mp

24.3.05

Un cavallo bianco ... via da qui ci porterà


Żiemel abjad fil-Wied tan-Nadur, Għawdex Posted by Hello

Sibt dar-ritratt li ħadt f'Novembru li għadda waqt żjara ta' 12-il siegħa Għawdex. Affaxxinajt ruħi bil-pajsaġġ. Ngħid id-dritt bilkemm stajt nemmen lil għajnejja għax f'pajjiżi rqajja' mingħajr toroq, bla karozzi pparkjati fuq iż-żewġ naħat eċċetra huma rarità. Kważi surreali; l-aktar iż-żiemel l-abjad li minnufih fakkarni fil-kanzunetta li l-Matia Bazar kienu ħarġu fl-1976, Cavallo Bianco, l-aktar il-versi: Un cavallo bianco, bianco come un velo, /via da qui ci porterà.

F'dawn l-aħħar jiem iltqajt ma' tliet emigranti Maltin li rritornaw lejn il-Blata għal btala. L-ewwel iltqajt ma' Toni Sant, li ġie s'għandi Sibt minnhom u qgħadna naraw il-lejla finali ta' Sanremo u kilna l-kuskus bil-bżar aħmar jaħraq u xrobna l-grogg li nħobb nagħmel fil-lejliet xitwin.

Iltqajt ukoll ma' Sharon li magħha ddiskutejt proġett li mhux se nagħti dettalji tiegħu issa ... aktar 'il quddiem.

Dalgħodu nsib messaġġ irrekordjat fuq it-telefown: Feltrinelli jħabbarli l-wasla tiegħu Malta. Ċempiltlu minnufih u ġie għall-ikla ta' nofisnhar (vitella li xwejtha żżejjed, tadam, ross ismar bil-ful, bil-piżelli, bil-ħabaq, bil-ġobon u b'alla biss jaf x'aktar. Feltrinelli xorob 2 bottijiet Cisk u kiel madwar 200g ġobon tal-qoxra ħamra, kif ukoll pejjep 2 Silk Cuts fil-gallerija għax issa t-tipjip fid-dar ġie pprojbit.)

Tieħu gost tiltaqa' ma' ħbieb li s-soltu tikkuntattja bil-posta elettronika jew bl-Iskype. U tassew interessanti taqra l-posts li fihom irrappurtaw l-esperjenzi tal-miġja tagħhom f'Malta. Tasal ukoll tiggustahom bil-kummenti sbieħ li jagħtu lill-Blata u lill-Blatin (?), kummenti li x'aktarx saru l-aktar għax dawn it-talin qalbu t-tletin. Pereżempju dan il-kumment ta' Toni Sant kważi jqabbiżlek demgħa:

Instead of turning this blog into a moaning gripe (so no one can scream "sour grapes" at me!) I prefer to cherish the beautiful moments I experienced during the last couple of weeks. In essence, I am very pleased to have met a handful of people I treasure as the warmest and/or most interesting people in Malta I've had the opportunity of meeting during my lifetime.


Jew dan ta' Feltrinelli:

Il-bidla u r-Rebbiegħa baqagħlhom, jekk għad jiġu, u allura nikkuntenta lili nnifsi bis-sbuħija eterna ta’ dan il-pajjiż li l-ebda kuntrattur żaqq ħara jew gvern korrott ma jista’ joqtol: id-dawl tax-xemx, il-baħar, u l-aċċessorji romantiċi kollha li jagħmlu ‘l pajjiżna dak li hu.


Ir-rimenixxenzi ta' Sharon jieħdu forom kulinarji:

Today I was invited to lunch with friends in Mqabba. Lunch was a barbecue and I chose to taste Maltese sausage for the first time! It wasn't strictly the first time, I had had it once or twice previously with pasta but this time I actually had the whole thing plonked on my plate with lots of tomatoes in olive oil and a large baked potato. There were also chicken legs basted in some secret recipe (because I never found out what the dripping actually was) but I was too full to attempt any. Lunch being a thoroughly friendly affair, we planned to meet at 12.30, I turned up at 2 and we were at table till 7. For tea we had kannoli tal-irkotta and sfinec (zeppoli). I refused the wine because I needed a break after two days running of the free-flowing stuff. I'm out of practice!


