mp

13.8.05

blobb (3)

Ritratti

Qabel l-era diġitali il-ġbid tar-ritratti x'aktarx li kellu ċertu gost li llum intilef. Kien hemm ritwal sħiħ li bih kienu jissawru r-ritratti. Dak iż-żmien - qiegħed nalludi għas-70ijiet - ir-ritratti kienu jittieħdu l-aktar f'xi okkażjoni speċjali, ngħidu aħna xi magħmudija, xi festin tal-preċett jew tal-griżma ta' l-isqof u okkażjonijiet oħra simili. X'aktarx li kienu jinġibdu b'xi Kodak instamatic, minn dawk li kien ikollhom bozoz kwadri tal-flash li jduru ma' kull darba li jiddawwar il-film għal ritratt ġdid. Il-films kienu jkunu bojod u suwed, il-kulur daħal aktar tard, bi tnax jew għoxrin ritratt kull film, bl-istrixxi kannella skur tan-negattivi. Min bħali għex ir-Raħal Ġdid, x'aktarx li kien jieħu r-ritratti għall-iżvilupp għand
Agius Photo Studio, fejn l-iżvilupp kien jieħu xi jumejn. Imbagħad, wara jumejn fuq ix-xwiek kont tmur għand Agius u hemm jitfaċċaw quddiemek ir-ritratti, ġeneralment kwadri b'bordura rqiqa rqiqa bajda. Xi ritratti kienu jkunu tajbin, oħra imċaqalqa, oħrajn b'xi ras maqtugħa, oħrajn mudlama jew imdawla żżejjed. Kien ritwal ta' mistennija kbira, li llum bid-digital, intilef u ntesa.

Ritratti (2)

Għal dawn l-aħħar ġimgħat (jekk mhux xhur)
Mikiel Galea bbloggja dwar iż-żgħożija hippy tiegħu u ta' sħabu ta' fuq iċ-ċint. Is-serje kisbet suċċess kbir, kemm ma' dawk tampar Mikiel, kif ukoll ma' dawk ħafna iżgħar li jinsabu mxennqa għal ħajja u sotto kultura li qatt ma rrepetiet ruħha. Minn kummenti li għadda Toni Sant, jidher li dan se jikteb il-memorji tiegħu ta' l-istess epoka. Dan li ġej huwa aperitif għall-memorji ta' Toni:

Time (out)

Kien ritratt pubbliċitarju ta' banda pop bl-isem ta' Time, banda pop li tat kunċert wieħed biss u mbagħad żarmat. Wara l-avventura ta' darba ta' Time, l-ewwel wieħed mix-xellug intefa' jdoqq u jxandar, it-tielet wieħed intefa' jikteb. It-tnejn l-oħra ma nafx x'sar minnhom. Xi snin ilu ġie f'idejja l-poster pubbliċitarju ta' Time, imma tliftu. Forsi llum, fl-era diġitali, l-ewwel wieħed mix-xellug jista' jagħmel scan tal-poster u jibgħathuli bl-email. Tajjeb li ngħidu li dan ir-ritratt inġibed fl-1983 minn Aldo Gatt, li aktar tard mexa triqtu barra minn Malta. Kien l-ewwel ħabib tiegħi li emigra. Illum il-lista ta' ħbieb li emigraw twalet mhux ħażin, fosthom l-ewwel wieħed mix-xellug.

