mp

28.5.05

Iġsma Iħirsa

Żewġ stejjer mislutin mill-BBC Online li jirrigwardaw l-iġsma.

1) 64 katavru se jiġu ttrasferiti minn Belgrad lejn Kosova. Dawn il-katavri xi darba kienu l-iġsma ta' Kosovari ċivili li x'aktarx li nqatlu minn forzi tas-sigurtà Serbi fil-gwerra bejn is-Serbja ta' Milosevic u l-Kosova. Min qatilhom difinhom malajr malajr f'sit li jservi ta' post għat-taħriġ għall-pulizija. F'Kosova, dawn il-katavri se jitpoġġew f'kamra mortwarja flimkien ma' mijiet ta' iġsma oħra li għadhom qegħdin jistennew biex jiġu identifikati. Il-gwerra bejn is-Serbja u l-Kosova - l-aħħar att assurd fl-epilogu tal-Jugoslavja - intemmet fl-1999. Hu mifhum li jistennew il-wasla tal-katavri se jkun hemm mijiet ta' Albaniżi entniċi li l-qrabat tagħhom kienu ċċertifikati "mitlufin". Biex inkunu għidna kollox, 37 katavru Serb dan l-aħħar instabu f'żewġ midfna massivi fil-Kosova. Nippreżumi li dawn se jieħdu r-rotta kuntrarja lejn Belgrad.

2) Fil-Belġju għaddejja ħidma biex jiġi identifikat katavru misjub f'Passchendaele, fejn fil-31 ta' Lulju 1917 bdiet battalja indemonjata li damet sejra għal xi erba' xhur. Jingħad li kien hemm baħar ta' tajn li wassal biex mietu nofs miljun ruħ, milquta bil-balal jew mgħarrqa fl-art. Oġġetti misjuba fuq il-katavru jissuġġerixxu li xi darba dan kien il-ġisem ta' uffiċċjal għoli. Il-katavru nstab f'kundizzjoni ippriservata, mitluq fuq ġenb ġo toqba, liebes apparat għal kontra l-gass.


Iġsma Iħirsa
Immaġinak tqum filgħodu, tidħol tinħasel, tilbes, taqbad il-karozza u ssuq lejn bini kbir; tidħol ġewwa, tagħti ismek u ssib mijiet ta' katavri sporġuti wieħed ħdejn l-ieħor. Immaġinak miexi bilmod b'għajnejk fissi jistudjaw il-fattizzi bojod fil-blu fuq kull wiċċ mejjet biex tara tilmaħx 'l ibnek, 'il missierek, 'il ħuk jew 'l oħtok li ilek ma tara mill-1999.

Immaġinak bilqiegħda fil-kċina taqra l-gazzetta ħa tara l-aħħar aħbarijiet minn fuq il-front. Immaġinak taqra l-istess gazzetta b'titli kbar u b'tipa ħoxna tħabbarlek li l-gwerra spiċċat u sadattant il-Maestà Tiegħu jibgħatlek messaġġ miktub u ffirmat b'idejh stess biex isabbrek wara li tawk l-aħbar li ibnek, ħuk jew missierek spiċċa "missing in action". U tgħix ħajtek tistenna li xi darba jitfaċċa quddiemek imqar imbiċċer. U tibqa' tixgħel xemgħa kull nhar jum twelidu. U tixjieħ imbagħad u tibqa' tqaddes it-tifkira tiegħu. U mbagħad, disgħin sena wara li tkun qrajt l-aħbar ta' tmiem il-gwerra, snin wara li jkunu difnuk wara attakk f'qalbek, xiħadd isib lil dak li tkun qattajt ħajtek tistenna, u lanqas jidentifikawh ma jkunu jistgħu.