Jacques Renè Zammit
, li twieled fis-sena tal-Fenek, jiftaħ l-aħħar post hekk:

Tomorrow I will reluctantly leave the Maltese Islands. Much more reluctantly than usual. I had a distant forebodeing that this would happen as I stepped off the plane almost seven days ago. The first sniff of Mediterrenean air was of the kind that makes you fall in love with the place all over again. The smell stayed throughout and its pulling factor was immensely improved by the good company, good wine and good fun to be had on the rock.


Kemm huma ħelwin dawn il-bloggs. Għal xi raġuni jew oħra, iżda, ma nistax inħoss l-istess romantiċiżmu. Wisq probabbli għax kuntrarju għal dawn il-bloggers emigranti Maltin jien ma ltqajtx maż-żiemel l-abjad li kien qed jistennieni biex jeħodni 'l hemm. Iżda l-bieraħ, waqt il-lejla letterarja li saret bħala parti mil-laqgħa trijennali ta' l-EACLALS, improvizzajt introduzzjoni qabel qrajt xi poeżiji li ktibt il-Polonja u s-Slovakkja, u ssorprendejt lili nnifsi meta għidt: bħala poeta-vjaġġatur, infittex l-innifsi fl-ieħor.

22.3.05

L-Ieħor

L-aktar post reċenti ta' Feltrinelli ġibed l-attenzjoni ta' xi wħud li rrispondew għalih minn angoli differenti. Bħal drabi oħra, immotiva lili wkoll biex nikkummenta:
1) Għadni ma nistax niddeċidi jekk il-fatt li għadna nitkellmu dwarna nfusna huwiex sinjal tajjeb jew le. Hemm drabi meta naħseb li din hija tendenza 'naturali' ta' pajjiż ċkejken, maqtugħ mill-bqija li jieħu lilu nnifsu wisq bis-serjetà. Hemm drabi oħra meta naħseb li din hija t-tendenza ta' pajjiż li għal sekli sħaħ tmexxa minn xiħadd ma jafux minn Adam u issa - fl-aħħar - qiegħed jipprova jaħseb dwaru nnifsu b'moħħu (u mhux b'moħħ ħaddieħor).
2) Qrajt il-kumment li wwwitchie għaddiet għall-istess ħsieb ta' Feltrinelli u ssemma l-bilingwiżmu. Għadni ma nistax niddeċidi aħniex ilkoll nifhmu l-istess ħaġa meta nitkellmu dwar il-bilingwiżmu. Kuntrarju għal dak li jgħid Charles Briffa Malta mhux minn dejjem kellha sitwazzjoni bilingwi. Kien hemm każi ta' diglossija imma mhux ta' bilingwiżmu, ngħidu aħna fi żmien ir-Rumani u żminijiet oħrajn. Illum il-ġurnata qegħdin insiru aktar konxji tal-fatt li Malta hi pajjiż bilingwi, iżda ninsew kostituzzjonalment l-Ilsien Nazzjonali huwa l-Ilsien Malti (Kap1.5.1). Lilhinn mil-liġijiet u l-kostituzzjoni, jibqa' l-fatt li Malta hi pajjiż bilingwi. Madankollu, ma rridux ninsew li t-tieni lingwa ta' Malta hija lingwa barranija, impurtata fil-pajjiż minn nazzjon kolonjalizzatur u għalhekk tibqa' l-lingwa ta' l-ieħor.
3) L-ironija hi li ħafna minna, jien inkluż, iħossu l-ħtieġa li jużaw din il-lingwa ta' l-ieħor biex jiddefinixxu lilhom infushom, biex ixandru l-pożizzjoni tagħhom u biex juru lill-ieħor li jeżistu.
4) Mhijiex il-lingwa ta' l-ieħor (f'dan il-każ l-Ingliż) li qiegħda thedded il-lingwa oriġinali. Ikun argument simplistiku ħafna jekk wieħed jargumenta li l-Malti qiegħed jiġi mhedded mill-Ingliż. L-akbar theddida għal-lingwa oriġinali ġejja minn sorsi tal-media li ma jafux jużaw il-lingwa: minn dawk l-istazzjonijiet tat-televixin li jxandru l-messaġġi ċellulari miktuba b'kawlata manja, minn dawk il-ġurnalisti li xogħolhom huwa li jiktbu u jiktbu ma jafux, minn dawk l-uħud li jsejħu lilhom infushom DJ's u għal raġuni li jifhmuha huma biss jużaw ħoss Ingliż meta jitkellmu bil-Malti.

