mp

11.3.05

Dwar il-fidili, l-eroj u r-Romantiċiżmu

Jim Morrison kif jidher fid-dokumentarju ta' FSU

Fil-Corriere della Sera illum deher daqasxejn ta' artiklu dwar l-iskoperta riċenti ta' dokumentarju maħdum fil-bidu tas-sittinijiet mill-Università ta' Florida, li fih jidher Jim Morrison fil-parti ta' student ta' xi 18-il sena li applika biex jidħol f'din l-università. Il-video juri lil Jim Morrison f'dehra doċli ħafna, jirreċta ta' wieħed iddiżappuntat għax għadu kemm irċieva nota minn FSU li ma ġiex aċċettat biex jibda kors universitarju. Bir-raġun, dan l-artiklu mhux iffirmat jinnota kemm Morrison jidher differenti minn kif soltu narawh fir-ritratti u posters li saru kult fihom infushom. F'kumment qasir li ta dwar dan il-video, il-kritiku magħruf Mario Luzzato Fegiz qal kemm Morrison ta' qabel id-Doors jidher "bħallikieku kien wieħed minna". Fil-fatt jien naħseb li kien jidher qisu wieħed fidil.

Bħal ħafna membri tal-ġenerazzjoni-X Maltin sirt naf id-Doors meta kelli xi tnax-il sena, grazzi għas-serje Mister Fanasy, ippreżentata minn Carlo Massarini fuq ir-Rai Uno fil-bidu tat-tmeninijiet. Dak iż-żmien, kull nhar ta' Ħadd filgħaxija kont insegwi din is-serje b'devozzjoni ikbar mill-quddiesa tal-Ħadd, u l-aktar li kont nistenna kienu l-videos tad-Doors li għal ħafna ġimgħat kienu jagħlqu l-programm. Kien bis-saħħa ta' Mister Fantasy li smajt għall-ewwel darba "Light My Fire" u "Riders on the Storm". Biex inkun onest, fir-realtà qatt ma kont xi fan kbir tad-Doors, għax kont nippreferi l-mużika b'messaġġi politiċi tal-Pink Floyd u l-blues taż-Zep. Tant hu hekk li meta għodwa waħda f'Ġunju 2001 żort iċ-ċimiterju ta' Pere Lachaise ippreferejt inżur l-oqbra ta'Michel Petrucciani u - ovvjament - Fryderyk Chopin, milli ta' Morrison minkejja li kienu biss tefgħa ta' ġebla 'l bogħod. ippreferejt inżur l-oqbra ta'

M'għandi l-ebda dubju li l-ħabib antik tiegħi Toni, li bħalissa jinsab Malta għal ġimagħtejn, jieħu gost jara l-video ta' Morrison. Niftakarni nisilfu każett tad-Doors meta konna l-iskola. Fil-post l-aktar riċenti tiegħu Toni esprima ċertu tħassib għax ra li Malta ma nbidlitx wisq minn mindu kien hawn l-aħħar erba' snin ilu. Mhix xi sorpriża din. Meta wieħed jikkunsidra d-diskors li sar dwar il-bidu ta' era ġdida ma tistax toħodha bi kbira li l-emigranti Maltin jiġu s'hawn b'aspettattivi kbar, għalkemm diffiċli wieħed jifhem x'inhuma dawn l-aspettattivi. Li ssorprendieni kienet it-tweġiba li Toni ta għal wieħed mill-kummenti li ntbgħatlu fuq il-blog; kumment li ħajru jqatta' nofs ta' nhar San Blas, imaxtar ftira tal-Maxokk u jgawdi l-ħars inkwiżittiv tal-bdiewa huwa u jippassiġġa lejn il-bajja. It-tweġiba mogħtija tikkuntradixxi l-post. Imma naħseb li din il-kuntradizzjoni hija sintomatika: fuq naħa nippretendu li dal-pajjiż jinbidel, u mill-banda l-oħra nibqgħu miġbudin lejn l-istampi romantiċi tal-pajjiż u niesu li jfakkruk f'xi poeżija ta' Dun Karm dwar it-tfajliet sexy u mbaċċnin li jaħdmu fl-għelieqi.

Bħal meta tara video ta' Jim Morrison b'wiċċ ta' fidil filwaqt li tistennieh iħarislek b'dik il-ħarsa ta' nittien b'sidru mikxuf qisu xi alla tal-Greċja Klassika.

2 Comments:

Blogger sharonspiteri qal/et...

Jekk kien minghalik li se tehles mill-kummenti tieghi bl-emigrazzjoni, kellek zball ta!

Reposting original comment:
You went to Pere Lachaise and left out Oscar Wilde??!! :) Tut, tut, and double tut!

10:24 am  
Blogger Roderick Mallia qal/et...

Ressaqt punt verament interessanti hawnhekk dwar l-attitudni in ġenerali tal-Maltin. Kif narah jien, il-Malti dejjem jeqred li jrid il-bidla biex ikun bħall-oħrajn, iżda fl-aħħar mill-aħħar naħseb li jippreferi joqgħod fin-niċċa komda li bena għalih innifsu. Jista jkun minħabba ċertu tip ta' biżgħa jew inkella minħabba għażż żejjed. Hi x'inhi, l-Malti kien, għadu u (probabilment) jibqa konservattiv ħafna, fis-sens li ma tantx naċċettaw kambjamenti kif ġieb u laħaq. Anki jekk tagħti daqqa t'għajn lejn kwistjonijiet soċjali u politiċi bħal, ngħidu aħna id-divorzju. Għal għajn in-nies, irridu nilgħabuha tal-moderni, imma fil-verita' nibżgħu li mmoru kontra istituzzjoni li ilha mwaqqfa elfejn sena u li nippruvaw nagħmlu xi ħaġa differenti mis-soltu. Nippreferu noqgħodu pass lura milli nippruvaw nagħmlu wieħed il-quddiem - hemm din iċ-ċertu bizgħa li nistgħu naqgħu u nweġġgħu. U din il-mentalita' naħseb fl-aħħar mill-aħħar hija r-raġuni għala hawn Malta qatt ma jsir xejn. Meta jkun hemm xi ħadd li jipproponi xi ħaġa differenti, dan jibda jsib bsaten fir-roti, ħars bl-ikrah u theddid. Jekk tagħti ħarsa lejn l-istorja politika tal-pajjiż hemm biżżejjed eżempji ta' din l-attitudni.

7:58 pm  

Post a Comment

<< Home