L-Iħirsa
Tibda taħseb li l-gwerra ntemmet. Tibda taħseb li dawn huma dati mniżżla fuq il-kotba ta' l-iskola biex tistudjahom għall-eżami. Tibda taħseb li darba kien hemm art jisimha Jugoslavja li mbagħad demm uliedha nħall u tqatlu f'xulxin u ... ħeqq m'hemmx x'tagħmel: kull bidu għandu tmiem, anki l-Jugoslavja. Iġġieldu, qatlu 'l xulxin imma issa għadda kollox.

U jgħaddu s-snin u tinduna, xi darba, li l-iħirsa tal-gwerra għadhom iħufu. Jaqbżu 'l barra mill-paragrafi stampati fil-kotba, jaqbżu 'l barra minn xi midfna moħbija, u jerġgħu jibdew iduru miegħek, mal-memorja.

U dak li mingħalik kien ta' darba waħda, ta' darba waħda ilu ħafna, issibu hemm iħares lejk, jistenniek tinfaqa' tibki.

Chi l'ha visto?



IMFITTEX: MEJJET JEW ĦAJ
JEKK XIĦADD RA LIL DAN IS-SIEĦEB MITLUB
JIRRAPPORTA MINNUFIH

Tabellina



Sinjuri,

dan huwa l-ġurnal diġitali li Sharon tkellmet dwaru fil-blog tagħha. Ftit li xejn hemm xi nżid ma' dak li kitbet hi, ħlief li nixtieq inġedded l-appell biex dawk li huma interessati jissottomettu artikli jistgħu jaqbdu u jagħmlu dan billi jibagħtu email.

Ħafna minna ilna nilmentaw li l-media f'Malta hija kkontrollata minn forzi qawwija u li l-ġurnalisti, minħabba li huma impjegati minn dawn il-forzi, m'għandhomx il-libertà li wieħed jistenna li jkollhom. Ħafna minna ilna nilmentaw li l-gazzetti Maltin, fil-maġġoranza tagħhom, huma portavuċi miskina tal-ministri, tad-deputati, jew ta' l-Arċisqof u xejn iktar. Issa twieldet din l-opportunità.

Dak li qiegħed jiġri fil-blogosfera Maltija huwa interessanti, tant li reċentament qiegħed jiġbed l-attenzjoni tal-media f'Malta. Madankollu hemm il-fehma li dan mhuwiex biżżejjed. Uħud minna li qegħdin jibbloggjaw iħossu li jagħmlu hekk minħabba li m'għandhomx spazji oħrajn jew forsi għax l-ispazji li jridu jew li jinħtieġu ma jeżistux.

Tabellina għandha l-għan primarju li toffri dan l-ispazju. Issa jonqos biss li int tingħaqad ma' oħrajn u tikkontribwixxi.