19.3.05

Feltrinelli jirritorna lejn il-Blata

Feltrinelli jirritorna lejn il-Blata. Waqt li jippakkja l-valiġġi, jew qabel jew wara, jintefa' jibbloggja. Jagħmel referenza għar-r(R)ebbiegħa. Imbagħad jagħmel kumment li tassew jintrigani:

Kemm ngħid li kull ma jmur aktar nemmen li dan il-fenomenu tal-bloggs Maltin
(l-aktar dawk bil-Malti jew bilingwi) jistgħu huma l-ħabbara ta’ bidliet kbar li
għad naraw fil-panorama kulturali Malti. Kultura b’k żgħira jew kbira, ħadd ma
jaf , għax imbagħad jinbet id-dibattitu jekk hemmx tassew (K) (k)ultura fuq
il-Blata, jew jekk għandniex ninsew is-singular u nibdew nitkellmu dwar aktar
realtajiet, l-aktar dawk tat-truf. Forsi r-
Rebbiegħa
l-Ġdida
, l-aħħar daħna li biegħlna Fenech Adami, għad toħroġ minn hawn.

Ejja naqtgħuha darba għal dejjem din: ir-rebbiegħa li qegħdin nitkellmu fuqha, anki jekk oriġinarjament imħabbra mill-politiċi b'tonijiet isteriċi waqt xi massmeeting jew xi priedka oħra milli jħobbu jagħmlu lis-segwaċi fidili tagħhom, ma tistax titwelled minnhom. U jkun żball, tiegħi l-ewwel wieħed, li nibqgħu nittamaw fi klassi ta' nies li għadhom ma għarfux x'jiġifieri jkollok ir-riedni. Feltrinelli għandu raġun: ir-rebbiegħa trid tibda minn orizzonti oħra.
Biss irridu nirrikonoxxu li kien hemm rebbigħat oħra fil-passat. Passat antik, veru. Il-ħasra hi li, bħalma kiteb Victor Fenech kien hemm rebbiegħa li falliet. Hemm iktar minn raġuni waħda għal dan il-falliment. Waħda minnhom hi li l-prekursuri ta' moviment li ħadem bi sħiħ għall-kawża ta' din ir-rebbiegħa spiċċaw partitarji huma wkoll u llum, jekk mhux ukoll il-bieraħ, spiċċaw idoqqu l-ġolġol li dendlu m'għonqhom bil-barka tal-partit u llum il-ġurnata jistennew in-nihil obstat ta' l-id moħbija waqt li jterrqu qalb il-kuriduri tal-poter.
Eħe, din ir-rebbiegħa m'għandha x'taqsam xejn mal-predikaturi ta' nhar ta' Ħadd. Trid titwieled mill-impenn ta' wħud li jisfiduċjaw il-monumenti kbar li nbnew bl-addoċċ f'kull rokna skarsa tal-Blata.

18.3.05

Bla kummenti (2)


bla kummenti 2 Posted by Hello

Bla kummenti


bla kummenti Posted by Hello

Ir-Rebbiegħa

Il-ħajja ċikkulatina bi bżaru aħmar ġo fiha - Nenad Jankovic (The No Smoking Orchestra)

Ir-rebbiegħa taraha b'għajnejk illum, anzi tħossha f'għadmek. Il-gallarija mtlietli fresja u l-għelieqi ta' maġenb it-triq tiegħi ħodor waħda sew, ittikkjati bl-isfar tal-mimosa, tal-lellux u ta' l-ingliża.

