mp

6.6.05

L-Iskorpjuni


L-Iskwadra ta' l-Iskorpjuni fl-azzjoni -
xena mill-filmat li heżżeż lis-Serbja
Jien għadni sal-lum ma nistax nemmen li l-Jugoslavja spiċċat kif spiċċat. U għandi suspett li huma ħafna oħrajn bħali li ma jistgħux jifhmu. Faċli tgħid li l-esperiment ta' Tito falla, li kien esperiment impost minn ideoloġija Komunista li, bħall-Komuniżmu Ewropew, miet (f'dak il-każ mewta traġika). Faċli wkoll tgħid li l-Jugoslavja eżistiet politikament iżda mhux spirtwalment. Iżda l-ħajja hija kkumplikata ħafna, u dawn l-asserzjonijiet huma sempliċi wisq biex jiġu aċċettati kif ġieb u laħaq.
Xi xhur ilu kont għamilt kumment dwar il-Jugoslavja, fejn fost l-oħrajn tkellimt dwar veduti opposti dwar l-imġieba tal-gruppi etniċi differenti iggruppati flimkien f'dik li kienet il-Jugoslavja. Filwaqt li ħafna jsostnu li l-mibegħda etnika kienet xiħaġa li qatt ma għosfrot iżda kienet biss miknusa taħt it-tapit, oħrajn huma pronti jikkowtawlek statistiċi twal ta' żwiġijiet imħallta bħala prova li din il-mibegħda kienet sentiment mhux daqstant ġenerali.
Jien miniex Jugoslav u allura naħseb li nkun pjuttost prużuntuż jekk nipprova nippreżenta teorija dwar dan.
L-istorja tal-ġimgħa l-oħra, meta l-istazzjon televiżiv statali tas-Serbja u l-Montenegro xandar ftit minuti minn video twil xi sagħtejn li kien inġibed waqt 'tour' li l-iskwadra faxxista ta' l-Iskorpjuni kienet għamlet fil-Bosnja Herzegovina fl-eqqel tal-gwerra ċivili (hawn min jaċċettax li dik kienet gwerra ċivili) Jugoslava, hija waħda importanti ħafna, l-aktar għaliex serviet biex ħafna Serbi jqumu mill-illużjoni li kienu reqdin fiha. Naħseb li huwa diffiċli ħafna tifhem x'għadda minn moħħ dawk iċ-ċittadini Serbi mkaħħla quddiem it-televixin jaraw sitt minuti makabri jixxandru quddiem wiċċhom.
Se ngħid l-ovvju: dak li ġara fil-Jugoslavja weġġa' u għadu jweġġa' ħafna nies. Fir-raħal ta' Medana, viċin il-fruntiera bejn is-Slovenja u l-Italja, iltqajt ma' poeta Serb, li jum fost l-oħrajn staqsieni kif kien l-itinerarju tiegħi minn Malta lejn is-Slovenja. Imbagħad qalli li meta kien għadu żagħżugħ kien jitlaq lejn Dubrovnik u lejn Isola (illum waħda tagħmel mal-Kroazja u l-oħra mas-Slovenja) flimkien mat-tfajla li kellu dak iż-żmien biex iqattgħu s-sajf jgħumu u jiddevertu. Billi ma kellhomx karozza, kienu jiħħiċċjawha, minn Belgrad sa Dubrovnik sa Isola. Imbagħad dar fuqi u qalli: "Biex wasalt hawn il-biraħtlura, kelli napplika għal viża, nuri l-passaport f'żewġ fruntieri u nwieġeb skoss mistoqsijiet. Ħadt l-istess triq, imma l-vjaġġ kien differenti ħafna."
