mp

25.5.05

In-Nies tal-Bloggs

Irċevejt email mingħand ġurnalista tal-Malta Independent li talbitni ngħaddni kumment dwar il-blogosfera Maltija. Din kienet it-tieni stedina f'ġimagħtejn biex nikkummenta dwar dan. Mid-dehra l-media Maltija ntebħet b'dan il-fenomenu 'riċenti' u interessat ruħha fih. Bilfors, meta tqis li l-gazzetti Maltin huma biss ippreokkupati b'dak li jgħid il-ministru u bil-libsa ta' Chiara.

Fl-email li rċevejt dalgħodu l-ġurnalista talbitni nikkummenta dwar ir-rivoluzzjoni tal-bloggs. Insomma, biex inkun onest ma nqisx il-blogosfera Maltija xi rivoluzzjoni, anki għaliex nemmen li dat-terminu ġie abbużat u ntużat bl-addoċċ. Minnu li, bħalma kkummentajt darba oħra (skużawni imma m'għandix aptit noqgħod infittex il-link) l-ibbloggjar jagħtik ċerta libertà ta' l-espressjoni mingħajr il-biża' li tispiċċa ċċensurat. Għallinqas sa issa, għax tajjeb li wieħed jibqa' jżomm f'moħħu l-każ riċenti tal-bloggejja mill-Baħrejn.

Kif naraha jien, it-tfaqqis ta' bloggs Maltin huwa aktar xhieda ta' moda milli rivoluzzjoni. Saret moda li jkollok blogg. Ma nara xejn ħażin li timxi ma' moda, tant hu hekk li jien ili nżomm dal-blogg kważi sentejn issa, anki għaliex l-istampa Maltija hija kkontrollata mill-partiti politiċi, mill-Knisja u minn xi istituzzjonijiet konservattivi ħafna. U jkolli ngħid li l-possibilità li din is-sitwazzjoni tinbidel hija remota ħafna. Għal dawk li jridu jiktbu bil-Malti s-sitwazzjoni hija ħafna agħar. U allura huwa minnu li l-ibbloggjar ta l-opportunità lil ħafna li jħarbxu dak li jiġihom f'moħħhom, ħsibijiet li x'aktarx mingħajr il-bloggs qatt ma kienu joħorġu fid-deher.

Iżda fl-aħħar mill-aħħar, l-ibbloggjar jibqa' inizjattiva personali li tagħmilha meta, jekk u kif ikollok aptit. M'hemmx dixxiplina f'din is-sistema. Minkejja l-libertà li l-blogg jagħtini, xorta nħoss il-ħtieġa ta' spazju (stampat jew diġitali) fejn titressaq alternattiva kollettiva.

Naf li bħalissa hawn min qiegħed jagħti l-aħħar irtokki lil pubblikazzjoni ta' dan it-tip. Nittama li din l-inizjattiva ma ddumx ma titnieda.

3 Comments:

Blogger sharonspiteri qal/et...

That's not even a hint, that's a coy peep from behind a Victorian fan :-) I guess I'll have to blog about it properly after all.

1:52 pm  
Blogger gybexi qal/et...

salut,

kieku ma kinitx moda li tikteb fil-passat, jew li taghmel xi film, jew li taghmel diska (jew tinghaqad ma' grupp ta' hbieb u tghamlu "bend") - kieku m'hemmx 80% tal-kotba/CDs/DVDs li ghandek (u ghandi) id-dar illum.

il-moda li qieghed issemmi int hi iktar ispirazzjoni nahseb (naf li ghamilt cahhad wara s-sentenza tieghek...) mhux moda pura. u nahseb li anke jekk kieku hi moda pura - mhux xorta - haga posittiva xorta.

bhala moda mhix hazina jew perikoluza, anzi - ahjar moda bloggajra milli wahda li titlob li kulhadd joqtol, jistupra jew b'xi mod isir estremist (as unlikely as that may be...)

7:13 am  
Blogger Kenneth qal/et...

Li jinkwetani jekk din tal-blogging issir il-moda huwa l-fatt li l-bloggosfera Maltija tiddeġenera in-ġenerali.

Kif qegħdin bħalissa (jew f'dan l-aħħar sena jew tnejn, skond kemm il-blogger ilu li beda), insibu nies li għandhom blogg għax determinati li jżommuh aġġornat u għarfu l-iskop u l-użu tiegħu, u mhux sempliċiment għax fuq il-gazzetta qalu li l-blogging hu fenomemu, u jaħsbu li l-blogging huwa estensjoni tal-forum ta' Xarabank.com.

Jekk ikun hemm influss ta' bloggers kawża ta' dat-trend, li jiġri hu probabbli li qabel ma jgħaddi wisq żmien, jabbandunaw il-blogg tagħhom u nispiċċaw b'elf blogg li kulma jkun fihom xi kitba jew tnejn.

Imma fuq kollox, ma nistgħux nippretendu li il-bloggosfera Maltija tibqa' żgħira kif inhi llum, fejn kulħadd ikun jaf x'għamel il-blogger (jew "bluggajr", kif sejjaħtlu int) l-ieħor f'qasir żmien għax kulħadd jaf lil kulħadd (talanqas, virtwalment.)

11:10 am  

Post a Comment

<< Home