mp

25.7.05

Tismax li ġej jekk qatt ma għomt bil-lejl - Daniel Massa

Ophelia, John Everett Millais (1829-1896)


There, on the pendent boughs her coronet weeds
Clambering to hang, an envious sliver broke;
When down her weedy trophies and herself
Fell in the weeping brook. Her clothes spread wide;
And, mermaid-like, awhile they bore her up:
Which time she chanted snatches of old tunes;
As one incapable of her own distress,
Or like a creature native and indued
Unto that element: but long it could not be
Till that her garments, heavy with their drink,
Pull'd the poor wretch from her melodious lay
To muddy death
Hamlet. Is-seba' xena tar-raba' att
Ofelja tegħreq fix-xmara. L-istess Virginia Woolf: timla l-bwiet tal-kowt bil-ġebel tqil u tinżel fix-xmara Ouse mnejn qatt ma terġa' titla' tieħu n-nifs. Kien hemm każ f'Malta xi snin ilu, meta grupp ta' żeffiena kienu qed jaħdmu fuq il-blat u ġarrithom mewġa u għerqu.
Minn dejjem kelli relazzjoni stramba ma' l-ilma. Ma ngħixx mingħajru. Anki jekk inkun imsiefer għal ftit jiem u ma narax il-baħar, imqar fil-bogħod, inħoss bħal paniku jaħkimni wara jumejn tlieta. Mill-banda l-oħra, iżda, għandi ċertu biża' li jġegħilni noqgħod attent minnu, ma nafdahx; l-aktar meta nkun fih u nħares 'il barra lejn l-immensità kaħla li ma taralhiex it-tarf. Jista' jkun li din l-ambivalenza hija r-riżultat ta' programm fuq ir-radju li kont noqgħod nisma' m'ommi meta kont għadni żgħir ħafna: Il-Baħar Żaqqu Ratba u Rasu Iebsa, li kull episodju kien jirrakkonta xi traġedja fuq il-baħar, l-aktar ta' sajjieda Xlukkajri u Ġiljaniżi. L-effetti ta' l-awdjo, il-mużika drammatika u r-reċitazzjoni mqanqla kienu jkomplu jżidu ma' l-ingredjenti diġà traġiċi tal-programm. Il-baħar, tgħallimt, trid tħobbu u tibża' minnu fl-istess ħin ... l-istess bħal dak Alla li jibgħat it-tempesti u t-terremoti u l-karestiji fuq il-midinbin, li jitkellem bir-ragħad u jekk tħares lejh tagħma u tista' anki tmut.
Fl-1999, fuq stedina mid-Demarco Foundation, kont tlajt Edinburgh mal-grupp teatrali TMK li kont naħdem miegħu dak iż-żmien, l-ewwel grupp teatrali Malti li qatt ipparteċipa fil-Fringe ta' Edinburgh. Konna ppreżentajna l-premier ta' Ilma: sinfonija teatrali fi tliet movimenti. It-tieni moviment, kien ispirat mit-tliet imwiet b'għarqa li semmejt aktar 'il fuq. Anki jekk illum nemmen li "fil-mewt m'hemm l-ebda poeżija", kienu ħafna l-poeti, kittieba, pitturi u artisti oħrajn li raw ċerta poeżija, ċertu ġmiel, fil-mewt bl-għarqa. Forsi kien għalhekk li Virginia Woolf għażlet l-ilma bħala l-għodda għas-suwiċidju tagħha fl-1941. L-arti għandha ħabta li tibdel it-traġiku fis-sabiħ u toħloq poeżija minnu. Wieħed mill-aktar eżempji għal qalbi huwa l-poeżija ta' DanielMassa "Għawma bil-Lejl" (din li ġejja hi biss silta):
jekk tintelaq tgħum għal dahrek
ħalqek bħali mimli ilma
bejn Għawdex u Ras Qammiegħ
riħ is-skiet għaddej f'wiċċ l-ilma
jnebbħek bi qlugħ abjad
jingħi fil-fliegu
tard m'għoxrin fuq luzzu
wegħda fuq xufftejhom
nksew mill-ħalel ħondoq ir-rummien
u wieħed ggranfat mal-blat sas-sebħ
jaqra l-id ta' l-għawwiem għajjien
ta' l-għaddas milgħub
ġo għar taħt pett bil-ħarpun sparat
sorpriż
jistenna s-sejba seba' snin
jagħrfuh mill-arloġġ
Anki r-rakkont mitoloġiku ta' Alkijone - li tintefa' minn fuq il-blat għal ġol-baħar biex tmut wara l-għarqa ta' żewġha - għandu l-element poetiku tiegħu.
L-għarqa tal-professur Grieg taħt it-tieqa tad-Dwejra reġgħet fakkritni f'dan kollu. Mhix mewta sabiħa għax il-baħar ma jafx iħenn. Għadu ma tgħallimx il-baħar, u mhux se jitgħallem. Għax salvaġġ, kattiv u vjolenti. Għalhekk, forsi, jiġbidna lejh.
U l-musbieħ ta' Żgugina għadu jaqbad fil-qiegħnett.
Mużika fl-isfond: Summer on a solitary beach, Franco Battiato

5 Comments:

Blogger Antoine Cassar qal/et...

Kemm hi sabiha din is-silta tal-maestro Battiato!!

4:24 pm  
Anonymous Anonymous qal/et...

Xi gmiel!!

7:53 pm  
Blogger L-Imżebbel qal/et...

M'hemm xi ngħidu, Battiatio artist kbir.

3:01 pm  
Anonymous Anonymous qal/et...

nice weblog greetz from holland
www.20six.nl/spion

6:29 pm  
Anonymous Anonymous qal/et...

prosit tassew!
jiena qieg]ed infittx li nkompli nikteb imma 'llum hija ferm iebsa sabiex insib minn jippubblikali kitbieti.
zomm il-kolp ragel g]ax tassew nammirak.

joseph gravina
josephgravina@hotmail.com

6:41 pm  

Post a Comment

<< Home