Minn Ljubljana lejn Trieste qatagħni żagħżugħ li wara l-vjaġġ ta' siegħa kellu jibqa' sejjer għal vaganza. Fuq is-saqaf tal-karozza kellu marbut il-qiegħ tal-windsurfer. Staqsejtu fejn sejjer jisserfja. "Dubrovnik. Għalkemm Dubrovnik m'għadhiex li kienet. " Qalli li minn ftit żmien 'l hawn kif jaraw karozza bit-targa Slovena jkissrulha l-mirja, joborxuha jew ifarrkulha l-ħġieġ tat-twieqi. Fi kliem ieħor tkun qed tazzarda. Qalli li hu ma kienx qed jinkwieta daqstant għax mart ħuh Kroata u l-karozza jitfagħha fil-garaxx tad-dar tagħhom.
Ma nafx għaliex nibqa' nirrakkonta dawn l-istejjer. Ġieli nissuspetta li għandi xi gost pervers nirrakkonta n-niket u t-traġedji. Mill-banda l-oħra dak li ġara fil-Jugoslavja - f'pajjiżi oħrajn - ma jistax ma jmissnix la seħħ fl-istess pjaneta fejn ngħix jien u la mess lil bnedmin tad-demm u l-laħam bħali.
Li jibqa' jtektek f'moħħi hu l-fatt li minkejja s-snin li għaddew minn mindu spiċċat din il-gwerra, it-tbatija psikoloġika ma tispiċċax ma' l-iffirmar ta' xi ftehim ta' armistizju; li anki jekk tkun ġietek tajba u tkun evitajt ix-xeni orribbli, l-effett ta' dak li ġara jaħfen lilek ukoll, imqar mentalment; li anki l-ħajja mondana ta' kuljum jista' jkollha effetti fuqha; li anki l-memorja ta' dak li ġara u ta' dak ta' qabel tibqa' ssus warajk u tweġġgħek. Li l-viża u l-fruntieri ġodda li kellu jaqsam il-kittieb Serb li ltqajt miegħu kienu fihom infushom xhieda ta' spettru li mhux se jisparixxi faċilment.
X'jibqa' minnek jekk jum fost l-oħrajn issir taf li missierek kien skwadrista li tebba' idejh bid-demm ta' ġenoċidju etniku? Snin ilu, waqt party fuq bejt fin-Naxxar, kont iltqajt ma' mara Ġermaniża li twieldet ftit wara t-tieni gwerra dinjija. Kienet qaltli li għall-ġenerazzjoni tagħha, l-ansjetà ta' l-adoloxxenza ma kinitx konnessa mal-bidliet li l-ġisem u l-personalità ta' dak li jkun ikunu qegħdin jagħmlu, imma mal-biża' kbir li setgħu jiskopru li l-ġenituri tagħhom setgħu kienu membri tal-Gestapo jew skwadri oħra tat-terrur Nazista. Kienet semmietli lil ħabib tagħha li kien spara għal rasu meta sar jaf li missieru kien membru fil-partit ta' Hitler.
U tinduna li l-vittmi tal-gwerra mhumiex biss dawk li mietu jew dawk li mitilhom xiħadd. Jistgħu jkunu wkoll oħrajn li jibqgħu jġorru l-ħtija li mhijiex tagħhom.

2 Comments:

Blogger l-istordut kroniku qal/et...

Kompli rrakkuntahom dawn l-istejjer ghax it-tigrib ta' hutna l-bnedmin hu t-tigrib taghna wkoll. Jien dejjem kelli faxxinu u kurzita kbira ghal-Ewropa tal-lvant u peress li qatt ma esperjenzajtha direttament, l-istejjer tieghek huma tieqa zghira fuq il-grajjiet ta' dawn il-popli.

10:25 am  
Anonymous dubrovnikiff qal/et...

I started reading from the first issue and bought from the third. I was wondering what happened as I haven't been able to find it in the book shop for ages. Sigh. It was THE BEST gaming dubrovnikiff along with Mean Machines from England. A part of my youth died today finding this news! I just read online now that the mag might be coming back on Dec. 1st.

1:02 pm  

Post a Comment

<< Home