mp

27.5.05

Briffa


Ruzar Briffa
Ħmistax-il sena ilu kont ipproduċejt preżentazzjoni teatrali b'kolax ta' poeżiji ta' Ruzar Briffa fil-kappella dekonsagrata ta' Tignè, fejn dak iż-żmien kont naħdem it-teatru mal-kumpanija Teatru tal-Għomja. Kont qattajt ix-xhur naħdem fuq il-poeżiji ta' Briffa, infettaq fihom, nixtarrhom sakemm bdejt nifforma xbieha ta' dal-bniedem li minn dejjem kien isaħħarni warajh - bħala poeta u bħala bniedem. Niftakarni kont mort nieħu permess mingħand is-Sinjura Louisette Briffa, it-tieni mara tiegħu, li kienet esprimiet ferħ kbir li xiħadd kien se jqajjem lil żewġha mill-mewt u jtellgħu fuq palk. Konna qgħadna bilqiegħa fis-salott ta' l-appartament fil-Blokk ta' Vincenti fejn is-Sinjura Louisette kienet tgħix ma' l-idolu, fi Triq id-Dejqa, il-Belt, u qgħadt nispjegalha x'ridna nagħmlu u fuq kollox għaliex. Kont intbaħt li għall-ewwel is-Sinjura Louisette kienet qiegħda tħares lejja b'dik il-ħarsa suspettuża. Ngħiduha kif inhi, li f'daqqa waħda jitfaċċa quddiemek ġuvni ta' 22, b'xagħru twil u mħabbel, b'leħja ta' xi ħmistax u b'jeans x'aktarx imraqqa' f'era fejn kont tisma' b'diversi każi jixbhu lil Clockwork Orange, ma tantx tista' ma tagħtix ħars suspettuż. Iżda wara ftit irbaħt is-simpatija tagħha u għal xi siegħa u iktar qagħdet tirrakkontali l-isbaħ anedotti dwar żewġha li kont nafhom kważi kollha imma tismagħhom isbaħ meta tirrakkuntahomlok propju hi. Lejn tmiem il-laqgħa tagħna staqsietni jekk kinitx obbligata xiħaġa u għidtilha li l-unika obbligazzjoni li kont se nitlobha kienet li turini l-manuskritti tiegħu.
Imbagħad seħħet xiħaġa li għadha tikkommovini sal-lum: is-Sinura Louisette tidħol f'kamra oħra u wara ftit tirritorna b'borża kbira tal-plastik mimlija boroż żgħar, pakketti tas-sigaretti miftuħin, u biċċiet oħra - il-manuskritti ta' Ruzar; tagħtini l-borża f'idejja u nibda nirtogħod, naqbad il-bċejjeċ waħda waħda u mmisshom, u naqra fuqhom il-poeżiji li tant kont innamrajt magħhom. Niftakarha tgħidli: "Ma nafx x'se nagħmel bihom. Minn banda nixtieq nagħtihom lil xi librerija jew il-Bibljoteka, minn banda dawn huma Rosar tiegħi li għadu miegħi u ma rridx ninfired minnhom." Mitluf inħares u nqalleb il-borża nisma' lis-Sinjura Louisette tgħidli li se tmur iġġib il-borża l-oħra. Insib ruħi waħdi fis-salott flimkien mal-manuskritti ta' Ruzar u f'daqqa u l-ħin tiġini tentazzjoni enormi li naqbad pakkett tas-sigaretti b'poeżija mħarbxa minn Ruzar u nitfagħha fil-but tal-ġakketta. Imma l-anġlu kustodju dak iż-żmien kellu leħnu jgħajjat ħafna u poġġejt kollox lura. Tirritorna s-Sinjura Louisette b'borża oħra mimlija biċċiet tal-karti.
Niftakar ukoll li kif qomt minn fuq is-sufan jaqagħli l-pakkett Dunhill Gold li kont inpejjep dak iż-żmien u s-Sinjura Louisette, bl-isbaħ ton matronizzanti qaltli biex ma npejjipx għax " jiġrilek bħal Rosar, miskin". U ħriġt 'il barra kommoss kważi bid-dmugħ f'għajnejja.
Ikolli nammetti li llum għandi dispjaċir kbir ĦAFNA li t-tentazzjoni m'għelbitnix. Naf li mhux sew imma dak li nħoss.
Dakinhar ta' l-ewwel rappreżentazzjoni ta' "Ruzar" is-Sinjura Louisette Briffa ġiet ma' xi qraba jew ħbieb tagħha. Fl-udjenza kien hemm huma biss u l-poeta l-kbir l-ieħor li welldet dil-Blata - Victor Fenech. Victor kien ġie apposta biex jikteb apprezzament fuq is-Sunday Times. Dakinhar stess filgħaxija, is-Sibt, Victor baqa' sejjer it-Times biex il-kumment tiegħu jidher l-għada (flok il-ġimgħa ta' wara) ħalli jħajjar lin-nies jiġu jaraw ir-rappreżentazzjoni. Kienet l-ewwel darba li ltqajt ma' Victor Fenech u dik il-laqgħa ma ninsieha qatt lanqas. Wara r-rappreżentazzjoni ġiet fuqi s-Sinjura Louisette tibki u tirringrazzjani. Qatt m'erġajt rajtha u llum ma nafx għadhiex ħajja.
Dan kollu reġa' deher fuq il-liżar tal-memorji għax għal raġunijiet differenti ħafna rġajt sibt ruħi nistudja l-kitbiet ta' Briffa. Anki jekk illum, minħabba l-esperjenza u ż-żmien, il-ħarsa tiegħi lejn Ruzar saret aktar kritika, jibqa' jsaħħarni: il-bniedem kronikament malinkoniku, fatalista u umli; il-bniedem mistħi li iżda jaf li hu poeta u artist; ir-Romantiku li kiser ir-regoli tar-Romantiċiżmu; il-ħabbar ta' dak kollu li kellu jseħħ warajh.
Imm'aħna ma mmutux
Għax Immortali:
Tiqba' warajna l-għanja
Li tfittex l-Ideali -
Il-ġemgħa nies
Li ħolmu
Bħalek, bħali.

1 Comments:

Blogger Toni Sant qal/et...

Bloggata mill-isbaħ din tal-lum!

Allura dan huwa t-tip ta' materjal li ser nibda tikkontribwixxi għat-Tabellina?

Dik il-produzzjoni dwar Ruzar Briffa għanda tifkira għażiża għalija wkoll, għax kien propju waqt waħda mis-serati tar-rappreżentazzjonijiet li l-ħabib tagħna Gejtu Grech introduċieni lil Antoine Camilleri; xi ħaġa li kien ilu jgħidli li ser jagħmel għal madwar sena qabel dak in-nhar. Niftakar li konna morna nixorbu flimkien il-Cafè Roma t'Għar id-Dud wara, imma ma niftakarnix nasal id-dar dak in-nhar, sintendi.

Fil-fehma tiegħi hija storja isbaħ li m'għandekx tifkira fiżika minn dik il-borża tal-plastikk li fdatlek is-Sinjura Louisette sa ma marret fil-kamra l-oħra. Li kieku ħadtni miegħek Vincenti Buildings dak in-nhar, illum żgur li għandek imqar wieħed minn dawk il-pakketti tas-sigaretti ta' Briffa. Dak iż-żmien kont naħsibha mod ieħor jien dwar dawn l-affarijiet ghax l-anġlu kustodju tiegħi kien kważi dejjem skartat jew meqrud.

6:11 pm  

Post a Comment

<< Home