mp

23.4.05

Id-Denfil

Illum qed jiġi ċċelebrat Jum il-Ktieb.

F'attività li saret biex jiġi ċċelebrat dan il-jum, il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea, inkoraġġixxa lit-tfal biex jaqraw u jqisu l-kotba bħala sors ta' għarfien u anke rikreazzjoni.

Jistona ħafna l-aħħar kumment meta wieħed iqis li l-iskejjel primarji ta' l-Istat għadhom jippreżentaw kotba li ħarġu f'nofs is-snin Sebgħin, bi produzzjoni li tfakkrek fil-faqar ta' dak iż-żmien. Għadni niftakar jum fost l-oħrajn, is-surmast ta' l-iskola primarja tal-gvern tar-Raħal Ġdid indirizza lill-istudenti kollha għadhom jittewbu u dan kollu biex, bil-pompa tipika ta' dawk iż-żminijiet, iħabbrilna li l-Papà-Stat Soċjalista kien għoġbu jipprovdilna ktieb bil-Malti ġdid b'ħafna stampi (bojod u suwed) u stejjer sbieħ (nofshom riprodotti mill-Ġabra ta' Ward). Diffiċli tniżżilha iżda veru: l-iskejjel statali għadhom iqassmu (jisilfu) Id-Denfil! U dan minkejja li, skond l-istqarrija tal-missjoni tagħha t-taqsima ta' l-Iżvilupp tal-Kurrikulu fi ħdan il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni hija responsabbli għall-iżvilupp tas-sillabi fis-sezzjonijiet u s-suġġetti kollha, u għall-iżvilupp kontinwu ta' dawn is-sillabi biex jirriflettu sistemi moderni ta' tagħlim. L-istqarrija tkompli tgħid li t-Taqsima ta' l-Iżvilupp tal-Kurrikulu hija wkoll responsabbli li tagħmel għażliet xierqa ta' riżorsi addattati biex jissupplimentaw is-sillabi. Dan kollu qiegħed jintlaħaq permezz ta' kotba bħal Id-Denfil.

Il-Ministru Galea kien irrappurtat li rringrazzja lill-awturi Maltin li jippubblikaw xogħolhom. Interessanti.

Illejla, Inizjamed, se tkun qiegħda tiċċelebra Jum il-Ktieb b'attività fl-Imħażen ta' Caraffa, il-Birgu, imsejħa "Ktieb għall-Ħruq". Nislet mill-kumment li għamel Adrian Grima, l-editur tal-ktieb speċjali li Inizjamed qiegħda tippubblika għal din l-okkażjoni:

Minnu nnifsu, il-ktieb jimraħ f’oqsma ġodda u joħloqhom hu stess, jesplora
perspettivi u realtajiet mhux magħrufa u mhux aċċettati u għaldaqstant jisfida
“s-sewwa magħruf” u l-ordni stabbilit. Ivan Callus jgħid li l-kotba jesprimu
t-tamiet u l-beżgħat tal-bnedmin, u l-ambizzjonijiet bla limiti u l-assurdità
tad-delużjonijiet kbar tagħhom. Il-kotba jlissnu kurżità li ma tistax titrażżan,
u dejjem jesprimu t- tiftix bla waqfien tal-bniedem.

Minħabba f’hekk, il-kotba dejjem ixellfu difrejhom mal-poter politiku, soċjali u
kulturali ta’ komunità, u sikwit jiġi rrifjutati qabel ma jistgħu jiġu
ppubblikati. F’dawn l-aħħar xhur, uħud mix-xogħlijiet li se jinqraw waqt “Ktieb
għall-Ħruq” sabu ruħhom f’din is-sitwazzjoni għax twarrbu minn istituzzjonijiet
u djar tal-pubblikazzjoni mhux minħabba n-nuqqas ta’ kwalità imma minħabba li
jittrattaw temi skomdi b’lingwa letterarja li tipprova tirrifletti dik it-tematika.


18.4.05

Post Scriptum

Forsi jkun ġust nikkoreġi ftit l-aħħar blogg li tellajt ftit tal-minuti ilu:

Ridt ngħid li sirt inħobb naqra wara li ltqajt ma' ktieb miktub minn Lhudi tradott għall-Ingliż, ħassejt lil Mary Rose Mallia tmellisli qalbi b'Għanjiet minn Malta, u ispirajt ruħi għas-sess min-neputija ta' Vanġiela, tixxabbat biex taħsel it-twieqi ta' fuq bil-miniskirt jixxabbat aktar minnha. U naħseb li sirt naf bit-taħwid tad-dinja meta kontra dak li kien jgħid il-Kappillan, u kontra t-talbiet ta' ommi u missieri, kont noqgħod nara Il-Madonna taċ-Ċoqqa, kull nhar ta' Tnejn filgħaxija, u l-malinkonija għallimhieli Rużar qabel m'għallmuhieli ċ-Ċeki u l-Ungeriżi. U l-pastizz li kilt f'Sarajevo ma kienx tajjeb daqs dak tal-Maxims.

