mp

11.7.05

Dwar il-banana u frott ieħor

Il-bloggata li tellajt ftit ilu ħolqot ċerta sensazzjoni li frankament qatt ma stennejtha. Kien hemm diversi nies li rreaġixxew għaliha: reazzjonijiet differenti li ħafna drabi kienu ġenwini, oħrajn kellhom l-intenzjoni unika li jattakkaw, iweġġgħu u jirredikolaw is-suġġett.
Xtaqt, għaldaqstant nagħmel xi ftit osservazzjonijiet li għamilt jien u naqra dawn ir-reazzjonijiet, jew biex inkun onest xi wħud minnhom.
1) Skoprejt li jien xellugi. Li ma skoprejtx hu liema huma dawk il-kwalitajiet li jikkwalifikawni bħala tali. Mhux għax naħseb li huwa diżunur li tkun xellugi, imma sinċerament għadni ma nafx liema huma dawk il-kwalitajiet li lili jagħmluni hekk. Il-kors li ħadet ħajti, anzi, tefagħni f'pużizzjonijiet ħafna drabi kontradittorji li jagħmluhieli diffiċli ħafna nikklasifika lili nnifsi. U kien għalhekk, forsi, li ġenwinement issorprendejt ruħi li ġejt ikklassifikat. Taf xiex? Naħseb li tkun f'garżella jagħtik ċerta sigurtà, ċerta kumdità forsi ... ma nafx.
2) Ma nafx kemm hu korrett li nibqgħu nassoċjaw ix-xellug mal-conspiracy theory. Naħseb li hija ġeneralizzazzjoni ftit perikoluża li noħolqu formuli tat-tip: xellug=conspiracy theory. Naħseb ukoll li hija formula inġusta ma' dawk li jemmnu, iħossu u jiddikjaraw li huma xellugin. Iżda dwar dan naħseb li jistgħu jitkellmu aktar huma milli jiena.
3) Kien hemm xi diskors dwar il-mibegħda tal-klassi. Anki din l-espressjoni, minbarra li hija klixè sorpassata, hija mgħobbija bit-teorija filwaqt li tipprova turi ruħha bħala newtrali. Jekk xejn, uħud mir-reazzjonijiet li qamu wrew li d-diskors dwar il-klassi, anki jekk illum il-ġurnata spiċċa nkines taħt it-twapet, għadu reali, anzi realissmu. Issa, naturalment, jista' jkun hawn min jargumenta li dan il-ħsieb minnu nnifsu huwa konservattiv u antikwat. Jista' jkun ... imma r-reazzjoni li qamet, u d-direzzjoni li ħadet din ir-reazzjoni, lili juruni mod ieħor.
4) Kien hemm diskors - li lili interessani aktar minn diskors ieħor - dwar l-hekk imsejjaħ 'karattru Malti'. 99% għar-raġuni li jien għandi tendenzi relativisti, ġeneralizzazzjoni ta' dan it-tip tiskomodani. Sa issa għadni naħseb li l-'karattru Malti' ma jeżistix. U naħseb ukoll li jkun interessanti ħafna kieku dawk li huma interessati jintefgħu hawnhekk jippruvaw joħolqu skeċċ ta' dan il-'karattru Malti'. Naħseb li tassew ikun suġġett interessanti, imma mill-banda l-oħra nibża' li jista' jkun ukoll li jwassalna għal ċertu għeluq li huwa karatteristika - mhux Maltija - imma taċ-ċokon. Allura, fil-każ tiegħi, dejjem nispiċċa f'dilemma jekk għandniex nużaw l-enerġija biex neżaminaw jeżistix dan il-karattru, jew naqbdux u ninsewh darba għal dejjem. Jien għadni ma nistax niddeċidi x'inhu l-aħjar.
5) Hemm kwalità (u issa naf li se nikkontradixxi l-punt ta' qabel dan) li forsi tispikka fil-poplu Malti: il-prammatiżmu, l-utilitarjaniżmu. Naħseb li l-politika Mintoffjana ma kinitx oriġinali f'dan. Naħseb li l-poplu Malti minn żmien twil ilu ħafna (biex ma ngħidx minn dejjem) kien poplu prattiku u utilitarju. Jista' jkun li għandi żball kbir, imma jintrigawni ċerti fatturi, ċerti nuqqasijiet fil-poplu tiegħi: qatt smajtu għanjiet folkloristiċi (ovvjament miniex nalludi għall-Green Fields hawn)? Qatt smajtu l-għanjiet li s-sajjieda kienu jgħannu bejn sema u ilma huma u jistadu għal-lampuki? Jew l-għanjiet tal-bdiewa huma u jaħilbu l-baqar? Jew l-għanjiet tan-nies tar-raba' huma u jaħdmu l-art? Jien miniex ngħid li dawn ma jeżistux għax dan mhuwiex