27.5.05

Briffa


Ruzar Briffa
Ħmistax-il sena ilu kont ipproduċejt preżentazzjoni teatrali b'kolax ta' poeżiji ta' Ruzar Briffa fil-kappella dekonsagrata ta' Tignè, fejn dak iż-żmien kont naħdem it-teatru mal-kumpanija Teatru tal-Għomja. Kont qattajt ix-xhur naħdem fuq il-poeżiji ta' Briffa, infettaq fihom, nixtarrhom sakemm bdejt nifforma xbieha ta' dal-bniedem li minn dejjem kien isaħħarni warajh - bħala poeta u bħala bniedem. Niftakarni kont mort nieħu permess mingħand is-Sinjura Louisette Briffa, it-tieni mara tiegħu, li kienet esprimiet ferħ kbir li xiħadd kien se jqajjem lil żewġha mill-mewt u jtellgħu fuq palk. Konna qgħadna bilqiegħa fis-salott ta' l-appartament fil-Blokk ta' Vincenti fejn is-Sinjura Louisette kienet tgħix ma' l-idolu, fi Triq id-Dejqa, il-Belt, u qgħadt nispjegalha x'ridna nagħmlu u fuq kollox għaliex. Kont intbaħt li għall-ewwel is-Sinjura Louisette kienet qiegħda tħares lejja b'dik il-ħarsa suspettuża. Ngħiduha kif inhi, li f'daqqa waħda jitfaċċa quddiemek ġuvni ta' 22, b'xagħru twil u mħabbel, b'leħja ta' xi ħmistax u b'jeans x'aktarx imraqqa' f'era fejn kont tisma' b'diversi każi jixbhu lil Clockwork Orange, ma tantx tista' ma tagħtix ħars suspettuż. Iżda wara ftit irbaħt is-simpatija tagħha u għal xi siegħa u iktar qagħdet tirrakkontali l-isbaħ anedotti dwar żewġha li kont nafhom kważi kollha imma tismagħhom isbaħ meta tirrakkuntahomlok propju hi. Lejn tmiem il-laqgħa tagħna staqsietni jekk kinitx obbligata xiħaġa u għidtilha li l-unika obbligazzjoni li kont se nitlobha kienet li turini l-manuskritti tiegħu.
Imbagħad seħħet xiħaġa li għadha tikkommovini sal-lum: is-Sinura Louisette tidħol f'kamra oħra u wara ftit tirritorna b'borża kbira tal-plastik mimlija boroż żgħar, pakketti tas-sigaretti miftuħin, u biċċiet oħra - il-manuskritti ta' Ruzar; tagħtini l-borża f'idejja u nibda nirtogħod, naqbad il-bċejjeċ waħda waħda u mmisshom, u naqra fuqhom il-poeżiji li tant kont innamrajt magħhom. Niftakarha tgħidli: "Ma nafx x'se nagħmel bihom. Minn banda nixtieq nagħtihom lil xi librerija jew il-Bibljoteka, minn banda dawn huma Rosar tiegħi li għadu miegħi u ma rridx ninfired minnhom." Mitluf inħares u nqalleb il-borża nisma' lis-Sinjura Louisette tgħidli li se tmur iġġib il-borża l-oħra. Insib ruħi waħdi fis-salott flimkien mal-manuskritti ta' Ruzar u f'daqqa u l-ħin tiġini tentazzjoni enormi li naqbad pakkett tas-sigaretti b'poeżija mħarbxa minn Ruzar u nitfagħha fil-but tal-ġakketta. Imma l-anġlu kustodju dak iż-żmien kellu leħnu jgħajjat ħafna u poġġejt kollox lura. Tirritorna s-Sinjura Louisette b'borża oħra mimlija biċċiet tal-karti.
Niftakar ukoll li kif qomt minn fuq is-sufan jaqagħli l-pakkett Dunhill Gold li kont inpejjep dak iż-żmien u s-Sinjura Louisette, bl-isbaħ ton matronizzanti qaltli biex ma npejjipx għax " jiġrilek bħal Rosar, miskin". U ħriġt 'il barra kommoss kważi bid-dmugħ f'għajnejja.
Ikolli nammetti li llum għandi dispjaċir kbir ĦAFNA li t-tentazzjoni m'għelbitnix. Naf li mhux sew imma dak li nħoss.
Dakinhar ta' l-ewwel rappreżentazzjoni ta' "Ruzar" is-Sinjura Louisette Briffa ġiet ma' xi qraba jew ħbieb tagħha. Fl-udjenza kien hemm huma biss u l-poeta l-kbir l-ieħor li welldet dil-Blata - Victor Fenech. Victor kien ġie apposta biex jikteb apprezzament fuq is-Sunday Times. Dakinhar stess filgħaxija, is-Sibt, Victor baqa' sejjer it-Times biex il-kumment tiegħu jidher l-għada (flok il-ġimgħa ta' wara) ħalli jħajjar lin-nies jiġu jaraw ir-rappreżentazzjoni. Kienet l-ewwel darba li ltqajt ma' Victor Fenech u dik il-laqgħa ma ninsieha qatt lanqas. Wara r-rappreżentazzjoni ġiet fuqi s-Sinjura Louisette tibki u tirringrazzjani. Qatt m'erġajt rajtha u llum ma nafx għadhiex ħajja.
Dan kollu reġa' deher fuq il-liżar tal-memorji għax għal raġunijiet differenti ħafna rġajt sibt ruħi nistudja l-kitbiet ta' Briffa. Anki jekk illum, minħabba l-esperjenza u ż-żmien, il-ħarsa tiegħi lejn Ruzar saret aktar kritika, jibqa' jsaħħarni: il-bniedem kronikament malinkoniku, fatalista u umli; il-bniedem mistħi li iżda jaf li hu poeta u artist; ir-Romantiku li kiser ir-regoli tar-Romantiċiżmu; il-ħabbar ta' dak kollu li kellu jseħħ warajh.
Imm'aħna ma mmutux
Għax Immortali:
Tiqba' warajna l-għanja
Li tfittex l-Ideali -
Il-ġemgħa nies
Li ħolmu
Bħalek, bħali.