Id-Dunkarmjani tas-seklu 21

Hemm poeżija ta' Dun Karm li kulmeta ngħallem ir-Romantiċi naħlef lili nnifsi li naqbiżha mingħajr ma biss inħares lejha. Tgħid xiħaġa hekk:

"... Inħobb fis-sewwa
lill-ġara tagħna, l-omm tal-poeżija,
lil-lsien tagħha li jdoqq mimli bil-ħlewwa,
u 'l ġensha ħili, bieżel, għalenija.

"Inħobb iżjed lill-oħra, illum ta' ġewwa,
li għandha fehma daqs l-azzar qawwija,
li taf tirbaħ u taħfer lill-għedewwa,
sultana ta' qalb kbira u omm għaqlija."

Ma stajtx ma niftakarx f'dil-poeżija meta qrajt l-aħħar blog ta' Feltrinelli , blog li fih jgħid li jaħseb li "li kieku bqajna ma' l-Italja" "forsi konna nkunu aktar awtentiċi, aktar nafu min aħna".

Ikolli nammetti li argumenti bħal dawn, minbarra li jiddiżappuntawni, ifakkruni fil-filo-taljaniżmu ta' Dun Karm li kiteb mal-mitt sena ilu, u f'dawk il-meskini li kienu jemmnu f'Malta bħala l-farka ta' taħt iż-żarbuna; bħal ngħidu aħna xi Fortunato Mizzi, dak li kien imsejjaħ "Padre Della Patria", jew ċertu Oreste Ferdinando Tencajoli (li ż-żmien difnu taħt it-trab) li fl-1932, propju lejliet l-attakki Faxxisti fuq il-Blata, ħareġ ktieb- Poeti Maltesi d'Oggi - f'Ruma (Angelo Signorelli Editore) li fid-daħla tiegħu kiteb:

Pochi sono i paesi - tenuto conto della loro limitata estensione - i
quali possono oggi vantare un movimento letterario cosi' vario ed intenso, come
quello che si avverte a Malta. Mai infatti l'isola ha avuto tanti scrittori,
poeti a prosatori di lingua italiana, quanti ora che ha cominciato a balbettare
l'inglese. Sebbene insidiato da ogni parte con mezzi che vanno dalla incoscienza
degli uni alla disonesta' degli altri, il dolce nostro idioma continua ad
affermarsi con impeto travolgente. Pur tuttavia si parla di sopprimerlo!
Noi vogliamo sperare che il Governo Inglese, nella sua illuminata saggezza, e
nel suo stesso interesse, non vorra' infliggere ai Maltesi - venendo meno a
solenni promesse fatte - l'oltraggio di privarli della loro lingua, alla quale
da secoli si sentono tenacemente attaccati, tanto piu' che della loro lealta'
non ha ragione di dubitare o di temere. Ne guadagnera', come ben dice Enrico
Mizzi, l'amicizia italo-inglese. (pġ 9)


U jkompli:

Questi poeti (...) sono tutti figli genuini di Roma immortale, madre
augusta di civilta'. Essi non hanno voluto perdere i contatti con la letteratura
italiana, e le loro opere ne sono la prova migliore. Hanno partecipato con
cuore fraterno alle nostre gioie ed ai nostri dolori, e dell'Italia hanno
celebrato in versi ammirevoli le incomparibili bellezze. (pġ 10)


U jikkonkludi:

Le loro analisi non hanno artificiose sottigliezze psicologiche, ma un
innato senso di armonia che conforta, pregio inestimabile della razza latina
dalla quale discendono e che la dominazione araba sulla loro isola non puo'
infirmare.(pġ 11)



Fost il-famużi kittieba 'Maltin' li xogħolhom hu ppubblikat f'din il-ġabra hemm ċertu Luigi Billion li Tencajoli ħa ħsieb jinnota li fil-poeżija tiegħu "La Croce al Colosseo" jagħmel "un simpatico accenno a Benito Mussolini - 'Duce benedetto degli itali destini'". Hemm ukoll ċertu Giuseppe Mizzi, li fil-poeżija tiegħu "Alla Bandiera Maltese: 8 Settembre 1565" jikteb: Baciata dal dolore, ma non doma/o dolce mia bandiera/santa nel nome della Santa Roma. L-aktar poeta avangwardist, iżda, hu ċertu Luigi Arnaldo Randon, deskritt bħala "ardente nazionalista, soldato d'avanguardia da molti anni combatte lotte dure ed accanite per la coltura italiana a Malta, insidiata da immemori e da indotti." Dan Randon, 'kittieb' ieħor midfun taħt it-trab, kien ikkwotat jgħid: "L'italiano e' da tempo immemorabile la lingua della nostra legislazione, dei nostri archivi, di tutti gli atti pubblici, del clero, in una parola la lingua della ostra vita civile, e ad essa siamo debitori della ostra individualita' nazionale a traverso i secoli. Abbiamo non solamete il dovere ma l'obbligo di mantenerla e di tramandarla ai nostri figli e nipoti." Arnald(in)o kiteb poeżija mill-isbaħ jisimha "Bandiera Rossa", iddedikata lill-"pseudo cattolici romani nel governo di Strickland". Tgħid xiħaġa hekk:

