mp

16.5.05

Ir-Raġel tal-Pjanu


Ir-Raġel tal-Pjanu
Waqt li kont qiegħed naqra l-aħħar rapporti dwar il-kriżi vjolenti fl-Uzbekistan iltqajt ma' din l-istorja ta' ġuvni bejn l-għoxrin u t-tletin sena li nstab jiġġerra mifxul ħdejn xatt il-baħar fil-gżira ta' Sheppey, f'Kent, liebes libsa skura u jġorr folder tal-plastik b'xi partituri fih. Il-ġuvni ma riedx jitkellem u ttieħed fi sptar fejn b'ċikka nstab li l-uniku mezz ta' komunikazzjoni li l-ġuvni ried juża kien id-daqq malinkoniku fuq il-pjanu. S'issa ħadd għadu ma jaf min hu dan il-ġuvni u lanqas minn fejn ġie; wisq inqas ma jafu l-istorja tiegħu. Imma l-istaff fl-isptar psikjatriku fejn issa ttieħed huma tal-fehma li dan il-ġuvni għadda minn xi esperjenza kerha ħafna li tefgħetu fi stat ta' xokk amnesijaku.
L-istorja tar-Raġel tal-Pjanu kienet tipprovdi plott sublimi għal Oliver Friggieri, li l-ġabra tiegħu Stejjer għal Qabel Jidlam hija mimlija b'karattri malinkoniċi bi stejjer ta' qsim il-qalb. Niftakarni naqra dawn in-novelli tal-biki meta fis-snin sebgħin kienu sserjalizzati fis-Sagħtar. Irrid ngħid li l-istorja tar-Raġel tal-Pjanu toqgħod perfettament għal xi plot ta' ktieb jew film. Ma stajtx ma niftakarx f'xi film ta' Chaplin, tneħħi l-mumenti komiċi.
Ir-Raġel tal-Pjanu fakkarni wkoll f'raġel li kont iltqajt miegħu meta ta' sbatax-il sena kont mort nagħmel xogħol volontarju mas-Sorijiet tal-Karità li kienu jmexxu dar f'Vicolo dei Panettieri (fil-qalba taċ-ċentru ikrah ta' Napli) fejn kienu jintlaqgħu nies b'mard fiżiku u/jew mentali li ma kellhomx saqaf: skiżofreniċi, iddraggjati, ex-prostituti jbatu mis-sifilli fl-aħħar stadju tagħha, u pazjenti oħra b'każi bħal dawn. Wieħed mir-residenti kien raġel mibni u dejjem żmattat li għalkemm kellu xi ftit 'il fuq mit-tletin kellu l-bixra ta' xiħadd fuq is-sittin. Dar-raġel qatt ma kien jgħid kelma u kien iqatta' ħinu jpejjep sigaretti rħas li kienu jagħtuh l-oħrajn u l-aktar l-aktar jgħin lis-sorijiet itellgħu l-borom kbar tas-soppa fir-refettorju. Sirt naf l-istorja tiegħu mingħand wieħed mill-voluntiera. Dar-raġel mibni, darba waħda, kien vjolinist prim li minbarra li jagħti l-kunċerti kien ukoll jgħallem f'konservatorju Taljan. Darba ntilef wara studenta li allegat li l-vjolinist kien taha fastidju sesswali, u b'hekk tħammġet ir-reputazzjoni tiegħu. U l-virtuoso siket. Tul iż-żmien li kont naħdem f'dak il-bini kont nipprova nistħajjel kif kien jirreaġixxi kieku xi darba, xiħadd, qabad idoqq il-vjolin.
L-istorja tar-Raġel tal-Pjanu qanqlet fija memorji qodma ta' dawk 'in-nies koroh' li kont iltqajt magħhom f'Napli. Ħa nirrakkonta storja oħra ta' raġel li wkoll kont iltqajt miegħu fl-istess bini. Gradwat mill-università kien sab impjieg f'llibrerija. Il-kotba kien jadurahom. Minħabba li ma kellux ħajja soċjali kien jintefa' jaqra u darba ħalef li jaqra l-kotba kollha li kien hemm miġbura fil-librerija fejn kien jaħdem. Aktar tard beda jħobb u żżewweġ tfajla li kienet ħandikappata fiżikament u xi ftit mentalment ukoll, li ma kellhiex familja. Għexu flimkien għal numru ta' snin iżda l-ġirien kienu jgħadduhom biż-żmien. Ir-raġel ma felaħx aktar u tilef rasu u kull sens ta' realtà. Meta ltqajt miegħu f'Napli, l-ex-librar kien iqatta' l-ġranet fil-bitħa jirreċita bl-amment l-Infern ta' Dante.

4 Comments:

Blogger Roderick Mallia qal/et...

Artiklu verament interessanti kif ukoll ta' swied il-qalb. Dan il-karattru donnu ħiereġ minn xi storja...

Min jaf jekk xi darba jerġax isib il-vuċi?

Hawn wisq stejjer koroh...

6:20 pm  
Blogger Arcibald qal/et...

Il-frazi 'karattru donnu hiereg minn storja jew film' inqabbilha ma meta xi hadd ihares lejn is-sema u jghid 'qisu xi hadd pittirha'. Ghalkemm nifhem li l-stejjer bhal din tar-ragel tal-pjanu jistghu jigu 'romanticizzati' f'sens soap-operistiku, nemmen li l-ewwel ma kien hemm kienu d-dieqa u l-problema, umbaghad il-ktieb.

Insomma l-hmerija li rrid nghid hi li l-film u l-ktieb huma dejjem rifless tar-realta tal-hajja, mhux bil-kontra.

Artiklu nteressanti hafna ta' jigifieri - tifhimnix hazin. Punt zghir li xtaqt inhalli imma - li anki jekk ma taqbilx mieghu, tajjeb li tkun hsibt fuqu.

4:58 pm  
Blogger Immanuel Mifsud qal/et...

Le, le arcibald għandek raġun f'dak li qiegħed tgħid. Il-punt hu li stejjer bħal din aktar inniżżluhom meta jkunu miktuba milli jekk ikunu veri. Ir-Raġel tal-Pjanu huwa tad-demm u l-laħam, jeżisti, imma tant hi poetika din l-istorja li tistħajjilha xogħol artistiku. B'poetika miniex nifhem sabiħa. Kif għidt int hemm id-diqa u l-uġigħ.

12:56 am  
Blogger Arcibald qal/et...

Tfakkarni wkoll f'personalita' televiziva lokali li darba smajt off-rekord, li meta ra footage ta' l-olokawst kont smajtu jghid "dan filmat vera sabieh, grandjuz". Zgur li ma kienx qed jirreferi ghad-dizastru li kien sehh imma ghall-vizwal, imma xorta jibqa l-fatt li qata' ghal kollox il-hajja reali minn dak li kien qed jara - qisu l-medium sar awtonomu u mhux raprezentant ta' xi haga li hi reali.

10:10 am  

Post a Comment

<< Home