25.5.05

In-Nies tal-Bloggs

Irċevejt email mingħand ġurnalista tal-Malta Independent li talbitni ngħaddni kumment dwar il-blogosfera Maltija. Din kienet it-tieni stedina f'ġimagħtejn biex nikkummenta dwar dan. Mid-dehra l-media Maltija ntebħet b'dan il-fenomenu 'riċenti' u interessat ruħha fih. Bilfors, meta tqis li l-gazzetti Maltin huma biss ippreokkupati b'dak li jgħid il-ministru u bil-libsa ta' Chiara.

Fl-email li rċevejt dalgħodu l-ġurnalista talbitni nikkummenta dwar ir-rivoluzzjoni tal-bloggs. Insomma, biex inkun onest ma nqisx il-blogosfera Maltija xi rivoluzzjoni, anki għaliex nemmen li dat-terminu ġie abbużat u ntużat bl-addoċċ. Minnu li, bħalma kkummentajt darba oħra (skużawni imma m'għandix aptit noqgħod infittex il-link) l-ibbloggjar jagħtik ċerta libertà ta' l-espressjoni mingħajr il-biża' li tispiċċa ċċensurat. Għallinqas sa issa, għax tajjeb li wieħed jibqa' jżomm f'moħħu l-każ riċenti tal-bloggejja mill-Baħrejn.

Kif naraha jien, it-tfaqqis ta' bloggs Maltin huwa aktar xhieda ta' moda milli rivoluzzjoni. Saret moda li jkollok blogg. Ma nara xejn ħażin li timxi ma' moda, tant hu hekk li jien ili nżomm dal-blogg kważi sentejn issa, anki għaliex l-istampa Maltija hija kkontrollata mill-partiti politiċi, mill-Knisja u minn xi istituzzjonijiet konservattivi ħafna. U jkolli ngħid li l-possibilità li din is-sitwazzjoni tinbidel hija remota ħafna. Għal dawk li jridu jiktbu bil-Malti s-sitwazzjoni hija ħafna agħar. U allura huwa minnu li l-ibbloggjar ta l-opportunità lil ħafna li jħarbxu dak li jiġihom f'moħħhom, ħsibijiet li x'aktarx mingħajr il-bloggs qatt ma kienu joħorġu fid-deher.

Iżda fl-aħħar mill-aħħar, l-ibbloggjar jibqa' inizjattiva personali li tagħmilha meta, jekk u kif ikollok aptit. M'hemmx dixxiplina f'din is-sistema. Minkejja l-libertà li l-blogg jagħtini, xorta nħoss il-ħtieġa ta' spazju (stampat jew diġitali) fejn titressaq alternattiva kollettiva.

Naf li bħalissa hawn min qiegħed jagħti l-aħħar irtokki lil pubblikazzjoni ta' dan it-tip. Nittama li din l-inizjattiva ma ddumx ma titnieda.

