mp

16.10.04

Għat-teatru!

Dan pajjiżi ma jixba' qatt jaffaxxinani. Aktar minn sittin sena ilu kien assedjat (u kif inħobbu ngħidu aħna baqa' ma ntrebaħx) mill-ajruplani Faxxisti u Nazisti. Waqt wieħed mill-attakki mill-ajru, it-teatru rjal (tarahx bini sabiħ jew le jiddependi mill-gosti arkitettoniċi tiegħek), fid-daħla tal-belt kapitali, spiċċa mġarraf.

Sittin sena wara, il-bini għadu mġarraf! (Dan pajjiż fqir u ma jiflaħx jibni teatru ieħor għall-opra.)

Meta n-Nazzjonalisti reġgħu telgħu fil-gvern wara nagħsa ta' sittax-il sena fuq il-bankijiet ta' l-oppożizzjoni, ħarġu bil-qawwa kollha jwiegħdu li se jsebbħu lill-pajjiż. U ngħidu kif inhi, il-pajjiż kellu l-bżonn. L-ewwel objettiv kien il-belt kapitali, iddikjarata Sit ta' Wirt Dinji mill-UNESCO fl-1980. Kien hemm ħafna proġetti ippjanati, ruxxmata rapporti u kompetizzjonijiet għall-aħjar disinn. Tant kien hemm minn dawn li jinħtieġ storjografu full time biex forsi nieħdu stampa ċara tal-kobba għanqbuta ta' proposti u kontro-proposti għat-tisbiħ tal-kapitali u b'mod partikulari għad-daħla tal-Belt. Ġaladarba jien miniex storjografu miniex se nipprova nagħti rendikont ta' dan kollu jien. Ikun biżżejjed li nsemmi li kien hemm żmien meta anki l-arkitett ta' fama dinjija Renzo Piano daħal fl-istorja.

Fil-lejl tal-Millennju l-Kapitali kitbet faċċata oħra fl-istorja twila tagħha: dakinhar infetaħ uffiċjalment Iċ-Ċentru għall-Kreattivita' tal-Kavallier ta' San Ġakbu (titlu ftit barokk naf, imma tipiku Malti). Dan iċ-ċentru jinsab f'bini li kien ittella' mill-Kavallieri ta' San Ġwann lura fis-seklu sittax, u oriġinarjament kellu funzjoni militari. Qabel ma ġie rrestawrat l-istess bini kien jilqa' fih l-istamperija tal-gvern.

Il-Proġett tal-Millennju - kif kien imsejjaħ - kellu jinkorpora fih il-bini ta' teatru ta' l-opra ġdid fis-sit li kien twaqqa' mill-ajruplani ta' l-għadu. Madankollu, ma kien hemm l-ebda qbil milħuq jekk dan it-teatru ta' l-opra kellux jinbena fuq l-istess disinn tas-sit oriġinali, jew jekk kellux ikun disinn differenti. Il-punt kardinali hu li dak is-sit ikrah kien iddestinat li jkollu fuqu bini ta' teatru ta' l-opra.

Imbagħad għal numru ta' snin intesa kollox.

Sal-bieraħ!

Il-bieraħ filgħodu, it-Times irrappurtat li waqt kolazzjon man-negozjanti l-kbar ta' Malta, Jesmond Mugliett (li sa ftit taż-żmien ilu kien jokkupa l-kariga ta' ministru tal-Kultura, u issa ministru għall-Iżvilupp Urban) ħabbar li s-sit, wara kollox, mhuwiex se jkollu mibni fuqu teatru għall-opra iżda ... ma titwemminx ... parlament ġdid!! Ir-raġunament onorevoli ta' l-onorevoli ministru jgħid hekk: it-teatri jqumu aktar mill-parlamenti.

Għax bilħaqq, dan pajjiż fqir - issa - u ma jiflaħx jibni teatru ġdid.

Mela, fit-tieni gwerra dinjija, kienet il-Luftwaffe li rvinatilna t-teatru. Fis-seklu l-ġdid għamel l-istess il-Gvern. It-teatru ta' l-opra ġġarraf għat-tieni darba. Tifhimha li l-Luftwaffe tixħet il-boombi biex tkisser pajjiż, wara kollox konna fi gwerra kontriehom. Imma li jkollok ministru tal-gvern tiegħek - u biex tagħqad ex-ministru tal-KULTURA - u jiddikjaralek gwerra fuq l-arti tal-pajjiż ... x'naqbad insejħilha din?