L-Emigranti tal-bozoz tal-flash kwadri

Fl-era tal-kamra tar-ritratti bil-bozoz tal-flash kwadri, l-emigranti kellhom stejjer oħrajn. Jien għext mill-qrib dawn l-istejjer fl-1974, fl-1980 u fl-1981 meta emigraw ħuti lejn down under. Niftakar il-famuża 'kaxxa', b'indirizz ta' xiħadd Melbourne miktub b'żebgħa sewda b'kull ittra daqsiex, il-biki u x-xehir dakinhar filgħodu tat-titjira, l-ajurplan jinqata' mill-art fl-ajurport ta' Ħal-Luqa, u n-niket. Imbagħad l-ewwel telefonata min-naħa l-oħra tad-dinja li nofs il-ħin tagħha kien jintilef fl-ilfiq. Niftakar li min kien jitkellem fuq it-telefown kien jarma jagħjat għax jaħseb li d-distanza bejn it-telfown fl-Awstralja u dak f'Malta kienet tesiġi li tħanġar biex il-leħen jasal żgur. Niftakar it-telefonati mid-djar tal-ġirien għax tal-Lorry għamlulna salib aħmar fl-applikazzjoni għat-telefown u ma ridux jagħtuhulna, u allura l-biki u l-ilfiq u l-għajat kien jitlef kull sens ta' privatezza u diċenza. Imbagħad, xi darba kultant, kien jitfaċċa xi Malti-Ostreljan b'xi qmis iċċangjata, b'xi bermuda, kalzetti twal u sandli, b'xi salib ta' Malta tad-deheb ileqq fuq sidru, ġej minn down unda', jaf lil qaribek, u int iddaħħlu jieħu grokk biex tistaqsih kif inhuma, u flok grokk iniżżillek flixkun whisky sħiħ, u mbagħad titolbu pjaċir iwassallek xi rigal żgħir lil qaribek mitluf hemm isfel, u flok rigal żgħir tispiċċa tgħabbi lil dan il-Malti-Ostreljan b'ruxxmata imbarazz u min jaf kemm jidgħilek minn taħt. U l-famużi casettes: fejn il-familja kollha tinġabar biex tgħaddi messaġġ irrekordjat twil xi għaxar minuti, li kwart minnhom kienu jkunu biki u lfiq: għidlu hello lil Fransi ... għidlu li l-Hibs m'għamlu xej' dis-sena ... għidlu li l-Milan tilfu ma' l-Inter ... għidlu kemm mort tajjeb fl-eżamijiet ... imbagħad jintbagħat kollox bil-posta (bil-baħar) u xi ġimgħat wara jasal cassette ieħor b'risposta: aħna tajbin ta ... toqogħdux tinkwetaw għalina ... Leli ta' maġenbna għadu ħaj? U l-famużi parcels fihom daqs dinja: il-fardal bil-kangaroo għall-mummy, il-qmis iċ-ċelesti bl-istampa tal-koala fuq il-but għad-daddy, it-t shirt bil-boomerang għaż-żgħir. Dak iż-żmien kien fadlilhom biex jitfaċċaw l-emails, l-e-cards u l-Iskype.

X'aktarx

X'aktarx li se nieħu pawsa ta' xi jiem/ġimgħat. Sadattant, kif kien jgħid il-Beatu Ġorġ Preca: ġid lil kulħadd u deni lil ħadd.

Mużika fl-isfond: Tomorrow's Calling, Marianne Faithfull

15 Comments:

Blogger MaltaGirl qal/et...

Fakkartni f'memorja antika ħafna, għalkemm għalija "antik" jgħodd għall-80's mhux għas-70's... ommi kienet tiġborna fis-salott biex nirrekordjaw cassette għan-nanna 'l Awstralja. Kien jkun hemm minn kollox fuq dawk il-cassettes - aħna t-tfal nitkellmu dwar l-iskola, indoqqu l-pjanu għan-nanna, inkantaw xi diski, u nimmaġina ukoll niġġieldu ma' xulxin. Nixtieq li nkun nista' nerġa nisma xi waħda minnhom.

Ħu pjaċir :-)

9:16 am  
Blogger Mark Vella qal/et...

Awguri, Lel !!

(ilhom zmien twil ma jahmlu xej' dis-sens l-HIbs, hux hekk?)

;)

9:31 am  
Blogger Mark Vella qal/et...

Awguri, Lel !!

(ilhom zmien twil ma jaghmlu xej' dis-sens l-HIbs, hux hekk?)

;)

9:31 am  
Anonymous Anonymous qal/et...

Reggajt lura z-zmien Man. Ticcajta niftakarx iz-zmien tal-Lorry (illum tal-monument). Nahseb imma li s-salib li kellek int u hafna ohra ma kienx ahmar imma blu. Min jaf xinhu tieghi illum? Ahdar? Nimmagina! U imbaghad dwar l-emigranti... Niftakar lil zijuwi (Alla jahfirlu) gej bil-video jew bis-Cine)(kien ikun avveniment annwali)u kulhadd ixejjer liz-zijiet ta' l-Awstralja u "ahna ninsabu tajbin etc". Imbaghad ftit wara ninghataw ir-rigali, xi paljazza bl-Opera House jew xi ashtray u jien niftakarni nghid, "Dawn jahsbu li mghandniex paljazzi f'Malta" u "ma jafux li hadd minna ma jpejjep". Insomma Tifhimni zgur Man. Biss xtaqt infakkrek ukoll meta konna naghmlu dawk il-funerali finti magenb il-knisja!!! Tiftakar

4:40 pm  
Blogger Toni Sant qal/et...

Il-memorja tiegħi qed tahdem differenti minn tiegħek naħseb. Ma nafx, għidli int tiftakarx dan li ġej.