il-qasam ta' l-istudju tiegħi, imma għadni qatt ma smajt lil ħadd ikanta għanja tradizzjonali tas-sajjieda, tal-bdiewa, tal-kampanjoli pereżempju, bħalma nisma' meta nsiefer f'pajjiżi oħrajn. Għalija jkun interessanti ħafna jekk xiħadd forsi sema' b'dawn u jkun jista' jagħti xi informazzjoni. Dak li aħna nsejħulu għana, fil-widna meskina tiegħi, jinstema' dejjem l-istess, u l-baned ta' l-irħula jdoqqu varjazzjonijiet fuq tema ġenerali. Qatt smajna b'filosfu Malti, li ħareġ b'teorija, b'argument jew li kiteb xi trattat li ħawwad l-imħuħ? U kif se nispjegaw il-fatt li l-letteratura tagħna hija daqshekk żagħżugħa?
Forsi huwa l-ġebel il-filosofija tagħna, l-għana u l-letteratura ta' dan il-poplu. Anki jekk aħna m'aħniex relatati ma' l-ewwel Maltin li sawru t-tempji u l-istatwi ta' nisa mdaqqsa, żammejna t-tradizzjoni li nużaw il-ġebel bħala l-mera li tirriflettina. Imma aktar minn hekk ...? U allura, aktar milli nitkellmu dwar l-aħħar kompożizzjoni sublimi tas-surmast direttur tal-banda tagħna, nitkellmu fuq is-sular il-ġdid li tellajna, fuq is-sala l-ġdida li ftaħna, fuq il-faċċata l-ġdida u fuq il-lavur tal-ħitan tal-każin tagħna.
U allura forsi nasal ngħid li s-seklu li għadda kien tassew seklu uniku fl-istorja tagħna, għax naħseb li l-imħuħ bdew jirrealizzaw dawn in-nuqqasijiet u ppruvaw ipattu għalihom. F'daqqa waħda sawwarna tradizzjoni(jiet) ta' letteratura, ta' arti viżiva u l-bqija. Miniex ngħid li qabel ma kien hemm xejn; qiegħed ngħid li s-seklu li għadda kien seklu ta' qawmien.
6) Ingħad diskors dwar il-qsim, u kien hemm min ra din it-tendenza bħala kwalità tal-'karattru Malti'. Sa ftit taż-żmien ilu kont nasal naċċettah dan l-argument, imma llum nasal ngħid li l-qasmiet bejn gruppi differenti huma tendenza ta' ħafna soċjetajiet, inklużi soċjetajiet meqjusin bħala 'miftuħa'. Inċidentalment, lanqas ma kienet l-intenzjoni tiegħi li noħloq xi qasma, xi xiżma fi ħdan il-blogosfera ta' Malta. Imma, għall-argument, inkompli ngħid li t-tendenza li soċjetà tinqasam fi gruppi differenti, ħafna drabi rivali, hija tendenza mifruxa ħafna. Wieħed faċilment jista' jara dan fil-bliet il-kbar barranin fejn jidħol il-futbol ngħidu aħna (Inter-Milan, Lazio-Roma), biex ma nsemmux ħwejjeġ aktar serji.
7) Jista' jkun li kien hemm argumenti oħrajn li issa ħarbuli. (Inċidentalment qiegħed ninnota li qiegħed inqatta' ħafna aktar ħin milli għandi naqra l-bloggijiet, u dalwaqt se jkolli nieħu miżuri ħorox!) Kien hemm kummenti u kummentaturi oħrajn li, għal raġunijiet li jistgħu jobsruhom huma biss, iremettew doża mibegħda u qagħdu jirredikolawni bħalma ilhom jagħmlu. Dawn, li mid-dehra ma jħobbux jisimgħu l-omeliji tal-Ħdud iżda jisimgħuhom xorta waħda, anzi jikkummentaw dwarhom ukoll, niġi altament naqa' u nqum minnhom; huma min huma, għax ironikament, iziku kemm jifilħu imma mbagħad jinħbew wara l-persjani biex jaraw kollox mingħajr ma jidhru.
Kollox sew. Naħseb li dak li ħsibt dwaru tul dawn l-aħħar ftit jiem frixtu hawnhekk. L-għaxra neqsin kwart u m'għandix aptit noqgħod infittex mp3 biex takkumpanja dil-bloggata. Hekk jew hekk, minkejja dan li ktibt, jien aktar għadni naħseb fuq dak li ktibt il-bieraħ, u allura nistgħu nħallu l-Unknown Soldier għaddejja għal ftit ieħor. Iben l-elit (?), l-akkuża u bananu (xi spiji rrappurtaw li dawn ta' l-aħħar dehru jħufu fit-toroq tal-Blata), nittama li dil-bloggata tinżlilkom mielsa bħalma jċarċar ħelu ħelu is-suntan lotion fuq il-ġilda maħruqa bix-xemx Maltija.
Vella, Bombay Sapphire bit-tonic u l-lumi.

