mp

10.6.05

L-istejjer minn fomm l-imsejkna

Ereżija ħalla dan il-kumment fil-bloggata tiegħi tal-bieraħ. Qed nirriproduċih għal dawk li ma joqogħdux jaqraw il-kummenti:
Qed tfakkarni...F'Ottubru 1995 tlajt Praga ma' zewġt iħbieb għal lost weekend li
dam tliet xhur. Insomma, mal-wasla tagħna fi Praga sibna hostel fejn sirna nafu,
u sirna ħbieb tagħhom ukoll, bosta Bosnijaċi minn Sarajevo, uħud minnhom
ex-suldati li kienu jdoqqu strumenti u b'xi mod irnexxielhom jidħlu fil-banda
ta' l-armata. Din il-banda ġiet mistiedna tipparteċipa fi festival tal-paċi f'
Praga u b'hekk ħarbu mill-kunflitt u baqgħu hemm refuġjati. Niftakar kif
bil-lejl kienu jiċċassaw lejn is-saqaf (konna norqdu kollha f'dormitorju) u kont
noqogħod nosserva kif mument minnhom ikunu daħkana u mument ieħor siekta
miġburin fil-ħsibijiet tagħhom, kull wieħed gzira għalieh waħdu. U niftakar
ukoll kif kull filgħodu konna mmorru magħhom sa canteen biex nieklu kolazjon
imdaqqas, għax kienu jispjegawlna kif jekk tiekol ħafna filgħodu l-istonku ma
jibdiex igorr qabel il-ħamsa. Kienu suldati, kienu kburin bil-kalzetti ħoxnin li
kienu ħetulhom l-ommijiet tagħhom. U meta darba sieħbi kien ġagħal wieħed
minnhom jirrabja sew, dan kien ħares f'għajnejh, ipponta lejh u b'leħen maħnuq
izda sod qallu, "I killed at least four people face to face. Don't be my fifth."
Minuta wara kienu reġgħu saru ħbieb.
Dawn huma l-istejjer minn fomm l-imsejkna li rari jidhru fl-istampa. Mhux għax l-istampa mhijiex interessata f'dawn l-istejjer, imma għax l-ispazju ġeneralment jinħanaq mir-rapporti uffiċjali. Jew anki għax mhux l-imsejkna kollha għandhom l-enerġija u r-rieda li jitkellmu fil-beraħ.
Sadattant, il-BBC online, qiegħed ixandar kummenti ta' nies komuni huma u jippruvaw jagħmlu sens minn ħajja assurda fit-traġedja Iraqina: l-istejjer tan-nies li ħadd ma jafhom, li wara kollox setgħu kienu int, jien u min qed jaqra.
Mużika fl-isfond: l-istess tal-bieraħ.

1 Comments:

Blogger Immanuel Mifsud qal/et...

L-isfida hi propju dik: li ma ssirx ċiniku, li ma tidrax. Jien għadni sa llum ma nafx għala rabbejt interess kbir fl-Olokawstu - mhux biss dak ta' sittin sena ilu, imma anki dak li seħħ fil-Jugoslavja u f'partijiet oħra tad-dinja li ma żortx. La qed nitkellmu fuq żjarat, nista' anki ngħid li żort aktar minn kamp tal-konċentrament wieħed ... bħala pellegrinaġġ lejn traġedja umana li ma missitnix direttament imma xorta nħossha 'tiegħi'. Il-biża' tiegħi mhuwiex li nibred u nsir ċiniku imma li nitlef is-sens veru ta' dan l-interess u jsir biss interess ta' kurżità. Mill-banda l-oħra lanqas ma tista' tagħti tort lil dawk li rnexxielhom isalvaw li jirrakkuntaw l-istorja bla passjoni. X'aktarx il-passjoni nqatlitilhom u nsew x'jiġifieri sentiment.

6:57 pm  

Post a Comment

<< Home