20.5.05

<...>

16.5.05

Ir-Raġel tal-Pjanu


Ir-Raġel tal-Pjanu
Waqt li kont qiegħed naqra l-aħħar rapporti dwar il-kriżi vjolenti fl-Uzbekistan iltqajt ma' din l-istorja ta' ġuvni bejn l-għoxrin u t-tletin sena li nstab jiġġerra mifxul ħdejn xatt il-baħar fil-gżira ta' Sheppey, f'Kent, liebes libsa skura u jġorr folder tal-plastik b'xi partituri fih. Il-ġuvni ma riedx jitkellem u ttieħed fi sptar fejn b'ċikka nstab li l-uniku mezz ta' komunikazzjoni li l-ġuvni ried juża kien id-daqq malinkoniku fuq il-pjanu. S'issa ħadd għadu ma jaf min hu dan il-ġuvni u lanqas minn fejn ġie; wisq inqas ma jafu l-istorja tiegħu. Imma l-istaff fl-isptar psikjatriku fejn issa ttieħed huma tal-fehma li dan il-ġuvni għadda minn xi esperjenza kerha ħafna li tefgħetu fi stat ta' xokk amnesijaku.
L-istorja tar-Raġel tal-Pjanu kienet tipprovdi plott sublimi għal Oliver Friggieri, li l-ġabra tiegħu Stejjer għal Qabel Jidlam hija mimlija b'karattri malinkoniċi bi stejjer ta' qsim il-qalb. Niftakarni naqra dawn in-novelli tal-biki meta fis-snin sebgħin kienu sserjalizzati fis-Sagħtar. Irrid ngħid li l-istorja tar-Raġel tal-Pjanu toqgħod perfettament għal xi plot ta' ktieb jew film. Ma stajtx ma niftakarx f'xi film ta' Chaplin, tneħħi l-mumenti komiċi.
Ir-Raġel tal-Pjanu fakkarni wkoll f'raġel li kont iltqajt miegħu meta ta' sbatax-il sena kont mort nagħmel xogħol volontarju mas-Sorijiet tal-Karità li kienu jmexxu dar f'Vicolo dei Panettieri (fil-qalba taċ-ċentru ikrah ta' Napli) fejn kienu jintlaqgħu nies b'mard fiżiku u/jew mentali li ma kellhomx saqaf: skiżofreniċi, iddraggjati, ex-prostituti jbatu mis-sifilli fl-aħħar stadju tagħha, u pazjenti oħra b'każi bħal dawn. Wieħed mir-residenti kien raġel mibni u dejjem żmattat li għalkemm kellu xi ftit 'il fuq mit-tletin kellu l-bixra ta' xiħadd fuq is-sittin. Dar-raġel qatt ma kien jgħid kelma u kien iqatta' ħinu jpejjep sigaretti rħas li kienu jagħtuh l-oħrajn u l-aktar l-aktar jgħin lis-sorijiet itellgħu l-borom kbar tas-soppa fir-refettorju. Sirt naf l-istorja tiegħu mingħand wieħed mill-voluntiera. Dar-raġel mibni, darba waħda, kien vjolinist prim li minbarra li jagħti l-kunċerti kien ukoll jgħallem f'konservatorju Taljan. Darba ntilef wara studenta li allegat li l-vjolinist kien taha fastidju sesswali, u b'hekk tħammġet ir-reputazzjoni tiegħu. U l-virtuoso siket. Tul iż-żmien li kont naħdem f'dak il-bini kont nipprova nistħajjel kif kien jirreaġixxi kieku xi darba, xiħadd, qabad idoqq il-vjolin.
L-istorja tar-Raġel tal-Pjanu qanqlet fija memorji qodma ta' dawk 'in-nies koroh' li kont iltqajt magħhom f'Napli. Ħa nirrakkonta storja oħra ta' raġel li wkoll kont iltqajt miegħu fl-istess bini. Gradwat mill-università kien sab impjieg f'llibrerija. Il-kotba kien jadurahom. Minħabba li ma kellux ħajja soċjali kien jintefa' jaqra u darba ħalef li jaqra l-kotba kollha li kien hemm miġbura fil-librerija fejn kien jaħdem. Aktar tard beda jħobb u żżewweġ tfajla li kienet ħandikappata fiżikament u xi ftit mentalment ukoll, li ma kellhiex familja. Għexu flimkien għal numru ta' snin iżda l-ġirien kienu jgħadduhom biż-żmien. Ir-raġel ma felaħx aktar u tilef rasu u kull sens ta' realtà. Meta ltqajt miegħu f'Napli, l-ex-librar kien iqatta' l-ġranet fil-bitħa jirreċita bl-amment l-Infern ta' Dante.

