mp

3.9.05

Blobb (4)

Katrina
Qattajna ġimgħa nduru t-Toskana. Għal ġimgħa nsejt id-dinja tiegħi - dik ċkejkna u l-oħra kbira - u ntlift intiegħem it-togħma tal-Medjuevu, ir-Rinaxximent u l-Vino Santo Fjorentin. L-unika referenza għas-seklu għoxrin sibtha f'Lucca u fit-Torre di Lago Puccini, imbagħad f'Bologna. Il-bqija nsejt kollox. B'Katrina smajt propju dalgħodu, meta xiħadd kien qed isemmi xiħaġa fuq ix-xarabank minn Bologna għal Venezja.

U tibda taħseb li għandek dmir sagrosant li tkun taf dak kollu li ġara fid-dinja. Suppost tkun ċittadin denju planetarju ... imbagħad illum il-ġurnata li hawn mitt elf sors u strument ta' l-informazzjoni. Minflok, smajt b'ċikka b'dak li ġara, u issa, il-ħdax ta' billejl għadni lanqas naf x'ġara eżatt. Għala ħakimni sens ta' ħtija?


Katrina - Katia
Katia Bertasi kellha 34 meta fit-2 ta' Awwissu 1980 kienet fl-istazzjon ferrovjarju ta'
Bologna - il-Belt il-Ħamra kif inhi magħrufa fost it-Taljani. Flimkien ma' 84 ruħ oħra spiċċat vittma ta' waħda mill-agħar straġi fl-era taċ-ċomb fl-Italja.

F'Bologna, minkejja s-sirġa tax-xemx, għadhom jiftakruha din l-istraġi. Fl-istazzjon ċentali għad hemm it-tifkira: il-lapida bl-ismijiet, l-arloġġ li ħasad il-ħin fl-10,25.

Int u dieħel Bologna, hemm jilqgħuk il-billboards ħomor jgħajtu tad-
DS. Hemm ukoll Via Stalingrad.
L-Eroj ta' Lucca
Ridna mmorru nżuru d-dar fejn twieled u trabba Giacomo Puccini. Mixja qasira mill-Porta San Pietro tieħdok għal Via di Poggio fejn suppost hemm din id-dar li saret mużew Puccinjan. Minflok id-dar, sibna folja triplaj:

Kont naħseb li d-dilettantiżmu, il-kafkafiżmu, u ċ-ċuċiżmu huma kwalitajiet iżolani. Issa kkonfermajt li l-faqar tassew jinsab kullimkien, imqar f'Lucca tal-Maestro.
Fuq it-Torre del Lago Puccini, għal 5 Euro, jeħduk rikba ta' siegħa fuq luzzu u jdawruk ftit mal-Lag ta' Massaciuccoli, fejn il-Maestro minn Lucca kien imur jispara għat-tjur minn fuq l-ispeedboat tiegħu. (Il-Maestro kellu speedboat u erbatax-il karozza.) Idoqqulek tejp bl-istorja tal-lag u informazzjoni interessanti dwar it-tjur u l-ħut tal-lag u mbagħad, għall-bqija tar-rikba, iħalluk tħares lejn l-ilma bil-melodiji l-aktar magħrufa ta' Puccini. Ma stajtx noqgħod nisma' wisq melodiji għax il-kaptan tal-luzzu qagħad jeqred miegħi dwar kemm sejjer ħażin it-turiżmu fit-Toskana. Forsi riedni nitħassru u nħallilu ftit perkaċċi mal-prezz, iżda ta' Malti li jien għidtlu li Malta wkoll għandha kriżi fil-qasam tat-turiżmu u allura l-but mhux daqstant mimli.
La Feltrinelli
Sagħtejn u nofs fil-ħanut ta' Feltrinelli f'Via Cavour, Firenze, waħħluni kont ta' 110,25 Euro. Nittama li ndum ħafna ma nerġa' nersaq 'l hemm.
Mużika fl-isfond: O Mio Babbino Caro, l-arja l-aktar magħrufa mill-opra Gianni Schicchi

3 Comments:

Blogger sharonspiteri qal/et...

Welcome back... and about time too :)

Ejja ħa taħdem ... jien se naħdem fuq is-sens ta' ħtija tieghek forsi ma tafx kif tiżdiedlek xi ftit hahaha

U din tal-blobb x'inhi? Jaqaw mingħalik sibt xi soluzzjoni biex ma toqgħodx tfittex titlu kull darba?

Ppppfffttt!

10:24 am  
Blogger Toni Sant qal/et...

Tnejn mill-bosta punti li messejt f'din il-bloggata għandhom reżonanza personali għalija. Dan għaliex fi Scarborough huwa facli ħafna li tinsa kull dinja oħra, anke jekk m'hemmx għalfejn tmur bogħod wisq biex terga' tmiss magħhom; s'issa f'żewg postijiet oħra biss kont u sibt l-esperjenza simili: Fire Island u Yogaville. L-oħra kienet dwar meta ntbaħt li d-dilettantiżmu, il-kafkafiżmu, u ċ-ċuċiżmu huma kwalitajiet mhux esklussivament iżolani. Fakkartni f'meta skoprejt dan jien ukoll xi 11-il sena ilu fil-ġermanja.

11:00 am  
Blogger Hsejjes qal/et...

This comment has been removed by a blog administrator.

5:25 pm  

Post a Comment

<< Home