mp

23.4.05

Id-Denfil

Illum qed jiġi ċċelebrat Jum il-Ktieb.

F'attività li saret biex jiġi ċċelebrat dan il-jum, il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea, inkoraġġixxa lit-tfal biex jaqraw u jqisu l-kotba bħala sors ta' għarfien u anke rikreazzjoni.

Jistona ħafna l-aħħar kumment meta wieħed iqis li l-iskejjel primarji ta' l-Istat għadhom jippreżentaw kotba li ħarġu f'nofs is-snin Sebgħin, bi produzzjoni li tfakkrek fil-faqar ta' dak iż-żmien. Għadni niftakar jum fost l-oħrajn, is-surmast ta' l-iskola primarja tal-gvern tar-Raħal Ġdid indirizza lill-istudenti kollha għadhom jittewbu u dan kollu biex, bil-pompa tipika ta' dawk iż-żminijiet, iħabbrilna li l-Papà-Stat Soċjalista kien għoġbu jipprovdilna ktieb bil-Malti ġdid b'ħafna stampi (bojod u suwed) u stejjer sbieħ (nofshom riprodotti mill-Ġabra ta' Ward). Diffiċli tniżżilha iżda veru: l-iskejjel statali għadhom iqassmu (jisilfu) Id-Denfil! U dan minkejja li, skond l-istqarrija tal-missjoni tagħha t-taqsima ta' l-Iżvilupp tal-Kurrikulu fi ħdan il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni hija responsabbli għall-iżvilupp tas-sillabi fis-sezzjonijiet u s-suġġetti kollha, u għall-iżvilupp kontinwu ta' dawn is-sillabi biex jirriflettu sistemi moderni ta' tagħlim. L-istqarrija tkompli tgħid li t-Taqsima ta' l-Iżvilupp tal-Kurrikulu hija wkoll responsabbli li tagħmel għażliet xierqa ta' riżorsi addattati biex jissupplimentaw is-sillabi. Dan kollu qiegħed jintlaħaq permezz ta' kotba bħal Id-Denfil.

Il-Ministru Galea kien irrappurtat li rringrazzja lill-awturi Maltin li jippubblikaw xogħolhom. Interessanti.

Illejla, Inizjamed, se tkun qiegħda tiċċelebra Jum il-Ktieb b'attività fl-Imħażen ta' Caraffa, il-Birgu, imsejħa "Ktieb għall-Ħruq". Nislet mill-kumment li għamel Adrian Grima, l-editur tal-ktieb speċjali li Inizjamed qiegħda tippubblika għal din l-okkażjoni:

Minnu nnifsu, il-ktieb jimraħ f’oqsma ġodda u joħloqhom hu stess, jesplora
perspettivi u realtajiet mhux magħrufa u mhux aċċettati u għaldaqstant jisfida
“s-sewwa magħruf” u l-ordni stabbilit. Ivan Callus jgħid li l-kotba jesprimu
t-tamiet u l-beżgħat tal-bnedmin, u l-ambizzjonijiet bla limiti u l-assurdità
tad-delużjonijiet kbar tagħhom. Il-kotba jlissnu kurżità li ma tistax titrażżan,
u dejjem jesprimu t- tiftix bla waqfien tal-bniedem.

Minħabba f’hekk, il-kotba dejjem ixellfu difrejhom mal-poter politiku, soċjali u
kulturali ta’ komunità, u sikwit jiġi rrifjutati qabel ma jistgħu jiġu
ppubblikati. F’dawn l-aħħar xhur, uħud mix-xogħlijiet li se jinqraw waqt “Ktieb
għall-Ħruq” sabu ruħhom f’din is-sitwazzjoni għax twarrbu minn istituzzjonijiet
u djar tal-pubblikazzjoni mhux minħabba n-nuqqas ta’ kwalità imma minħabba li
jittrattaw temi skomdi b’lingwa letterarja li tipprova tirrifletti dik it-tematika.


0 Comments:

Post a Comment

<< Home