14.5.05

Poter lill-Poplu

Bilkemm għandi idea fejn jaħbat l-Uzbekistan iżda l-avvenimenti mdemmija ta' dawn l-aħħar jumejn ma ħallewnix bi kwieti. Meta l-poplu jinżel fit-triqat biex jipportesta kontra t-tmexxija tal-gvern tiegħu stess sinjal li hemm problemi serjissmi. Bħalma hu l-każ ta' l-Uzbekistan.

Li ma nistax nifhem hu li l-poplu ħareġ jipprotesta fit-toroq minħabba li qiegħed imut bil-ġuħ, u sadattant dan il-pajjiż mimli riżorsi naturali. Dan sempliċiment ma nistax nifhmu.

M'għandniex xi ngħidu, reġim li għandu reputazzjoni mad-dinja kollha għat-tmexxija despotika tiegħu ma jistax jonqos li jitfa' 'l-poplu tiegħu f'morsa. U b'hekk isseħħ il-vjolenza, it-tixrid tad-demm u l-qtil.

Kontra qalbi jkolli nammetti li stejjer bħal din iġegħluni nirrevedi l-filosofija tiegħi tan-non-vjolenza.

5.5.05

Feed your head, feed your head

Jefferson Airplane 1967

Fit-2 ta' Mejju, www.jeffersonairplane.com ħabbret il-ħruġ ta' cd doppju Essential Jefferson Airplane - 32 diska ta' dan il-mit tal-mużika psikadelika. Il-bieraħ, waqt li kont qed nistenna l-ħin jgħaddi qabel dhert il-Qorti (qlajt ċitazzjoni mingħand gwardjan lokali! ... affarijiet li jiġru dawn) xtrajt din is-cd mingħand l-exotique.

Sfortunatament bħalissa m'għandix il-ħin li nintefa' fuq il-pultruna biex nisma' l-Jefferson. Imma jien u nsuq lejn id-dar naħseb smajt "Somebody to Love" xi għaxar darbiet. Dak il-vibrat vibranti ta' Grace jagħtini epifanija!

Iġri nsuq lejn ix-xogħol ... xi seba' sigħat oħra!

Ivvandalizzat l-IK


Is-Sinjorina Sara Sue Sammut

Wara li qrajt il-blogg ta' Toni Sant, fejn hemm referenza għall-attakki vandali li saru fuq il-Bombi u l-Istitut Kattoliku, u minħabba li fl-istess blogg saret referenza għas-Sinjorina Sara Sue Sammut, inħossni fid-dmir li solennement niddikjara lill-qarrejja kollha li did-darba s-Sinjorina Sara Sue Sammut ma kellha xejn x'taqsam ma' l-attakki fuq l-IK.

Bħala l-konsulent u l-ex-maħbub tagħha nista' naħlef l-innoċenza tagħha. Hekk Alla Jgħinni!

3.5.05

19 ta' Mejju 2005

Nhar il-Ħamis 19 ta' Mejju, 2005, fis-7.30pm, il-Klabb Kotba Maltin

se jniedi l-ktieb il-ġdid ta' Immanuel Mifsud, km.

km hija ġabra ta' poeżiji li tnebbħu mill-kilometri li vvjaġġajt f'għaxar pajjiżi differenti Ewropej: Ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Fillandja, Spanja, il-Polonja, is-Slovakkja, il-Bosnja-Ħerzegovina, is-Slovenja, il-Kroazja u l-Awstrija. Dawn il-kitbiet ivarjaw minn dokumenti personali għal oħrajn li jimmarkaw ir-reazzjonijiet tiegħi għall-ġrajjiet l-aktar sinifikanti ta' dawn il-pajjiżi, fosthom ir-rivoluzzjoni bellusija ta' l-ex-Ċekoslovakkja, id-diżintegrazzjoni tal-Jugoslavja, il-ġerħa ta' l-Olokawstu fil-Polonja u l-esperjenzi differenti tar-reġimi Komunisti f'dawn il-pajjiżi.