Questa bandiera d'un ebreo dannato,
per cui tant'odio e pianto al monde c'e',
qui dove Paolo nostro ha predicato,
qui dove Cristo solo e' nostro re ...,

Insomma jkompli jikeb imma qiegħed isirli l-ħin. U terġa' u tgħid ma narax għax għandi naħli ħini ma' nies li ħadd ma jaf bihom wara kollox.


X'ħasra li fis-seklu 21 qed jerġa' jitfaċċa Dunkarmjaniżmu retro li jien kont ħsibt li ilu li sparixxa. Forsi mort żmerċ għax jien sirt inħobb naqra wara li ltqajt ma' ktieb miktub minn Lhudi tradott għall-Ingliż, rajt lill-Pink Floyd ħirġin minn Liverpool u ħassejthom imellsuli qalbi b'xi "See Emily Play", u ispirajt ruħi għas-sess min-neputija ta' Vanġiela, tixxabbat biex taħsel it-twieqi ta' fuq bil-miniskirt jixxabbat aktar minnha. U forsi mort żball ukoll għax sirt naf bit-taħwid tad-dinja minn kittieb Irlandiż li ħarab lejn l-Italja u mbagħad lejn Franza u minn Irlandiż ieħor li ħarab ukoll lejn Pariġi; u sirt naf x'inhi malinkonija meta qrajt il-kittieba Ċeki u Ungeriżi, u minflok ħassejt is-sodisfazzjon meta kilt l-ewwel aranċina f'rokna mġiddma f'Catania, ħassejt sodisfazzjon ikbar meta kilt pastizz tal-piżelli f'Sarajevo.

Min jaf ...

15.4.05

KM


dalwaqt! Posted by Hello

KM, il-ġabra tiegħi ta' poeżiji tal-vjaġġ, se joħroġ f'nofs Mejju. Aktar dettalji fil-futur mhux imbiegħed.

Sadattant, il-ktieb l-ieħor, jiġifieri dak li bbloggjaw dwaru Toni Sant u Feltrinelli, se joħroġ ukoll u ħafna iktar malajr milli kont qiegħed nimmaġina.

Ħajr lil dawk kollha li qagħdu jistennew bil-paċenzja kollha!

Minħabba l-MTV?

1979: erbat itfal fi skola tal-Knisja, libsin il-blazer u l-ingravata, kellhom ħabib jgħidulu l-Pizu. Fil-brejk kienu jħobbu jaqbdu miegħu. Darba daħħlulu rasu fit-toilet u fflaxxjaw. Daħqu waħda ta' l-ostra. Il-Pizu, għax fidil, daħaq magħhom. Xiħadd irrappurtahom u r-Rettur ta' l-iskola skludihom għal ġimgħa.
Fl-1979 l-MTV kien għad fadallu sentejn biex jibda jxandar. U l-programm High School Stories: Scandals, Pranks and Controversies kien għadu ma nħolomx.
1981: jibda jxandar l-MTV. F'Malta ħadd ma kien għadu sema' bih. Sadattant, sitt itfal jaqbdu qattus, iġorruh lejn l-Għalqa tal-Bażuż, idendluh ma' l-unika siġra tal-ħarrub li kien hemm u jagħtuh in-nar.
1991: l-ewwel maratona ta' ċerimonji ta' gradwazzjoni fl-Università ta' Malta. Waqt it-tieni ċerimonja - dik ta' studenti bil-Baċellerat fl-Edukazzjoni - il-gradwati sfidaw it-theddid kontinwu tar-Rettur u telqu skoss għasafar jiġġennu fit-teatru. Wieħed minnhom, forsi b'vendikazzjoni, isorġi fuq l-ispalla xellugija tar-Rettur in full regalia.
Fl-1981 dawn it-tfal mhux żgur kienu qatt semgħu bil-kelma kompjuter aħseb u ara kemm setgħu jqallbu l-paġni skuri ta' l-internet. Fl-1991 bdew jinstemgħu l-ewwel karbiet għad-drittijiet ta' l-annimali imma x'aktarx li Animal Cops kien għadu ma wasalx fis-salotti Maltin.
Biex ma mmorrux aktar lura fis-snin, anzi fis-sekli ... pereżempju Pierre Rivier li qatel 'l ommu, 'l oħtu u 'l ħuh bl-aktar mod atroċi ... mingħajr ma kien jara l-MTV jew il-Crime Night fuq id-Discovery.
2005: tlitt itfal jorbtu lil seħibhom bi bżonnijiet speċjali ma' siġġu u joqogħdu jaħarqulu partijiet minn ġismu ġo każin Laburista. U dlonk kien hawn min ħaseb li l-ħażen beda minħabba l-MTV. U kien hemm min qal li s-soċjetà, dan l-aħħar, tilfet il-valuri...l-aktar it-tfal.

