mp

28.6.05

Ma nafx x'titlu se nagħti lil dil-bloggata!

Min jafni sew jaf li jien bniedem ċiniku. Ħeqq, hekk għamluni n-natura u l-ambjent. Onestament, nipprova ninbidel imma ma nafx kemm hi ħaġa possibbli din.
Il-hype kbir li għaddej bħalissa bil-Live 8 iħassibni ftit mhux ħażin, u mid-dehra hawn ħafna li qegħdin jitħassbu. Mhux kulħadd iħossu konvint mill-ġenwinità ta' dan il-proġett u hemm min qiegħed iħoss li dawk ir-rockers li se jkunu Hyde Park u fl-inħawi l-oħra se jkollhom ego boost papali, jiżdidilhom il-bejgħ tad-diski tagħhom u jnessuna kemm-il miljun għandhom merfugħa l-bank biex ma nsemmux il-ħafna affarijiet lussużi oħra li huma sine qua non mal-ħajja ta' rock star. Jinteressani ħafna nkun naf, pereżempju, x'titjib kien hemm fl-Afrika bejn l-1985 (is-sena tal-LiveAid) u l-2005 (is-sena tal-Live 8) u dat-titjib jiġi kkomparat mat-titjib fil-qagħda finanzjarja ta' dawk li pparteċipaw f'waħda miż-żewġ kampanji jew fit-tnejn. Qiegħed nistaqsi bl-onestà kollha u mhux qed inkun ironiku. Li naf fiż-żgur hu li fil-frattemp Bob Geldof, minn boomtown rat, sar Sir. (Issa jekk hawn min, bir-raġun, iħoss li hija anomalija li rock group ikollu "fuckin'" sponsor, aħseb u ara kemm hi anomalija ikbar li rocker rebel-with-a-cause ikollu t-titlu ta' Sir!!)
Dan l-artiklu jqajjem numru ta' mistoqsijiet dwar ir-rowl politiku li stilel tar-rock bħal Bono u Geldof sar għandhom. Jien ma naħsibx li l-politika għandha tkun il-monopolju tal-politikanti -bħalma hu l-każ hawn Malta - imma għandi numru ta' mistoqsijiet li ġenwinement ma nafx inwieġeb. Pereżempju t-talbiet li qegħdin jagħmlu Sir Bob Geldof, Bono u l-bqija, huma l-veri ħtiġijiet tal-foqra Afrikani? L-istudjuż Niġerjan Herbert Ekwe-Ekwe ma jaħsibx li l-pressjoni fuq it-Tmienja l-Kbar għandha titlob il-maħfra tad-djun. Skond Ekwe-Ekwe l-Punent imissu jgħin lill-Afrikani biex jibdlu s-sitwazzjoni fil-pajjiżi tagħhom, li Ekwe-Ekwe jiddefinixxihom bħala "militarised genocide-states". X'sens hemm, jistaqsi Ekwe-Ekwe li r-Renju Unit jaħfer id-djun tal-pajjiżi Afrikani meta s-sena l-oħra l-Gran Brittanja esportat lejn l-Afrika b'mitejn miljun dollaru armamenti. Dak li l-intellettwali Afrikani bħal Ekwe-Ekwe qegħdin jitolbu huwa li t-Tmienja l-Kbar iwaqqfu immedjatament l-bejgħ ta' l-armi lejn l-Afrika, lejn l-Afrika kollha kemm hi u mhux lejn dawk il-pajjiżi Afrikani meqjusa bħala żoni f'kunflitt biss.
Il-kitbiet ta' l-intellettwali Afrikani qegħdin ipoġġu argument ieħor li ma jidhirx fil-kampanja ta' Sir Geldof u Bono. L-Afrika m'għandhiex bżonn lill-papà Punent biex timxi 'l quddiem. M'għandhiex bżonn papajiet. Jemmnu, dawn it-talin, li l-Afrika hija kapaċi tittrasforma s-soċjetà waħidha.
Miniex ċert liema se jkun il-climax li se jtarrax l-aktar fil-kampanja tal-Live 8: huwiex dak li se jiddeċiedu l-mexxejja l-kbar f'Edinburgh jew l-għoxrin minuta meqjusa storiċi ta' Gilmour u Waters mill-ġdid spalla ma' spalla. Naf li qed inkun ċiniku, u naf x'kien il-kumment ta' Waters dirett lejn iċ-ċiniċi. U naf ukoll li li kelli l-opportunità kont inkun hemm għal dawn l-għoxrin minuta. U naf ukoll li nikkontradixxi ruħi.
Mużika fl-isfond: tibqa' Eleanor Rigby, verżjoni Bloodrock. Dalgħodu temmejt il-ktieb Eleanor Rigby ta' Douglas Coupland. Ma nafx x'kienet l-intenzjoni tiegħu imma nista' ngħid li l-għeluq tal-ktieb minbarra li daħħaqni (kif dejjem jagħmel Coupland) qabbiżli demgħa.

