mp

15.4.05

Minħabba l-MTV?

1979: erbat itfal fi skola tal-Knisja, libsin il-blazer u l-ingravata, kellhom ħabib jgħidulu l-Pizu. Fil-brejk kienu jħobbu jaqbdu miegħu. Darba daħħlulu rasu fit-toilet u fflaxxjaw. Daħqu waħda ta' l-ostra. Il-Pizu, għax fidil, daħaq magħhom. Xiħadd irrappurtahom u r-Rettur ta' l-iskola skludihom għal ġimgħa.
Fl-1979 l-MTV kien għad fadallu sentejn biex jibda jxandar. U l-programm High School Stories: Scandals, Pranks and Controversies kien għadu ma nħolomx.
1981: jibda jxandar l-MTV. F'Malta ħadd ma kien għadu sema' bih. Sadattant, sitt itfal jaqbdu qattus, iġorruh lejn l-Għalqa tal-Bażuż, idendluh ma' l-unika siġra tal-ħarrub li kien hemm u jagħtuh in-nar.
1991: l-ewwel maratona ta' ċerimonji ta' gradwazzjoni fl-Università ta' Malta. Waqt it-tieni ċerimonja - dik ta' studenti bil-Baċellerat fl-Edukazzjoni - il-gradwati sfidaw it-theddid kontinwu tar-Rettur u telqu skoss għasafar jiġġennu fit-teatru. Wieħed minnhom, forsi b'vendikazzjoni, isorġi fuq l-ispalla xellugija tar-Rettur in full regalia.
Fl-1981 dawn it-tfal mhux żgur kienu qatt semgħu bil-kelma kompjuter aħseb u ara kemm setgħu jqallbu l-paġni skuri ta' l-internet. Fl-1991 bdew jinstemgħu l-ewwel karbiet għad-drittijiet ta' l-annimali imma x'aktarx li Animal Cops kien għadu ma wasalx fis-salotti Maltin.
Biex ma mmorrux aktar lura fis-snin, anzi fis-sekli ... pereżempju Pierre Rivier li qatel 'l ommu, 'l oħtu u 'l ħuh bl-aktar mod atroċi ... mingħajr ma kien jara l-MTV jew il-Crime Night fuq id-Discovery.
2005: tlitt itfal jorbtu lil seħibhom bi bżonnijiet speċjali ma' siġġu u joqogħdu jaħarqulu partijiet minn ġismu ġo każin Laburista. U dlonk kien hawn min ħaseb li l-ħażen beda minħabba l-MTV. U kien hemm min qal li s-soċjetà, dan l-aħħar, tilfet il-valuri...l-aktar it-tfal.

2 Comments:

Blogger Kenneth qal/et...

Jien għidt li din kollha hi kwistjoni tal-laxkezza tal-ġenituri dan l-aħħar, u int semmejt każijiet simili li ġraw tant żmien ilu, qabel ma biss kont imqar twelidt jien.

Dan naħseb juri biċ-ċar kif għal dawn l-azzjonijiet ħżiena m'għandek bżonn l-ebda Jackass jew TV biex jinfluwenzak, għax il-ħażen jitwieled ġo fik. Il-valuri tal-ġenituri kulma jistgħu jagħmlu hu li jew jiġbduk minn xagħrek u ma jħallukx taqa' ġol-ħofor ta' dik it-triq ħażina, inkella jkomplu jgħinuk tgħaffeġ u jħarbtuk iktar.

Kumment żgħir: minn kif nista' nifhimha jien, il-vittma kien "raġel", allura nassumi li kien it-tipiku persuna naqra batut minn moħħu li jintefagħlek il-jiem u x-xhur fil-każin ilegleg it-te' jew il-birra. Forsi għalija l-istampa hi aktar ċara għax naf b'persuna partikolari hawn ir-raħal li toqgħod perfettament għal din id-deskrizzjoni.

Intant, ma nafx ukoll fuq liema bażi dawn il-kriminali qed jiġu kkunsidrati minuri. Jekk għamilt il-kalkoli sew, dawn għandhom daqsi u llum il-ġurnata jew għalqu, jew se jagħlqu daqt, it-tmintax-il sena. Imma ma nafx jekk il-fatt li kienu minuri hux applikat minħabba li kellhom 16 fid-data tar-reat.

Insomma, hi x'inhi l-istorja, fatt verament tal-mistħija. L-unika problema hi li dawn it-tip ta' nies ġeneralment tista' tibgħathom 25 sena l-ħabs għax diffiċli jitgħallmu għax ma jafux x'inhu it-tajjeb u x'inhu l-ħażin. Sfortunatament, min jitwieled tond ma jmutx kwadru u mhux lakemm tibdlilhom il-karattru.

10:22 pm  
Blogger noel tanti qal/et...

2003: Tlett subien ta' tlettax-il sena jiffilmjaw lilhom infushom jirrumblaw go dustbin. Wiehed minnhom jikser id u sieq wara li gerbuh minn fuq cint biex id-dustbin jirrombla aktar bis-sahha.

2002: Zewg subien u zewgt ibniet ta' bejn il-hdax u l-erbatax-il sena jikkonvincu kwinta persona sabiex tirremetti u tiekol il-vomtu taghha.

1647(?): Jitwieled Matthew Hopkins, wiehed mill-aktar nies popolari fl-istorja tal-kacca ghas-shahar. Studja l-ligi u sar avukat, mijiet ta' snin qabel ma' hareg The Devil's Advocate ta' Taylor Hackford.

QK(?): Fil-Gnien ta' l-Eden hemm wahda mir-referenzi l-aktar bikrin ghal serp infami b'tendenzi satanici. Dan il-famigerat serp jisponta diversi drabi taht bosta forom fl-istorja tal-bniedem (u bniedma), fosthom il-grajja ta' Pawlu ta' Malta, il Quetzalcoatl ta' l-Amerka t'isfel u fl-emblema tal-medicina.

8:42 am  

Post a Comment

<< Home