Kollox sew, nifhem li l-illustri membri tal-parlament tagħna jeħtieġu sit ġdid fejn jiltaqgħu biex jgħaddu l-ħin jilagħbu tal-klieb u l-qtates. Iżda għala propju f'dak is-sit? Ma jistgħux, ngħidu aħna, jibnu kamra tar-rappreżentanti xi mkien lejn il-Magħtab? Tgħidx kemm hemm veduti sbieħ tal-baħar hemmhekk.

11.10.04

Pizza bajda

Qattajt tmiem il-ġimgħa naħmi l-pizza bajda.

Is-Sibt filgħodu qomt u ppjanajt li nagħmel miljun ħaġa. Dejjem hekk nagħmel fi tmiem il-ġimgħa. Mhux għax inbati wisq matul il-ġimgħa. Il-ġranet inqattagħhom nagħmel dak li ili nagħmel għal dawn l-aħħar għaxar snin: inpaċpaċ dwar il-letteratura bil-Malti ma' żgħażagħ li wisq probabbli ma jinteressahom xejn. Insomma, b'xi mod irrid naqla' l-ħobża ta' kuljum. Miniex it-tip li nistenna bil-ħrara tmiem il-ġimgħa għax wasalt f'punt fejn m'hemmx differenza bejn il-ġranet, ħlief li fi tmiem il-ġimgħa nista' noqgħod waħdi. Is-solitudni ta' tmiem il-ġimgħa ma nibdilha ma' xejn. Ġieli naħseb li nbati minn xi fobija soċjali, iżda mhuwiex il-każ. Sempliċiment jien bniedem ta' għalih waħdu: inħobb is-solitdni u b'xorti tajba nħobb lili nnifsi. Il-kamra tiegħi hija ġenna żgħira: il-mijiet ta' kotba u cds, Kornelju, l-inkwatri ta' mal-ħajt ... ġenna. U tneħħi l-mużika ta' fuq l-istereo ma nismax ħoss.

Is-Sibt filgħaxija wkoll ngħaddih tajjeb. Naturalment jidlam, u d-dawl tax-xemgħa f'kamarti u fil-kamra ta' barra jagħtini sensazzjoni tajba. L-unika ħaġa li nixtieq u li m'hawnx bħalissa hija ftit tal-kesħa. It-temperatura għadha 30C minkejja li qegħdin f'Ottubru!

Issa li għalaqt is-37 għandi biżżejjed memorji biex ngħaddi l-ħin. Il-bieraħ filgħaxija kont qiegħed naħseb fuq il-mawra tiegħi fl-Ungerija fl-1992, vjaġġ li sa ċertu punt fetaħli l-bibien għall-Ewropa tal-Lvant. Qgħadt naħseb ukoll dwar ħabib tiegħi li llum jgħix barra li kien joqgħod f'dar jisimha Tincliff.

Intbaħt, imbagħad, li tmiem il-ġimgħa kien għadda.

3.10.04

Nema Jugoslavia!

Hemm dal-baħnan jismu Ivan, mitluf f'labirint sotterran xi mkien taħt wiċċ id-dinja. Ħin minnhom jitlaqa' ma' suldat u jistaqsih liema hi t-triq lejn il-Jugoslavja u s-suldat iwieġbu: Nema Jugoslavia! Għaċ-ċittadini fl-ex-Jugoslavja li kienu ddikjaraw irwieħhom bħala Jugoslavi, dan il-vers mill-film kbir ta' Emir Kusturica Underground kien l-aktar wieħed kattiv u l-aktar wieħed veru.

Il-Juvoslavja m'għadhiex teżisti. Kuntrarju għall-istorja taċ-Ċekoslovakkja (nazzjoni ieħor li m'għadux magħna), is-siparju fuq il-Jugoslavja ngħalaq bl-aktar mod traġiku u tal-misħija. M'hemmx għalfejn nerġgħu naraw l-istorja għax naħseb li issa rrealizzajt li hemm aktar minn storja waħda u aktara ma tisma' stejjer aktar tispiċċa konfuż, meta tikkunsidra li l-interpretazzjoni tinbidel skond in-narratur.

Dan is-sajf żort żewġ repubbliki ex-Jugoslalvi: il-Kroazja u s-Slovenja. Din ta' l-aħħar qiegħda titqies bħala l-aktar nazzjon interessanti u dinamiku li ssieħeb fl-UE f'Mejju li għadda u x'aktarx li s-Slovenja diġa' għarfet tidfen il-memorji ta' l-era preċedenti tagħha. X'aktarx. Imxejt diversi drabi tul Trubarjeva Cesta - it-triq li tieħdok fil-qalba ta' Ljubljana - u mal-ħitan stajt nara ħafna graffiti b'tifħir lil Tito u b'disprezz lill-UE imlaqqma bħala sistema kapitalista u dittatorjali. Iżda wieħed faċilment jista' jinterpreta dan bħala nostalġija komunista, fenomenu psiko-soċjali li qiegħed jifjorixxi fil-pajjiżi ex-Komunisti kollha. Rari jinqala' kliem fuq in-nazzjon il-mejjet. Wara kollox, is-Sloveni ma ġġildux gwerer tneħħi battalja ta' għaxart ijiem li minnha ħarġu rebbiħin. U issa, terġa' u tgħid, issieħbu fl-UE.