6 Comments:

Blogger Mark Vella qal/et...

arani gej!

11:03 am  
Blogger Jacques René Zammit qal/et...

ghogbitni t-twegiba. u avolja ma naqbilx ma kollox niehu gost li ma kellix ragun meta hsibt li qatt ma inti se tirrispondi jew ghallinqas tghid x'tahseb.

haga li ma naqblux zgur hija fl-ghazla ta' xarba tal-juniper berry... jien nippreferi bil-wisq il-Gordon's mill-Bombay Sapphire... de gustibus le?

u bilhaqq... lil Kusturica rajtu live gewwa Lussemburgu... inkredibbli bil-wisq!

7:05 pm  
Blogger Immanuel Mifsud qal/et...

u bilhaqq... lil Kusturica rajtu live gewwa Lussemburgu... inkredibbli bil-wisq!

issa tassew se ngħir għalik!

rigward il-Bombay, għid lil Vella għax hu dejjem jisħaq li l-Bombay l-aħjar.

7:57 pm  
Blogger L-Imżebbel qal/et...

Id-diskors dwar il-mibegħda tal-klassi hu altru minn klixe antikwat u konservattiv ta' l-imgħoddi. Pero lili l-kelma mibgħeda ma togħġobnix. Jiena ippreferi nuża l-kelma taqbida, għalkemm nammetti li tali kelma mhix ħielsa mill-konfrontazzjoni.

Kif ktibt fi bloggata reċenti, il-klassijiet għadhom magħna u s-sistema kapitalista għadha tikxef snienha, x'aktarx iżjed minn qatt qabel. Jekk xi ħadd mingħalih li għax waqa' biċċa ħajt ġo Berlin inbidlet id-dinja, jaqbillu jaħsibha darbtejn!

U kif innota tajjeb Immanuel, ir-reazzjonijiet li qamu għal dik il-bloggata jixhdu li mhux jiena biss għadni noħlom bil-klassijiet. Id-differenza hi li jiena dan ma niddejjaq xejn niddikkjarah. Wisq anqas niddejjaq niddikkjara li jiena xellugi, u mill-estremi wkoll.

Kif kien jgħid Dimech - għajruna li tridu, għax aħna Soċjalisti!

12:44 am  
Blogger l-istordut kroniku qal/et...

Din il-bloggata fiha l-laham xi tmexmex. Fl-opinjoni tieghi timmerita iktar interventi u kummenti milli s'issa iggenerat. Fuq il-kwistjoni tal-elit kwazi intezawriet mill-bloggajja xellugin, leminin u nofsanin. Jien interessawni l-osservazzjonijiet tieghek f'punt 4 rigward il-karattru malti u punt 5 fuq il-hondoq li jezisti fil-ghana malti u l-espressjoni folkloristika. L-osservazzjoni dwar il-filosofu hija instiganti hafna. Fuq il-karattru malti wiehed jista' jwahhal bosta tabelli mieghu, hafna minnhom x'aktarx li kif ghidt int Immanuel jista japplikahom ukoll fuq gnus ohra. L-ohrajn issawru mill-ambjent u l-istorja politika ta' matul iz-zminijiet. pero din ta' l-ahhar hi propju li taghmel id-differenza bejn l-inglizi u l-francizi, it-taljana u l-germanizi u tista' tibqa' sejjer. Ghalhekk il-punt nru 5 tieghek dwar l-utilitarjanizmu u l-prammatizmu x'aktarx huma r-rjieh li dejjem nefqu qawwija fuq ix-xitel tal-espressjoni maltija biex qatt ma halliha tikber sew u trabbi l-gheruq. jien niftakar lil nannti tghanni u l-melodija mhux dejjem kienet bhall-ghana tal-fatt jew tal-ispirtu pront. Irridu niftakru li n-nisa kienu ukoll ghannejja imma x'aktarx li l-kontribut taghhom qatt ma kien rikonoxxut u inkoraggit fl-appert ghad-divertiment tal-poplu. Jekk inharsu lejn it-taqliba kbira li ghadda u ghadu ghaddej minnha l-ilsien malti, propju minhabba l-utilitarjanizmu u l-prammatizmu, nahseb li nistghu inqabblu xi ftit ma' kif intilfu dawn l-ghanjiet partikolari tas-sajjieda u l-bdiewa ecc ecc.

5:58 pm  
Blogger L-Imżebbel qal/et...

Jiena nista' ngħid li sa ċertu punt trabbejt ma' l-għannejja, għax kont midħla ħafna ta' Fredu l-Bamboċċu.

Dak iż-żmien kont ninnota li l-għannejja kienu qegħdin, forsi ma bla jafu, jipprovaw isiru iżjed aċċessibbli u għalhekk ċerti temi li semma Immanuel ġieli kienu jiskartawhom.

Ħaġa oħra li kienet tolqotni kienet li n-nies fis-serati ta' l-għana kienu jieħdu gost iżjed jisimgħu lill-għannejja 'jiħħammallaw' joffendu lil xuxlin bil-familja milli jisimgħuhom jgħannu dwar ħwejjeġ tradizzjonali Maltin.

Imma mhux se nilgħabha tal-qaddis. Nammetti li dawk il-mumenti kienu jdaħħkuni ħafna.

6:52 pm  

Post a Comment

<< Home