mp

7.10.05

blob (6)




Fellini
Fl-1953 Fellini dderieġa l-film "I Vitelloni". Miniex espert u lanqas intiż fiċ-ċinematografija, iżda għalija huwa l-akbar film tar-reġista. Alberto Sordi jiżfen ma' ras ta' maskarun fil-ballu tal-karnival, sieħbu jnemmes lil mart l-imgħallem tiegħu qalb stawi tal-madonni u l-qlub ta' Ġesu', u l-aħħar xena tat-tluq mir-raħal tedjanti ta' l-aktar karattru kwiet mill-klikka, huma mumenti ta' poeżija ċinematografika li jibqgħu stampati f'moħħi. Il-film rajtu f'perjodu ta' ħajti meta kont naħlef li għad nirkeb ajruplan u ninqata' minn din l-art darba għal dejjem, l-istess kif għamlu ħuti meta qabżitilhom jew aħjar qabbżuhielhom. Kelli motto bl-endekasillabu dak iż-żmien: Għidli, kif qatt nista' nħobbok, pajjiżi? Kont infantas il-jum tat-tluq u l-jum tad-dħul f'orizzonti kollha blu. Illum għandi 38 sena, u għadni hawn, fuq l-istess blata, u minflok tlaqt saħansitra ġibt lil xiħadd miegħi. Bħall-klikka belha ta' Fellini, fantast sakemm mingħajr naf kif, iddeċidejt li noqgħod.


Il-ħarba fuq il-ħmar
Id-dħul ta' Malta fl-UE fissret, fost ħafna ħwejjeġ oħra, li nfetħu diversi bibien li jwasslu għal mogħdijiet li jagħtu għal artijiet li fl-immaġinarju kollettiv dejjem fissru dak l-orizzont blu mimdud 'l hemmhekk. U ħafna minna telqu: min għax ra l-possibilta' li jagħmel kemxa tajba, min għax tħajjar, min għax xeba' hawnhekk, min għax kien kostrett li jaħrab, min għax ried jikber, min għax ħass li hawn ma setax jieħu nifsijiet fil-fond biżżejjed biex jimla l-pulmun b'kemm għandu bżonn arja. Mill-għar ta' Betlem għall-ftuħ tad-deżert, għall-monumenti piramidali. Il-qtugħ fiżiku, madankollu, ma jidhirx li ġab miegħu wkoll il-qtugħ spiritwali. Illum anki dawk li telqu lejn l-Ewropa (mhux fl-art t'hemm taħt, imma fl-Ewropa) għandhom il-faċilita(jiet) li jżommu l-kuntatt: l-era diġitali fissret li anki l-emigrazzjoni saret differenti minn dik li kienet qabel. Ħafna snin ilu, kienu jitilqu minn Malta l-imsejknin, illum jitilqu l-affluwenti ... hija ħarba aktar intellettwali li ħafna qegħdin jibżgħu li se twassal għal brain drain.


Suwed, suwed kullimkien
Issa skoprejna - propju issa! - li aħna razzisti. Fuq ħajt minnhom taċ-ċimiterju tat-Torok hemm graffiti bl-ispray fosforexxenti Blacks Go Home. U l-blogosfera Maltija, b'inizjattiva ta' bloggejja Maltin "ta' barra" nidiet kampanja ta' bojkottaġġ lil waħda mill-akbar istituzzjonijiet f'Malta talli l-president tagħha għadda rimarki meqjusa razzisti. U l-inkwiet fost uħud mill-Maltin "ta' ġewwa" qed jikber ukoll. Minħabba s-suwed. Mhux dawk tal-ġilda imma dawk tat-tendenzi ideoloġiċi tagħhom. "Imtlejna bis-"suwed" ... f'daqqa waħda."


Fellini (2)
Tletin sena wara Fellini dderieġa "E la Nave Va", parodija, satira krudili kontra d-dinja ta' l-ispettaklu borgiż. Dal-film ukoll jirrakkonta vjaġġ, vjaġġ fuq vapur li ma jasal imkien, vjaġġ funebri. Inċidentalment, anki f'dan il-film jitfaċċaw in-nies fuq id-dgħajjes, il-klandestini Serbi li, wara dibattitu jaħraq, jispiċċaw 'ospitati' fuq il-vapur lussuż. Imma apparti ... Xi bloggej ħalla kumment fuq blogg ieħor (huma wisq biex niftakar eżattament liema) fejn staqsa jekk hux veru li n-nies ta' "barra" humiex daqshekk differenti minna. Jien għandi d-dubji tiegħi, iżda miniex ċert.