L-istorja tal-Kroati hija totalment differenti. Jekk id-diskors idur fuq il-gwerra, se tispiċċa tisma' ħafna stejjer mimlija mibgħeda. Lis-Serbi jobogħduhom għal 'dak li għamlulna.' Ħaġa li tolqotni profondament hija li fi kwanlunkwe storja li jirrakkuntawlek, il-Kroati qatt ma jammettu li wettqu xi ħaġa ħażina. Naturalment qiegħed niġġeneralizza. Ovvjament qiegħed nikteb l-impressjonijiet personali tiegħi. U hija wkoll ħaġa ovvja li mhux il-Kroati kollha huma ta' dan it-tip. Ngħidu aħna Slavenka Drakulic. Fl-aħħar ktieb tagħha, And They Would Never Hurt a Fly, Drakulic tanalizza l-psike ta' dawk responsabbli għat-traġedja Jugoslava u li bħalissa għaddejin ġuri fl-ICTY. Fost il-bojja kien hemm ukoll Kroati, u Slavenka tikteb dwar dawn ukoll. Xi Kroati ma jaħmluhiex lil Slavenka u saħasitra jikkunsidrawha bħala traditur ta' pajjiżha.

Waqt konferenza li saret f'raħal Kroat, kont qiegħed naqsam il-kamra ma' Kroat, ġuvni inteliġentissmu xi ftit tas-snin iżgħar minni. Għex il-gwerra u kien inġabar bil-lieva wkoll. Billi kont naf li għadu moħħu miftuħ u ma kellux tendenzi nazzjonaliti, lejla minnhom staqsejtu x'kien li wassal għal dak li ġara f'Mostar. Kien propju dakinhar li l-pont leġġendarju ta' Mostar reġa' ġie inawgurat. Quddiemi rajt wiċċ bla espressjoni u l-unika tweġiba li tani dan il-ġuvni Kroat kienet: "m'għandix idea."

Waqt li qed nikteb dan, il-poplu tal-Bosnja Herzegovina qiegħed jivvota biex jeleġġi l-gvernijiet muniċipali, fl-ewwel elezzjonijiet lokali organizzati mill-awtoritajiet Bosnijaċi minn tmiem il-gwerra fl-1995. Il-bieraħ, iżda, il-BBC irrapporta inċident ikrah. Mijiet ta' Serbi Bosnijaċi żammew nisa Musulmani meta dawn kienu se jpoġġu plakka kommemorattiva ma' bini li matul il-gwerra kien jintuża bħala kamp għall-istupri. Kellha tintervjeni l-pulizija ta' kontra l-irvellijiet meta xi mitejn Serb tal-Bosnja bdew igaraw bajd u ġebel u in-nisa Musulmani. Dawn in-nisa, li wħud minnhom kienu vittmi ta' stupru waqt il-gwerra, kellhom ipoġġu l-plakka xi mkien ieħor. Din l-istorja hija telfa simbolika oħra għall-Bosnijaċi.

Qed nikteb dan b'diqa kbira, iżda fl-istess ħin infakkar lili nnifsi fil-ktieb ta' Svetlana Broz Good People in Evil Time. Svetlana Broz, waħda min-neputijiet ta' Josip Broz Tito, tagħmel ħafna attivitajiet, fosthom tippresiedi l-fergħa tal-Gardens of the Righteous Worldwide f'Sarajevo. Fil-ktieb tagħha tirriproduċi numru ta' intervisti verbatim ma' Serbi, Kroati u Bosnijaċi li fl-eqqel tal-'kunflitt etniku' li ġennen lill-Jugoslavja, kienu megħjuna mill-'għedewwa' tagħhom. Dawn l-intervisti juru li l-kunflitti etniċi ma kinux fenomenu popolari. Dawn ir-rakkonti, uħud minnhom iqanqluk u oħrajn drammatiċi, huma xiehda li jagħtu lill-qarrej raġġ ta' tama li mhux il-bnedmin kollha huma ħżiena.

Iżda xorta waħda, nhar il-Ħamis li għadda, nisa Musulmani ġew attakkati bil-bajd u l-ġebel talli ppruvaw iżommu l-istorja tagħhom ħajja.