mp

3.6.05

Kimika -- fl-aħħar!



Mela, issa nistgħu nagħmluha uffiċjali anki fuq il-blogg: wara storja twila li ħadet aktar minn sena, Kimika, se jitfaċċa fil-ħwienet tal-kotba fl-aħħar ta' dax-xahar. Pubblikazzjoni tal-Klabb Kotba Maltin. Għal min jinteressah it-tnedija se ssir fit-30 ta' Ġunju. Post u ħin aktar 'il quddiem.

Kif għidt lil Matthew Vella - li sab ruħu fil-ktieb bħal Pilatu fil-kredu - dan il-ktieb huwa ħarsa oħra mill-qrib lejn dak li qiegħed jiġri fuq il-Blata. Min-nota fuq il-qoxra ta' wara:

Hija ħarsa mill-qrib ħafna, forsi tant mill-qrib li tista' ddarras. L-identikit li joħroġ huwa l-kronaka ta' nies li ma jafux x'se jagħmlu b'ħajjithom u ta' oħrajn li l-ħajja ma tafx x'se tagħmel bihom.

Kien hemm uħud li ddarrsu waħda sew. Jaħfruli, imma din li għad irridu nħarsu lejn il-Blata bħala l-pajjiż tas-sewwa u l-innoċenti rridu naqtgħuha. Il-Blata hija parti mid-dinja, u għax hi parti mid-dinja hija bħalha: fit-tajjeb, fil-ħażin u f'dak kollu li jaqa' bejn dawn iż-żewġ poli. U għalkemm Kimika ambjentat fi żmienna, m'għandi l-ebda dubju li l-Blata kienet minn dejjem imħawda daqs l-akbar pajjiż fl-akbar kontinent. U n-nies ta' fuqha kienu mill-aħjar daqs il-qaddisin li jimxu f'artijiet oħra, u kriminali daqs l-eqqel xjaten li ġġerrew mal-irjieħ kollha fuq l-art. Ħarsa lejn il-kotba ta' l-istorja ta' l-Inkwiżizzjoni f'Malta turi dan b'dokumentazzjoni fitta u dettaljata ħafna.

Ikolli nammetti, iżda, li Kimika ma tanix xi gost kbir niktbu, għar-raġuni sempliċi li l-istejjer miġbura fih huma stejjer koroh aktar minn dawk tan-nies koroh li introduċejt fl-ewwel għawma tiegħi. Dawn l-istejjer inkitbu ħafna qabel ma każi bħal dan, jew dan, jew dan ħarġu fil-beraħ. Qed ngħid dan biex jekk tiddejjaq b'veritajiet koroh ma taqrahx dan il-ktieb. Iżda aktar inikktuni stejjer oħra (li ma ktibthomx fil-ktieb) ta' nies li assolutament iridu li r-ritratti tal-Blata jibqgħu bħall-postcards li ssib fil-ħwienet tal-Belt u ta' Buġibba. Niftakar meta kont Pariġi għat-tnedija ta' ġurnal awtorevoli li kien iddedika numru doppju għal-letteratura bil-Malti miktuba wara l-Indipendenza kont tlabt li niltaqa' mat-traduttriċi li kienet qalbitli l-istorja "Rubi" għall-Franċiż. Xiħadd kien qalli li dik it-traduttriċi, Maltija ta' xir-raba' ġenerazzjoni ta' emigranti lejn Franza, kienet irrifjutat li turiha lill-Maltin emigranti l-oħra għax kienet se xxaqqaq l-idea li kellhom ta' l-art ħelwa mnejn in-nanniet ta' bużnanniethom kienu oriġinaw. L-ewwel darba f'ħajti li tkellimt ma' ambaxxatur barrani għal Malta, waqt riċeviment il-Belt, irrakkuntali anedottu tat-tferfir li kellha fuqha mart wieħed mill-ministri tagħna bl-iskandlu li ħadet meta semgħet bl-istejjer tiegħi, u dan l-ambaxxatur kien qalli li din is-sinjura għamlet minn kollox biex tikkonvinċih li dak li qara ma kienx is-sewwa dwar il-Blata. Dawn huma l-istejjer l-aktar koroh, ta' nies li jgħidulek "imma hemm bżonn li l-istejjer tiegħek ikunu daqshekk 'krudi'?"

2 Comments:

Blogger sharonspiteri qal/et...

So glad this book is finally seeing the light of day. I hope it will be on sale online somewhere. Please nudge KKM to place it somewhere. I know di-ve have a shop but I'm not sure who else does. Anyway they would know these things, hopefully. Again, really glad it's going to be published.

7:50 pm  
Blogger Pierre J. Mejlak qal/et...

Lel - fejn nahdem jien, hawn fi Brussell, qabbduni nnizzel 50 ktieb bil-Malti biex nordnawhom ghal-librerija ta' l-istituzzjoni. Tieghek kwazi nizzilthom kollha ghax inhoss li ftit huma dawk l-ilhna daqstant awtentici fix-xena letterarja Maltija. Inhossni xxurtjat li kont kollega tieghek ghal ftit xhur (jew snin?!). KIMIKA naqrah la ninzel Ghawdex izjed tard din is-sena.

5:35 am  

Post a Comment

<< Home