mp

22.3.05

L-Ieħor

L-aktar post reċenti ta' Feltrinelli ġibed l-attenzjoni ta' xi wħud li rrispondew għalih minn angoli differenti. Bħal drabi oħra, immotiva lili wkoll biex nikkummenta:
1) Għadni ma nistax niddeċidi jekk il-fatt li għadna nitkellmu dwarna nfusna huwiex sinjal tajjeb jew le. Hemm drabi meta naħseb li din hija tendenza 'naturali' ta' pajjiż ċkejken, maqtugħ mill-bqija li jieħu lilu nnifsu wisq bis-serjetà. Hemm drabi oħra meta naħseb li din hija t-tendenza ta' pajjiż li għal sekli sħaħ tmexxa minn xiħadd ma jafux minn Adam u issa - fl-aħħar - qiegħed jipprova jaħseb dwaru nnifsu b'moħħu (u mhux b'moħħ ħaddieħor).
2) Qrajt il-kumment li wwwitchie għaddiet għall-istess ħsieb ta' Feltrinelli u ssemma l-bilingwiżmu. Għadni ma nistax niddeċidi aħniex ilkoll nifhmu l-istess ħaġa meta nitkellmu dwar il-bilingwiżmu. Kuntrarju għal dak li jgħid Charles Briffa Malta mhux minn dejjem kellha sitwazzjoni bilingwi. Kien hemm każi ta' diglossija imma mhux ta' bilingwiżmu, ngħidu aħna fi żmien ir-Rumani u żminijiet oħrajn. Illum il-ġurnata qegħdin insiru aktar konxji tal-fatt li Malta hi pajjiż bilingwi, iżda ninsew kostituzzjonalment l-Ilsien Nazzjonali huwa l-Ilsien Malti (Kap1.5.1). Lilhinn mil-liġijiet u l-kostituzzjoni, jibqa' l-fatt li Malta hi pajjiż bilingwi. Madankollu, ma rridux ninsew li t-tieni lingwa ta' Malta hija lingwa barranija, impurtata fil-pajjiż minn nazzjon kolonjalizzatur u għalhekk tibqa' l-lingwa ta' l-ieħor.
3) L-ironija hi li ħafna minna, jien inkluż, iħossu l-ħtieġa li jużaw din il-lingwa ta' l-ieħor biex jiddefinixxu lilhom infushom, biex ixandru l-pożizzjoni tagħhom u biex juru lill-ieħor li jeżistu.
4) Mhijiex il-lingwa ta' l-ieħor (f'dan il-każ l-Ingliż) li qiegħda thedded il-lingwa oriġinali. Ikun argument simplistiku ħafna jekk wieħed jargumenta li l-Malti qiegħed jiġi mhedded mill-Ingliż. L-akbar theddida għal-lingwa oriġinali ġejja minn sorsi tal-media li ma jafux jużaw il-lingwa: minn dawk l-istazzjonijiet tat-televixin li jxandru l-messaġġi ċellulari miktuba b'kawlata manja, minn dawk il-ġurnalisti li xogħolhom huwa li jiktbu u jiktbu ma jafux, minn dawk l-uħud li jsejħu lilhom infushom DJ's u għal raġuni li jifhmuha huma biss jużaw ħoss Ingliż meta jitkellmu bil-Malti.

1 Comments:

Blogger Roderick Mallia qal/et...

Ikolli naqbel ma Immanuel hawnhekk. Il-veru theddida għall-lingwa Malti huma dawk il-komponenti inkompetenti tal-media Maltija. Ġurnalisti u preżentaturi televiżivi li qas jafu ilissnu sentenza sura bil-Malti. U biex tgħaxxaq, apparti l-iżbalji grammatikalment, dawn l-għorrief ikollhom il-wiċċ vili li iżewwqu kollox bi kliem Ingliż.

12:36 am  

Post a Comment

<< Home