mp

19.3.05

Feltrinelli jirritorna lejn il-Blata

Feltrinelli jirritorna lejn il-Blata. Waqt li jippakkja l-valiġġi, jew qabel jew wara, jintefa' jibbloggja. Jagħmel referenza għar-r(R)ebbiegħa. Imbagħad jagħmel kumment li tassew jintrigani:

Kemm ngħid li kull ma jmur aktar nemmen li dan il-fenomenu tal-bloggs Maltin
(l-aktar dawk bil-Malti jew bilingwi) jistgħu huma l-ħabbara ta’ bidliet kbar li
għad naraw fil-panorama kulturali Malti. Kultura b’k żgħira jew kbira, ħadd ma
jaf , għax imbagħad jinbet id-dibattitu jekk hemmx tassew (K) (k)ultura fuq
il-Blata, jew jekk għandniex ninsew is-singular u nibdew nitkellmu dwar aktar
realtajiet, l-aktar dawk tat-truf. Forsi r-
Rebbiegħa
l-Ġdida
, l-aħħar daħna li biegħlna Fenech Adami, għad toħroġ minn hawn.

Ejja naqtgħuha darba għal dejjem din: ir-rebbiegħa li qegħdin nitkellmu fuqha, anki jekk oriġinarjament imħabbra mill-politiċi b'tonijiet isteriċi waqt xi massmeeting jew xi priedka oħra milli jħobbu jagħmlu lis-segwaċi fidili tagħhom, ma tistax titwelled minnhom. U jkun żball, tiegħi l-ewwel wieħed, li nibqgħu nittamaw fi klassi ta' nies li għadhom ma għarfux x'jiġifieri jkollok ir-riedni. Feltrinelli għandu raġun: ir-rebbiegħa trid tibda minn orizzonti oħra.
Biss irridu nirrikonoxxu li kien hemm rebbigħat oħra fil-passat. Passat antik, veru. Il-ħasra hi li, bħalma kiteb Victor Fenech kien hemm rebbiegħa li falliet. Hemm iktar minn raġuni waħda għal dan il-falliment. Waħda minnhom hi li l-prekursuri ta' moviment li ħadem bi sħiħ għall-kawża ta' din ir-rebbiegħa spiċċaw partitarji huma wkoll u llum, jekk mhux ukoll il-bieraħ, spiċċaw idoqqu l-ġolġol li dendlu m'għonqhom bil-barka tal-partit u llum il-ġurnata jistennew in-nihil obstat ta' l-id moħbija waqt li jterrqu qalb il-kuriduri tal-poter.
Eħe, din ir-rebbiegħa m'għandha x'taqsam xejn mal-predikaturi ta' nhar ta' Ħadd. Trid titwieled mill-impenn ta' wħud li jisfiduċjaw il-monumenti kbar li nbnew bl-addoċċ f'kull rokna skarsa tal-Blata.

0 Comments:

Post a Comment

<< Home