Andorra
Ottubru 1988: kont idderiġejt "Andorra" ta' Max Frisch fit-teatru ta' l-Universita'. Fuq livell popolari, dak iż-żmien, kien għadu maħsub li r-razziżmu huwa xiħaġa ta' mkejjen oħra. Id-dramm, meqjus bħala l-akbar xogħol ta' Frisch, jippreżenta sitwazzjoni assurda li min-naħa tagħha tippreżenta teżi dwar l-assurdita' tar-razziżmu. M'għandix dubju li li kellna nerġgħu ntellgħu d-dramm illum, konna nħarsu lilhinn mill-kwistjoni ta' l-anti-semtiżmu u nibdew naħsbu b'termini oħra. Inċidentalment, x'sar minnha dik il-ġgajta kbira atturi li kont ħdimt magħhom dakinhar? Lanqas l-iċken idea.


Kuraġġ
Xiħadd ieħor kiteb li hemm min kellu biżżejjed kuraġġ biex jaqbad ħwejġu u jitlaq 'l hemm. Mill-impressjoni li jagħtuni ċerti bloggati jrid ikollok kuraġġ ikbar tibqa' hawnhekk. Għax ħa ngħiduha kif inhi, Malta fl-2005 sirna narawha bħala: pajjiż b'poplu razzist; pajjiż li daħal fl-Ewropa u għadu jispara l-murtaluni; pajjiż li għadu jilgħaq żokortu; pajjiż tal-pastizzi u l-ħobż biż-żejt; pajjiż li ma jafx iħobb lilu nnifsu; pajjiż li mqar l-Infern ta' Dante huwa aħjar minnu. Jien ukoll inħares lejn il-Blata b'dan il-mod, imma xi kultant nissuspetta li hija xiħaġa komda ħafna, faċli saħansitra, li nirremettu fuq din l-art. Forsi għandi żball.


Forsi
Imbagħad jiġri li tibda tinfixel, għax tintebaħ li l-kelma 'forsi' użajtha ħafna drabi, li għandek sentenzi kuntradittorji, li l-filosofija tiegħek hija waħda tad-dubju u dubjuża. U tibda taħseb li FORSI aħjar ma tgħid xejn, imma forsi li ma tgħid xejn hija soluzzjoni temporanja jew non-soluzzjoni, għax forsi tajjeb li tibqa' titkellem biex forsi moħħok jiċċara u mbagħad, forsi, tkun tista' toħloq stampa f'moħħok li forsi tqarrbek lejn dik li forsi hija r-realta'.

9 Comments:

Blogger noel tanti qal/et...

...u forsi, min jaf, meta tilhaq ir-realta` tinduna li din forsi mhix daqstant importanti; u li forsi l-unika skop taghha kien li tqanqal il-FORSI fik biex tkompli miexi...

1:38 pm  
Blogger Immanuel Mifsud qal/et...

stanju, qed nifhmek imma nixtieq li ma fhimtekx.

fup, ghandek ragun. forsi.

3:34 pm  
Blogger sharonspiteri qal/et...

Mela, two comments... I have many more but I'll restrict myself to two for now because, as usual, I'm rushing!

1. Migration is not a new process. The age of communication might make the ties of the emigrant to the homeland clearer and more obvious but they were always there, in the letters home from Australia (do you remember the blue paper you folded and turned into an envelope with a red, white and blue border to denote Airmail?), the phone calls at Christmas, birthdays, etc, the parcels every time someone you knew (or even someone you didn't) was going to Australia and the return parcels when the visitors (sometimes complete strangers) returned and were badgered for news and descriptions and opinions, the gatherings at nanna's house when a phone call was going to come through so we could all be there for it etc etc etc

2. You may be right about having the courage to stay. But the ones who leave are also brave, in their own way. The Maltese emigrant becomes an immigrant elsewhere and Malta is hardly the only place to look askance at immigrants.

3:36 pm  
Blogger sharonspiteri qal/et...

Guze, I wasn't necessarily talking about myself. Why does it always have to be personal?

4:58 pm  
Blogger dom qal/et...

Hi nice blog ,no idea what the hell you were saying lol ,but come by my blog and leave a Maltese flag ... I'm jealous of my girlfriends one. haha

10:26 am  
Blogger Erezija qal/et...

kumbinazzjoni I Vitelloni ergajt rajtu xi xahar ilu u biddilt l-opinjoni li kelli fuqu dak il-film... verament huwa wiehed mill-aqwa xoghlijiet ta' Fellini

9:04 am  
Blogger L-Imżebbel qal/et...

hmmm... Nippreferi d-Dolce Vita.

6:16 pm  
Blogger L-Ghama qal/et...

U hadd ma kkummenta fuq il-muzika tal-Cream, li sal-lum, inbiddel kemm inbiddel stili ta hsejjes u sinfoniji, nemmen li xorta jibqghu fuq quddiem ghal qawwa u l-energija li kellom fil-melodija. Wara kollox, mhux ta bxej, Cream!!!

Diska li tbezzgahni lili, ittini x'nifhem madankollu. Hajr Imm!

12:00 am  
Blogger L-Imżebbel qal/et...

Jien ikkummentajt dwar il-Cream. Allaħares le!

5:49 pm  

Post a Comment

<< Home