mp

6.7.05

Ftit qabel immur norqod

Mid-dehra tagħha Sharon tivjaġġa mhux ħażin fid-dinja virtwali. Ġibditli l-attenzjoni li Nigredo kiteb bloggata dwar l-aħħar ktieb tiegħi, Kimika. Ovvjament, irrispettivament minn dak li Nigredo kiteb, inħossni fid-dmir li niżżih ħajr talli qara l-ktieb u, aktar minn hekk, indenja ruħu joqgħod jikteb dwaru. Anzi, fid-dmir li ngħid ukoll, li l-kummenti ta' Nigredo laqtuni ħafna bħala kummenti ġenwini.
Jekk għal mument ninsa li s-suġġett huwa ktieb li ktibt jien, li jolqotni ħafna huwa li l-blogg ta s-saħħa lill-qarrejja ta' ktieb li jippubblikaw dak li jaħsbu fuq ix-xogħol li jkunu qraw. U, dejjem jekk ix-xogħol letterarju jippermetti, il-qarrej jasal biex jerġa' jikteb il-ktieb li kiteb il-kittieb: jagħmlu tiegħu, mhux biss jinterpretah imma, aktar minhekk, jinternalizzah u appuntu jibdlu.
Dwar it-tqarrib tal-kittieb lejn il-qarrej tiegħu kont nitkellem ma' Feltrinelli meta dan kien għadu fuq il-Blata. Issa jidher li permezz tal-blogosfera dak li konna nitkellmu dwaru Feltrinelli u jien (u oħrajn, m'għandix dubju), jista' jsir aktar possibbli u aktar reali. Jien wieħed minn dawk li nemmen ħafna fid-diskors dwar il-kitba. Huwa sinjal ħażin li ktieb jinkiteb, joħroġ, jintgħoġob (jew ma jintgħoġobx) iżda mbagħad jintrefa' u alla m'għamlu. Filwaqt li nħoss li għad hemm lok għall-akkademiċi li jisfuljaw il-ktieb (għax wara kollox dak hu xogħolhom) inħoss li hemm ħtieġa kbira li anki dawk li m'humiex akkademiċi jitkellmu fuq dak li jaqraw. Il-blogosfera, inħoss jien, tista' tilħaq din id-dimensjoni wkoll.
Naqleb ftit il-kliem. Ma rridx nitkellem f'isem il-wwwitchie (għax min jaf x'tagħmilli kieku!) imma nixtieq nieħu din l-okkażjoni - ġaladarba qegħdin nitkellmu dwar kitba u qari - niżżi ħajr lil dawk il-ħafna nies (partikolarment bloggejja) li bagħtu l-kummenti tagħhom wara l-ewwel ħarġa tat-Tabellina. Ħajr ukoll lil dawk l-oħrajn li wrew interess li jikkontribwixxu artikli għal fuq l-istess ġurnal. Forsi t-Tabellina tasal ukoll biex isservi ta' pjattaforma għal diskussjoni (preferibbilment taħraq) anki dwar il-kotba li qegħdin jinkitbu u jinqraw, anki għaliex la s-skoss radjijiet li għandna jtaqqbulna t-tnabar ta' widnejna, la l-istazzjonijiet tat-televixin u lanqas il-gazzetti stampati m'għandhom biżżejjed viżjoni biex jagħmlu dan. Konna għidna li t-Tabellina trid tkun differenti appuntu billi tagħmel affarijiet li l-istampa tradizzjonali lokali mhix tagħmel għal raġunijiet li jafhom kulħadd. Hija din waħda mill-kwalitajiet - waħda - ta' dak li qegħdin insejħulu ġurnaliżmu kritiku: il-laqgħat ta' l-imħuħ minflok il-laqgħat tal-propagandisti u apoloġisti li minnhom, sfortunatament għandna bil-gzuz.
Mużika fl-isfond: Il-Vapur tal-Kristall, għax qrajt li Nigredo jħobb lid-Doors, b'dedika wkoll lil sieħbi ta' l-urangutang, bit-tama li nżuru ma ndumx fil-ġenna l-ġdida li sab ruħu fiha u b'tislijiet lil Amanti u 'l Pawlina li daqt iduqu l-istess ġenna.

1 Comments:

Blogger noel tanti qal/et...

hehe... the crystal ship... donnok kont taf... :)

6:51 am  

Post a Comment

<< Home