mp

16.6.05

Long Live Our Soviet Motherland


Dmitri Shostakovich

Daħla sal-Belt li dewqitni l-assurdità tal-Qrati Maltin wasslitni wkoll s'għand ħanut tad-diski mnejn xtrajt il-boxed set tas-sinfoniji kollha miġbura ta' wieħed mill-idoli mużikali tiegħi: Dmitri Shostakovich. Għalkemm il-librerija diskografika tiegħi ilha li laqgħet fiha l-ħmistax-il sinfonija ta' dan il-ġenju Russu dan il-boxed set maħruġ mid-ditta rivoluzzjonarja Naxos ħajjarni u xtrajtu.

Ftit minuti ilu spiċċat iddur is-cd bit-tieni sinfonija, imlaqqma s-Sinfonija ta' Ottubru, li hija eloġju għar-rivoluzzjoni Bolxevika ta' Ottubru 1917 u lil Lenin. Is-sinfonija, li aktar tard Shostakovich innifsu iġġudikaha bħala 'mhix daqstant tajba', tispiċċa b'kor imħallat li jkanta poeżija 'proletarja' miktuba minn ċertu Aleksander Bezimenski, poeżija li tagħti omaġġ lil missier l-Unjoni Sovjetika. Kieku kellna niġġudikaw il-merti letterarji ta' Bezimenski fuq din il-poeżija, wisq nibża' li Mark Vella ma jinkludihx ma' l-elit liberali. Nislet parti minnha:

"Aħna fhimna, O Lenin, li d-destin għandu isem: taqbida"

jew

"Isem it-taqbida huwa Ottubru. / Ottubru! Int il-ħabbar tax-xemx li tant stennejna / Ottubru! Dan il-ħelsien fi żmien ir-rivoluzzjoni. / Ottubru! Dil-ħidma, dal-ferħ, din l-għanja /
Ottubru! Dal-ferħ fl-għelieqi u fil-magni."

Ma nafx Shostakovich, fi xjuħitu, staħax mill-mużika li kiteb jew mit-test li mmużika. Nissuspetta li t-tieni. Min jaf x'kien jgħaddi minn moħħu kieku baqa' jgħix imqar sa żmien il-perestrojka? Żgur li ma kienx joħlom, speċjalment fid-drabi meta qalagħha mill-Pravda u mill-Kummissjoni għall-Estetika Komunista għax kiteb mużika borgiża nieqsa mill-ħeġġa soċjalista, li xi darba għad nitkellmu dwar in-nostalġija għall-era komunista.

Shostakovich għex fl-agħar perjodu tas-sistema Sovjetika, fiż-żmien meta kienu jkantaw li l-unjoni tar-repubbliki sovjetiċi kienet se tibqa' magħquda għal dejjem fil-ħelsien u fix-xogħol.

Intant, dis-sena jaħbat it-tletin anniversarju mill-mewt tal-ġenju, u d-dieħla ċ-ċentinarju minn twelidu.

Se nieqaf hawn.

Mużika fl-isfond: verżjoni Ingliża (biex ikun jista' jifhimha kulħadd) ta' l-innu sovjetiku. Niddedikah lil sieħbi l-ex-Komunista Malti, li min jaf kemm kien jikkomovi ruħu meta kien jisimgħu jindaqq f'xi okkażjoni speċjali tal-PKM!!

3 Comments:

Blogger Jacques René Zammit qal/et...

ironika li fi zmien meta kont "nimmilita" fl-istudenti demokristjani kont inqatta iz-zmien ta' studju tieghi bil-muzika ta' Shostakovich fl-isfond.

biex ma nsemmix il-grupp alternattiv malti ta' siehbi tufigno li "issellef" isem shostakovich ghat-titolu... in-nightmare of course!

8:30 pm  
Blogger Immanuel Mifsud qal/et...

emm, ħa nagħmluha ċara. Dmitri ma kienx xi komunista ferventi. kien survivor ovvjament. fil-pubbliku juri wiċċ, fil-privat juri ieħor. kien ġa fehem li żmien l-eroj għadda. wara mewtu ħarġu ħafna veritajiet, fosthom ir-referenzi ironiċi għal Stalin fis-sinfoniji tiegħu, u d-diżgust għall-pogroms sistematiċi ta' l-istess dittatur.

3:52 pm  
Blogger Erezija qal/et...

il-kwartetti ta' shostakovich huma meravilja...

11:13 pm  

Post a Comment

<< Home