8 Comments:

Blogger Toni Sant qal/et...

Ma nahsibx li qed tkun ciniku zzejjed. Taf tkun ferm aktar!

Li nista' nghid zgur pero huwa li kieku ma kienx ghal dak li fettillu jaghmel Geldof niddubita serjament kemm kien ikun hemm nies konxji tal-fatt li hemm bzonn isir xi haga fl-Afrika.

Jien xettiku aktar milli ciniku. U kif taf, spejalment jekk anke qrajt dwar dan fil-blogg tieghi, ftit li xejn nemmen li bizzejjed il-flus u l-politika biss. Hemm bzonn xi haga aktar. Xi haga li jien ma nafx ezatt x'inhi imma ibqa cert li tezisti...u fuq kollox hemm xi mohh akbar minn tieghi li kapaci jitkellem sew dwar dan.

Ghedtlek li rrid naqra l-ktieb The End of Poverty ta' Jeffrey Sachs?

12:21 am  
Blogger Immanuel Mifsud qal/et...

Ghandi suspett, Ton, li din ix-xihaga li int ma tistax taqbad x'inhi (u lanqas jien) jafu x'inhija l-Afrikani stess. Forsi hija prepotenza min-naha taghna li nippruvaw insibulhom is-soluzzjoni.

8:15 am  
Blogger Kenneth qal/et...

Jekk jinħafru d-djun, min se jiggwadanja: il-prinċep Afrikan jew l-imgħakkes li qed mitluq f'kantuniera b'sieq waħda u lanqas għandu għaxja ta' lejla aħseb u ara biex jaħrab minn pajjiżu?

Forsi qed inkun ripetittiv għax semmejtha band'oħra fuq xi blogg ieħor, imma naħseb toqgħod hawn ukoll.

Xi sen'ilu, fuq is-sit tas-CNN rajt li xi prinċep ta' pajjiż Afrikan xtara ma nafx kemm-il Mercedes ġodda għan-nisa tiegħu. Fl-istess ħin, ħafna min-nies ta' pajjiżu, mgħakksin bil-ġuħ.

Bob Geldof kif se jbiddel dan? Il-maħfra tad-dejn, kif se teqred l-abbuż mill-awtoritajiet Afrikani stess?

Issa ngħid jien, jekk hemm bżonn tal-Live 8 (li, skond huma, hu l-bidu ta' proċess, jiġifieri nistennew iktar bħalu), dan ifisser li l-Live Aid kien falliment?

Tajjeb li tqajjem il-kuxjenza, kif għidt int Immanuel. Imma billi tqajjem il-kuxjenza, se taqa' l-manna mis-sema fl-Afrika?

1:24 am  
Blogger L-Imżebbel qal/et...

This comment has been removed by a blog administrator.

12:41 pm  
Blogger L-Imżebbel qal/et...

Interessanti l-verżjoni ta' Eleanor Rigby tal-Bloodrock. Ngħid is-sew, issorprendewni xi ftit biha, għax il-Bloodrock qatt ma impressjonawni wisq u l-album li nsibuha fih inkun ħanin jekk niddeskrivih bħala orribbli!

Rigward l-Afrika u d-djun, jiena għadni ma stenbaħtx mill-ħolma tal-Komuniżmu Internazzjonali, u għalhekk avvenimenti bħall-Live 8 lanqas biss tgħaddili minn moħħi li nqishom bħala soluzzjoni.

Din qisha l-Working Class Hero ta' John Lennon. Diska kbira kemm trid, imma ma naħsibx li daqstant ġenwina.

12:42 pm  
Anonymous Anonymous qal/et...

Christ died for our sins

Believe on the Lord Jesus Christ, and thou shalt be saved

5:13 pm  
Blogger Kenneth qal/et...

lofl?

2:35 am  
Blogger Erezija qal/et...

missjunarju cibernetiku

8:43 am  

Post a Comment

<< Home