta' dalgħodu kellha hangover minn dawk il-kbar. Wara tmiem il-ġimgħa kkaratterizzat mill-kunċerti mibjugħa kollha tal-U2 it-toroq sebħu mdamdma u kwieti. Filgħaxijiet O'Connell Street tiżgħed bin-nies: poplu sħiħ miexi fuq iż-żewġ naħat, jaqsam il-pont lejn Grafton Street jew viċi versa, jinvadi l-ħwienet tal-McDonald's, Burger King u l-Abrakebabra, jinvadi l-pubs għall-Guinness u l-Murphy's stouts, jinvadi l-karozzi tal-linja u t-tramm ... Dawn l-aħħar jumejn kull ħanut tad-diski għolla l-volum b'Bono jgħanni: "A city lit by fireflies / They're advertising in the skies / For people like us". Ma' kull rokna ġgajtiet ta' nies libsin il-flokkijiet tal-U2, il-brazzuletti tal-plastik bojod b'Make Poverty History imnaqqxa fuqhom flimkien ma' brazzuletti simili ħomor u suwed tal-Vertigo Tour 2005 ...
Fit-taxi lejn l-ajruport kien hemm ukoll żagħżugħ Amerikan li niżel l-Irlanda għal ġimgħa biex jara lill-U2 jagħtu kunċert f'pajjiżhom. Bl-ipod imdeffes f'widnejh staqsieni mortx nara l-U2 il-Ġimgħa jew is-Sibt u staqsieni x'deherli. Għidtlu li ma kontx hemm minħabba l-U2 u tani ħarsa b'messaġġ tat-tip "Fidil!" Allura qagħad jitkellem max-xufier li kellu għajnejh ħomor nar wara lejl iġorr lin-nies mill-Croke Park għal Alla jaf fejn.
Fuq l-ajruplan lejn Malta ġgajta oħra fans tal-U2 bil-flokkijiet, brazzuletti, ipods, eċċetra.
Insomma, kif ktibt fl-ewwel bloggata mill-Irlanda, Dublin kienet f'kollass isteriku li jiġi fi tmiemu għada meta Bono u sħabu jagħtu l-aħħar kunċert f'pajjiżhom.
Jien qattajt l-aħħar jum tal-mawra tiegħi fl-Irlanda fir-raħal pittoresk ta' Dun Laoghaire mnejn imxejt lejn Sandycove ħa nżur il-famuż torri ta' James Joyce, fejn dak l-imħarbat qatta' xi jiem f'Settembru 1904 u fejn tiftaħ l-ewwel xena ta' Ulysses. Ikolli nammetti li kien mument kommoventi, l-aktar meta tlajt fil-kamra ta' fuq tat-torri ċkejken u fuq il-bejt, mnejn anki rajt koppja ta' xi tmenin sena jinżlu jgħumu fil-baħar griż, jitilgħu jiġru u jilbsu r-raincoats minnufih. Mit-torri xtrajt id-dvd "Bloom", addattament ċinematografiku fqir ħafna ta' Ulysses, dirett minn Sean Walsh u maħruġ is-sena l-oħra fiċ-ċentinarju ta' Bloomsday (16/6/1904).
U issa, lura lejn il-Blata. Fuq l-ajruplan bdejt naqra l-aħħar rumanz ta' Douglas Coupland, Eleanor Rigby. Mindu kont żgħir kont iddeċidejt li l-isbaħ song tal-Beatles kienet propju Eleanor Rigby u darba kont waħħaltha f'rasi li nikteb xiħaġa dwarha. Imma issa tard wisq. Imma la mmur Liverpool ngħaddi naraha ftit.
Mużika fl-isfond: Eleanor Rigby, verżjoni tal-Bloodrock.

0 Comments:

Post a Comment

<< Home