mp

21.9.05

Seddqu Talbkom, Qawwu Qalbkom

(B'apoloġija lill-Partit Laburista)
Minħabba li ma mmurx il-mass meetings ta' Lawrence Gonzi se noqgħod fuq ir-rapporti mxandra mill-mezzi tax-xandir. Upbeat bħas-soltu, Gonzi ta messaġġ ċar u skjett lill-poplu Malti: kunu kuraġġużi, il-bidla qiegħda sseħħ.
Tkunux ħnieżer - l-elezzjoni fadlilha sentejn u nofs oħra!
Skond id-di-ve, il-PM appellalna biex ma nkunux egoisti, anzi għandna nkunu paċenzjużi u, aktar minhekk, għandna nkunu lesti nagħmlu s-sagrifiċċji kollha meħtieġa fl-interess nazzjonali. L-injoranza tiegħi qiegħda tgħidli li għandi ninterpreta d-diskors tal-pm Gonzi bħala sejħa biex niskot, biex ma nibqax nikkritika, biex ma nibqax għassa li ma jitnaqqrux id-drittijiet tiegħi. Inkella nkun egoist, ħanżir, moħħni biss biex nara x'nista' nakkwista, x'nista' naqla'. Minflok, donnu li qiegħed jgħidli l-pm Gonzi, għandi nagħlaq ħalqi u nġib l-interess nazzjonali qabel l-interessi personali. Mhux talli hekk, talli qiegħed jgħidli wkoll li sa sentejn u nofs oħra Malta se tinbidel, se tibda taqta' l-ħsad tas-sagrifiċċju. Għala sa sentejn u nofs oħra jafuh biss l-istrateġisti nazzjonalisti. L-injoranza tiegħi tfakkarni li xi sentejn u nofs oħra jkollna elezzjoni ġenerali.
Tittradix lil Pajjiżek - għid 'iva' għall-korsa tal-golf, isa!
Imbagħad, il-pm Gonzi, dejjem skond id-di-ve, tana ċamata, daqqtejn fuq il-patata: Malta trid tiqba' pajjiż kompetittiv; trid, għaldaqstant, tibni żewġ koros tal-golf. L-injoranza tiegħi għadha ma waslitx biex tifhem x'inhi l-konnessjoni bejn il-kompetittivita' tal-pajjiż u t-toqob tal-golf. Forsi sa sentejn u nofs oħra nibda nifhem, imma għalissa għadni lura wisq. Allura, ejja ngħidu li, dawk kollha (u mhumiex ftit) li jopponu l-bini tal-koros tal-golf huma ħnieżer, jaraw biss l-interessi tagħhom, ma jafux x'inhuma l-ħtiġijiet ta' pajjiżhom, u li ħadd ħlief il-gvern nazzjonalista ma jifhem x'inhuma l-bżonnijiet ta' Malta. Wara kollox, anki Platun kien qal li r-Repubblika għandha titmexxa biss mill-illuminati. Il-karfa qiegħda hemm biex tieħu paċenzja. Parentesi dwar il-korsa tal-golf: il-portal nazzjonalista maltarightnow ma jinkludix il-kumment dwar il-korsa tal-golf. Forsi l-ġurnalist tad-di-ve sema' lill-pm jgħid dak li ma qalx, jew il-ġurnalist tal-mrn ma semax kollox. Biss, il-maltarightnow irrappurtat lill-pm li qal li l-gvern qed jaħdem bis-sħiħ favur l-ambjent għax "bil-ħarsien ta' l-ambjent niġbdu l-investiment f'pajjiżna (sic) u nsaħħu wkoll l-industrija importanti tat-turiżmu."
Il-Bidliet (mhux Gonzi-style)
Minkejja l-karattru tiegħi, għadni ma wasaltx biex nemmen li jien kapaċi niddefinixxi liema huma l-bidliet li jrid il-poplu Malti. Biss, għal darb'oħra l-injoranza tiegħi, tissuġġerili ftit bidliet li nittama li għad jaslu u nittama wkoll li ma jdumux:
1) Li ma nibqgħux ngħixu taħt diktati partiġġjani;
2) Li d-drittijiet li bnedmin oħra għandhom fil-kumplament ta' l-Ewropa - id-divorzju perżempju - ma jibqgħux miċħuda lili. Li ma jibqax jeżisti kredu kattoliku li jiddetta l-ħajja ta' min mhux kattoliku, sempliċiment għax twieled Malta u mhux f'wieħed mill-24 pajjiż ieħor tal-UE.
3) Li fil-parlament ikun hemm nies għaqlin, u mhux bilfors rapprżentanti ta' żewġ tribujiet.
4) Li l-awtoritajiet jindunaw - fl-aħħar - li dal-pajjiż għandu kultura, u li jindunaw li qabel kulħadd iridu jkunu huma li jieħdu ħsiebha.
5) Li l-awtoritajiet jammettu li fiżikament sfreġjaw lil dal-pajjiż u li jridu joqogħdu attenti li ma jkomplux jisfrakassawh.
6) Li l-awtoritajiet jindunaw li m'għadniex ngħixu fis-snin tmenin: li għandna moħħ (bħalma kellna dakinhar, wara kollox) u mhux kulħadd lest jibqa' jibla' kollox, jistenna li tasal l-elezzjoni biex forsi tiċċaqlaq xiħaġa. Li jindunaw li t-tokens m'għadniex nemmnu fihom.
7) Fuq kollox li 41 sena wara l-indipendenza, nibdew naħsbu fuq l-indipendenza tal-moħħ.
Mużika fl-isfond: Cream, We're Going Wrong ... bl-ebda innuendo politiku!

1 Comments:

Blogger L-Imżebbel qal/et...

"Please open your eyes
Try to realise
I found out today we're going wrong,
We're going wrong..."


Through the sorrow, all through our splendour
Don't take offence at his innuendo.


:P

2:01 pm  

Post a Comment

<< Home