Ippubblikat mill-Klabb Kotba Maltin propju f'għeluq is-sena mid-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, km juri l-mixja tiegħi bħala kittieb li salpa mill-periferija lejn iċ-ċentru ta' kontinent bi storja mqallba ta' imperi, dmija u purtieri tal-ħadid.


Din l-edizzjoni hija bilingwi bi traduzzjonijiet għall-Ingliż ta' Maria Grech Ganado.

It-tnedija se ssir fis-Sala Francis Ebejer, l-Università.

Nota lill-Bloggin Maltin li ħarbu lejn il-Kontinent ix-Xiħ (qed nalludi għal Feltrinelli & Co): bil-belli Euro li qed taqilgħu grazzi għal-lingwa Maltija, tistgħu taslu waħda s'hawn għat-tnedija, le? Narakom!

2.5.05

Il-Poeżija u Patti

Is-serje Fuori Orario - Cose Mai Viste editjata minn Enrico Ghezzi, tiftaħ b'sigla b'xeni mill-film poetiku L'Atalante li Jean Vigo ħadem fl-1934, film li jirrakkonta l-vjaġġ ta' żewġ miżżewġin friski fil-kanali ta' Franza. Il-mużika li Ghezzi juża għas-sigla tiegħu hija l-kapulavur ta' Patti Smith Because the Night.





Minkejja li din is-sigla rajtha ħafna drabi, it-tlaqqigħ arbitrajru tax-xeni poetiċi meħuda minn Atalante mal-hit ta' Patti Smith għadu jaffaxxinani. B'xi mod il-clip u l-mużika joqogħdu għal xulxin. Forsi hija l-poeżija li toħloq din ir-rabta stramba: il-metafora viżwali ta' Vigo u l-versi mgħobbija ta' Smith.





Ikolli ngħid li l-ammirazzjoni tiegħi għal Patti Smith tmur lura s-snin. L-istess bħal Roger Waters, Smith hija poeta rock pereċċellenza. Il-mod artistiku kif tindirizza r-rock, il-letteratura tagħha akkumpanjata bil-mużika, jagħmluha waħda mill-ftit persunaġġi fid-dinja tar-rock li għadni nammira.

Qattajt is-Sibt filgħaxija naqra The Coral Sea, l-aħħar tislima poetika ta' Patti Smith lill-ħabib l-antik tagħha Robert Mapplethorpe. The Coral Sea huwa vjaġġ metaforiku li jaqsam l-uġigħ u n-niket tal-firda li jissublimizza l-aħħar tappa ta' Mapplethorpe minn din id-dinja lejn il-Lilhinn.


And he spread his naked arms to the sun like a savage. Stretched them into
dawn, into warmth. And he believed he could adapt to anything. His elevated
temperature would gift him with unlimited mobility. Then nourished,
refreshed he would harden, expand.

And all the muscles were contracting.

And he could feel it coming and all he could do was draw what he could and
shed what was wretched.

And all the muscles were contracting.

And images rushed with Amazon force. Some pleasurable, some
liquid. A glowing hive, a helmet of skin. And he could feel everything. The
purity wherein all formulas of light and death are exposed.

And all the muscles were contracting.

And he was emergin, drenched and pink and vibrant, the sking pulled back by
the hand of God.

Inċidentalment, dawk l-ixxurtjati li għandhom il-ħin u l-flus jitilgħu sa Londra f'Ġunju li ġej m'għandhomx jitilfu l-edizzjoni ta' din is-sena tal-Meltdown Festival, diretta appuntu minn Patti.