mp

7.6.05

MLP

Il-portal Nazzjonalista maltarightnow.com, illum wara nofsinhar ħabbar b'ċertu gost it-twaqqif tal-Moviment Laburista Popolari (MLP) iffurmat minn ex-deputati u militanti tal-Malta Labour Party (MLP). Għal xi ħin, it-titlu ta' l-artiklu kien "Jinqasam il-Partit Laburista", iżda għall-ħabta ta' l-erbgħa neqsin għoxrin, it-titlu nbidel għal wieħed aktar 'newtrali' : "Jitwieled 'Moviment Laburista' Ġdid". Forsi l-edituri tal-maltarightnow.com ħassew li għandhom ikunu aktar kawti?

Mela issa se jkollna l-MLP1 u l-MLP2. Tajjeb. Jidher għaldaqstant, li l-ġlieda bejn is-CNI (Campaign for National Independence) u l-Partit Laburista, ħraxet ħafna aktar milli wieħed kien jista' jobsor sa ftit taż-żmien ilu. Anna Mallia, waħda minn ta' quddiem nett tas-CNI kienet qiegħda tirrappreżenta l-MLP2 flimkien ma' Alex Sciberras Trigona (tiftakruh lil dan?) li dan l-aħħar kien qed jidher fuq Smash TV fil-programm tas-CNI jikkritika bl-addoċċ lil Alfred Sant tal-MLP1, u Maria Camilleri, ex-MLP1 ukoll. L-MLP2, allura, ġie kkonċeput mis-CNI, fl-eqqel tal-gwerra bejn Karmenu Mifsud Bonnici u l-partit li kien mexxa f'perjodu fejn il-politika f'Malta kienet tippindla bejn il-farsesk u l-arċi-drammatiku.

U ngħiduha kif inhi, l-MLP2, ma setgħux isibu ġurnata aktar opportuna mis-7 ta' Ġunju, biex ivaraw dan il-moviment il-ġdid tagħhom. Li ma nafx, forsi xiħadd jista' jilluminani, hu kif ir-rappreżentanti tal-MLP2 sabu rwieħhom bilqiegħda mal-mistednin distinti. Jew is-siġġijiet li kien hemm skjerati fil-pjazza ta' quddiem il-palazz ma kinux riservati għall-irjus il-kbar?

Mhux talli hekk, talli l-MLP2 poġġa kuruna f'ħoġor il-monument tas-7 ta' Ġunju, flimkien mal-kuruni l-oħra li tpoġġew fost l-oħrajn mill-Gvern u mill-MLP1.

Kienet ġurnata opportuna wkoll għax is-7 ta' Ġunju 1919 għal ħafna snin kien jum meqjus bħala tal-klassi tal-ħaddiema. Wara kollox il-protesti li saru fuq il-Main Guard u li wasslu għall-qtil ta' erba' Maltin, kienu protesti mmotivati mill-ġuħ li din il-klassi kienet qiegħda tbati. Illum, ovvjament, dawn il-fatturi la għadhom jissemmew wisq inqas jitfakkru, għax anki t-terminu "klassi tal-ħaddiema" sar tabù nazzjonali, jekk mhux internazzjonali.

5 Comments:

Blogger Erezija qal/et...

immmanuel, kulhadd fil-blogosfera irid ikun jaf kif irnexxielek tqieghed il-muzika f' bloggtok?

8:36 am  
Blogger Immanuel Mifsud qal/et...

Trid iddaħħal kodiċi ta' l-html. Il-problema hi li qed nipprova nikkupjahulek imma l-blogger awtomatikament flok jurik il-kodiċi jaqbad u jtellagħlek l-oġġett. jekk tistaqsi ftit kif nista' niktiblek kodiċi u JIDHER BĦALA KODIĊI, ngħidlek x'inhu l-html code li trid tuża. Moħħi s'hawn iwassal.

2:50 pm  
Blogger Immanuel Mifsud qal/et...

u bilħaqq, jekk tuża firefox la tinstema' l-mużika u lanqas ma jidher il-player

2:52 pm  
Blogger Roderick Mallia qal/et...

Bil-mużika fil-blog! Idea interessanti ħafna din. Prosit.

"u bilħaqq, jekk tuża firefox la tinstema' l-mużika u lanqas ma jidher il-player"

Mela għalhekk ma bdejt nara u nisma' xejn! Infatti x'ħin qlibt għall-Internet Explorer irnexxieli.

Immanuel, hemm xi mod kif jistgħu jindaqqu iktar minn diska waħda? Ngħidu aħna, toħloq xi tip ta' jukebox jew xi ħaġa? Ma nafx jekk hux qed nippretendi daqsxejn iżżejjed jew ngħid xi ereżija...

Grazzi

7:30 pm  
Blogger Immanuel Mifsud qal/et...

Roderick,

għandi xorti sibt kif indoqq waħda! :-)

Jiddispjaċini ma nafx kif inwieġbek. Li nista' ngħidlek hu li l-kanzunetta nibda nibdilha kull darba li ntella' bloggata.

8:02 pm  

Post a Comment

<< Home