5.4.05

Meta jmut Papa

Mhux biħsiebni nitkellem dwar il-mewt ta' Wojtyla għas-sempliċi raġuni li jekk tiftaħ it-televixin ta' l-istat Taljan ma tarax ħlief servizzi dwaru u naturalment l-istess fuq it-televixins Maltin (dawk dejjem jikkupjaw hekk jew hekk). Anki l-internet infaqa' b'weblogs, artikli u x'naf jien dwar il-mewt tal-Papa Pollakk.
Li jinteressani hu kif xi persunaġġi illustri ħadu ego-boost papali minn fuq il-Papa. Il-President ta' Malta Edward Fenech Adami, mistieden fuq programm monotonu fuq il-PBS il-Ħadd wara nofsinhar, qagħad jirrakkonta kemm hu u l-familjari tiegħu ħadu ritratti mal-Papa. Qal ukoll li darba Wojtyla qallu li hu (EFA) kien dak il-lajk li tah l-akbar kumpliment f'ħajtu meta kkummentalu dwar waħda mill-enċikliki tiegħu. Qal ukoll li f'waħda mid-diversi laqgħat tiegħu mal-Papa kien stiednu jiġi Malta għax għalkemm il-Maltin jiftaħru b'elfejn sena ta' Kristjaneżmu (u dan storikament huwa żball oħxon) l-ebda Papa ma kien żaru. Skond il-President ta' Malta dakinhar Wojtyla ma kkommettiex ruħu iżda siegħa wara kien qed jisma' r-Radju tal-Vatikan u tħabbar li l-Papa kien se jżur Malta! Min ra dal-programm ma setax ma jinnutax kif il-President tar-Repubblika, waqt ir-risposti tiegħu, injora għal kollox lill-preżetatur, qagħad iħares fiss lejn il-kamera, u minflok wieġeb il-mistoqsijiet għamel intervent li fit-ton tiegħu kien ifakkar fil-massmeetings ta' fuq il-fosos. Interessanti wkoll kif waqt din l-intervista, il-President qagħad jagħmel analiżi semjotika tar-ritratti personali tiegħu mal-Papa u kontinwament qagħad jikkummenta dwar il-fatt li meta kellmu l-Papa kien qed iħares dritt f'għajnejh: "ara dar-ritratt - il-Papa qed iħares dritt f'għajnejja", "anki f'dan ir-ritratt il-Papa m'hu qed iħares imkien ħlief f'għajnejja" ....
L-istess pompożità addottaha l-President Emeritu Gwido de Marco. De Marco rrakkonta diversi anedotti li ġraw waqt "id-diversi laqgħat" li kellu mal-Papa, kemm bħala President tar-Repubblika kif ukoll bħala President tal-Ġnus Magħquda. Ħa gost ħafna jirrakkonta każ li, grazzi għalih (għal De Marco jiġifieri) qassis li kien ilu 30 sena l-ħabs fl-Albanija, inħeles. Din, skond kif irrakkonta de Marco, kienet missjoni fdata f'idejh minn ħadd ħlief Karol Wojtyla. U l-missjoni rnexxiet. Viva de Marco.
Imbagħad hemm l-istqarrijiet li ħarġu mal-mewt ta' Wojtyla. Il-Partit Nazzjonalista, li ilu jiggverna lil Malta għal snin twal, ikkummenta dwar l-insistenza tal-Papa defunt fuq il-ġustizzja soċjali, fuq "l-obbligu tal-Gvernijiet li jwettqu ġustizzja mal-popli tagħhom" u fuq "l-obbligu li (l-gverijiet) jassiguraw it-tqassim xieraq tal-ġid komuni." Filwaqt li fakkret l-anti-komuniżmu tal-Papa Pollakk, l-istqarrija Nazzjonalista nsiet il-messaġġi anti-konsumiżmu ta' l-istess Papa.