mp

9.6.05

Aktar iġsma, aktar iħirsa

Int u miexi fit-toroq ta' Sarajevo jolqtuk l-irqajja' mifruxa 'l hawn u 'hemm ta' oqbra. Irqajja' żgħar ta' xi għoxrin tletin qabar. Litteralment imferrxin 'l hawn u 'l hinn. Pereżempju tkun għaddej f'nofs ġnien pubbliku u f'rokna minnhom, jew anki fin-nofs, issib ruħek f'ċimiterju ċkejken. Imbagħad taqra l-plakka kommemorattiva u taqra li f'dak il-post eżatt kienu nqatlu dawk li hemm midfuna: xi bomba li sparata minn waħda mill-għoljiet li jdawru l-belt.
L-iġsma iħirsa fit-trietaq tal-Jugoslavja m'hemmx li jisparixxu. Illum il-B92 irrapporta s-sejba ta' midfna tal-massa oħra, fil-villaġġ ta' Suħ, fil-Lvant tal-Bosnja. F'din il-midfna nstabu 38 katavru, fil-maġġoranza tagħhom nisa, tfal u xjuħ. Hu mifhum li dawn il-katavri kienu ta' nies li ġew iffuċċillati fl-istess post, imbagħad mirduma biex forsi d-dnub jitgħatta. Waħda min-nisa kienet fil-fażi finali ta' tqala, jew biex nikkwota lill-B92 "about to give birth".
Min jaf kemm hemm nies li ma' l-aħbar qalbhom għamlet tikk. Min jaf kemm hemm nies li qegħdin ilestu rwieħhom għax-xokk li ilhom jistennew tlettax-il sena. Min jaf kemm ħolm ikrah bil-lejl, kemm ħars ċass fil-vojt, kemm biki sieket u bla dmugħ. Min jaf kemm-il memorja.
U min jaf kemm oħrajn, wara li jsiru t-testijiet tad-dna fuq dawn it-38 fatat, se jkollhom jipposponu x-xokk għal darba oħra, għal meta forsi tinstab xi ħofra oħra tiftaħ ħalqha beraħ biex tobżoq biċċa oħra mit-traġedja Jugoslava. Min jaf kemm aktar iljieli bla rqad, kemm twieqi mbexxqa biex forsi ...
Sadattant, B92 ikkwota wkoll uffiċjal tan-NATO li ried jibqa' anonimu li, waqt li l-ministri tad-difiża ta' l-Alleanza qed jiltaqgħu fi Brussell biex jirratifikaw il-ftehim għall-preżenza tagħha fil-Kosova, qal li l-Alleanza qiegħda tlesti ruħha għax hemm il-biża' ta' aktar vjolenza f'dan ir-reġjun ex-Jugoslav.
U jerġa' jinfetaħ siparju mċarrat ieħor u jerġa' jidher l-ispettru ta' kunflitt li mhemmx li jintemm.
Mużika fl-isfond: is-supergrupp Jugoslav minn Sarajevo Bijelo Dugme (Buttuna Bajda), "Ima Neka Tajna Veza" (1975, jew meta t-tigri kienu għadhom maqfula u Bregovic ma kien jafu ħadd għajr it-tfajliet Jugoslavi).

1 Comments:

Blogger Erezija qal/et...

Qed tfakkarni...

F'Ottubru 1995 tlajt Praga ma' zewġt iħbieb għal lost weekend li dam tliet xhur. Insomma, mal-wasla tagħna fi Praga sibna hostel fejn sirna nafu, u sirna ħbieb tagħhom ukoll, bosta Bosnijaċi minn Sarajevo, uħud minnhom ex-suldati li kienu jdoqqu strumenti u b'xi mod irnexxielhom jidħlu fil-banda ta' l-armata. Din il-banda ġiet mistiedna tipparteċipa fi festival tal-paċi f' Praga u b'hekk ħarbu mill-kunflitt u baqgħu hemm refuġjati. Niftakar kif bil-lejl kienu jiċċassaw lejn is-saqaf (konna norqdu kollha f'dormitorju) u kont noqogħod nosserva kif mument minnhom ikunu daħkana u mument ieħor siekta miġburin fil-ħsibijiet tagħhom, kull wieħed gzira għalieh waħdu. U niftakar ukoll kif kull filgħodu konna mmorru magħhom sa canteen biex nieklu kolazjon imdaqqas, għax kienu jispjegawlna kif jekk tiekol ħafna filgħodu l-istonku ma jibdiex igorr qabel il-ħamsa. Kienu suldati, kienu kburin bil-kalzetti ħoxnin li kienu ħetulhom l-ommijiet tagħhom. U meta darba sieħbi kien ġagħal wieħed minnhom jirrabja sew, dan kien ħares f'għajnejh, ipponta lejh u b'leħen maħnuq izda sod qallu, "I killed at least four people face to face. Don't be my fifth." Minuta wara kienu reġgħu saru ħbieb.

8:37 am  

Post a Comment

<< Home