Ħeqq, jien niftakar żewġ gigs oħra apparti l-kunċert li semmejt int. L-ewwel wieħed kien party tal-Milied fil-games room il-qadima tal-kulleġġ. U l-ieħor kien ftit wara x'imkien il-Verdala waqt xi serata organizzata għall-benefatturi tal-MSSP jew xi ħaġa hekk.

Dan biex ma nsemmux ir-rehearsals li konna nagħmlu sew fit-teatru ż-żgħir tal-kullegg kif ukoll fl-Awditorju ta' Sant' Agatha. Għal dawk ir-rehearsals ġieli kien ikun hemm aktar nies milli rajt jien drabi oħra waqt kunċerti u gigs ta' gruppi oħra madwar Malta...u anke barra.

Forsi inti qed tgħid kunċert wieħed biss fis-sens ta' xow propja, għax sew ir-rehearsals u anke dawk iż-żewġ gigs li qed insemmi jien mhux propja kunċerti, sintendi.

Interessanti kif m'hemmx ritratti ta' dawk iż-żewġ gigs l-oħra. Tgħid għalhekk insejthom int?

6:24 pm  
Blogger L-Imżebbel qal/et...

Marianne Faithfull... hmmmm, qabbadtni l-aptit niekol xi biċċa Mars! :)

7:07 pm  
Blogger Hsejjes qal/et...

All the best Weli

7:32 pm  
Blogger Immanuel Mifsud qal/et...

Hsejjes, Vella u Toni grazzi hafna.
L-Imzebbel, is-soltu Faithfull mhux ghall-Mars tqabbad il-hajra...imma insomma.
Ton, issa qed iggibni fiha, tassew kien hemm 2 okkazjonijiet ohra imma kont insejthom. Patrick rajtu xi darbtejn xi 3 snin ilu, imma d-drummer anki ismu insejt. Int qatt ergajt rajtu?

10:24 pm  
Blogger Immanuel Mifsud qal/et...

James! kif ahna? Dazgur li niftakarhom il-funerali! :-)

10:26 pm  
Blogger PeachBellini qal/et...

Taf x'qed nghid, sa kwarta ilu kont qed inhossni xiha, u issa le:P

12:09 am  
Blogger Hsejjes qal/et...

This comment has been removed by a blog administrator.

8:35 am  
Blogger L-Imżebbel qal/et...

Ma nafx tafx li bejn Faithfull u l-Mars hemm relazzjoni daqsxejn stramba... Intant, il-ġebel għadhom jitgerbu sewwa, għax skond ma smajt se jagħtuna album ieħor u se jerġgħu jerħulha għat-toroq.

8:44 am  
Blogger Toni Sant qal/et...

Ma' Patrick kont bqajt indoqq anke wara li spiċċajna mit-Time. Kellna grupp jismu Clockwork Wizards, imma qatt ma ħrigna fil-pubbliku u għandi recording ta' rehearsal, pero naħseb Patrick kien ġie tard dak in-nhar. Naħseb li Alex Fenech, li kien idoqq id-drums u l-bass (!) mal-Wizards, għandu recording ta' rehearsal ohra li tinkludi lil Patrick. Wara dak iż-żmien kont narah darba kull tant għax ommu kienet taħdem bħala radio announcer Xandir Malta meta kont naħdem hemm jien. Fl-aħħar ħmistax-il sena ma rajtu qatt aktar, pero riċentament ġeddidna l-kuntatt permezz ta' xi email li nibgħatu lil xulxin kultant. Jidhirli li bis-saħħa tiegħek sar dan l-iskambju tal-emails. Jew qed inħawwad?

Id-drummer kien jismu Ray Caruana. Isem faċli biex tiftakru, le? Naħseb li ġara huwa li inti insejt ismu meta Ray Caruana l-ieħor sar vittma traġika tal-vjolenza politika li konna ngħixu fiha dak iż-żmien. Ray Caruana tagħna kien minn Marsaxlokk. Wara l-aħħar darba li daqqejna flimkien qatt ma rajtu aktar u m'għandix idea x'sar minnu.

2:43 pm  
Blogger Toni Sant qal/et...

La darba din il-bloggata bdiet mir-ritratti allura sew ngħidlek li tal-Clockwork Wizards anke ritratt waqt rehearsal għandi x'imkien Malta...pero la Alex kien fuq il-bass f'dak ir-ritratt naħseb li Patrick ma kienx hemm u Ferry kien diġa beda jdoqq id-drums miegħi.

Dak ir-ritratt u dak ir-recording se jidħlu fil-website tiegħi l-ewwel cans li nsib.

2:49 pm  
Blogger Roderick Mallia qal/et...

Awguri!!

11:28 pm  

Post a Comment

<< Home