Billi n-natura ħabbitni biżżejjed li skansatli l-allerġiji għall-fjuri u l-ħaxix, ninsab kuntent bil-wasla imminenti tar-rebbiegħa.

Dalgħodu, jien u nsuq lejn ix-xogħol mingħajr għaġla ta' xejn, rajt l-istrixxa tan-nofs ta' Ħal Balzan mimlija fjuri mriegħda bil-biża' mill-karozzi għaddejjin b'kemm il-manifatturi tawhom saħħa. U ftakart f'kemm-il darba seħibna Edward ħabbar il-miġja ta' rebbiegħa ġdida. Naħseb li għaddiet diġà, jew inkella weħlet xi mkien għar-refuelling.

Kos, kemm ilna ma nisimgħuha din il-metafora.

13.3.05

Imut Ġużè


Posted by Hello

Tnikkitt bl-aħbar tal-mewt ta' Ġużè Cassar-Pullicino, pijunier fl-istudju tal-foklor Malti. Il-kredenzjali akkademiċi tiegħu kienu rrikonoxxuti mill-intelligentsia Maltija u minn nies oħrajn.

Cassar-Pullicino, li twieled fl-1921, kiteb diversi kotba dwar il-letteratura u l-folklor Malti, bl-iktar wieħed reċenti miktub fl-2003 jitratta l-ħaġa moħġaġa bħala filosofija popolari.

11.3.05

Dwar il-fidili, l-eroj u r-Romantiċiżmu

Jim Morrison kif jidher fid-dokumentarju ta' FSU

Fil-Corriere della Sera illum deher daqasxejn ta' artiklu dwar l-iskoperta riċenti ta' dokumentarju maħdum fil-bidu tas-sittinijiet mill-Università ta' Florida, li fih jidher Jim Morrison fil-parti ta' student ta' xi 18-il sena li applika biex jidħol f'din l-università. Il-video juri lil Jim Morrison f'dehra doċli ħafna, jirreċta ta' wieħed iddiżappuntat għax għadu kemm irċieva nota minn FSU li ma ġiex aċċettat biex jibda kors universitarju. Bir-raġun, dan l-artiklu mhux iffirmat jinnota kemm Morrison jidher differenti minn kif soltu narawh fir-ritratti u posters li saru kult fihom infushom. F'kumment qasir li ta dwar dan il-video, il-kritiku magħruf Mario Luzzato Fegiz qal kemm Morrison ta' qabel id-Doors jidher "bħallikieku kien wieħed minna". Fil-fatt jien naħseb li kien jidher qisu wieħed fidil.

Bħal ħafna membri tal-ġenerazzjoni-X Maltin sirt naf id-Doors meta kelli xi tnax-il sena, grazzi għas-serje Mister Fanasy, ippreżentata minn Carlo Massarini fuq ir-Rai Uno fil-bidu tat-tmeninijiet. Dak iż-żmien, kull nhar ta' Ħadd filgħaxija kont insegwi din is-serje b'devozzjoni ikbar mill-quddiesa tal-Ħadd, u l-aktar li kont nistenna kienu l-videos tad-Doors li għal ħafna ġimgħat kienu jagħlqu l-programm. Kien bis-saħħa ta' Mister Fantasy li smajt għall-ewwel darba "Light My Fire" u "Riders on the Storm". Biex inkun onest, fir-realtà qatt ma kont xi fan kbir tad-Doors, għax kont nippreferi l-mużika b'messaġġi politiċi tal-Pink Floyd u l-blues taż-Zep. Tant hu hekk li meta għodwa waħda f'Ġunju 2001 żort iċ-ċimiterju ta' Pere Lachaise ippreferejt inżur l-oqbra ta'Michel Petrucciani u - ovvjament - Fryderyk Chopin, milli ta' Morrison minkejja li kienu biss tefgħa ta' ġebla 'l bogħod. ippreferejt inżur l-oqbra ta'

M'għandi l-ebda dubju li l-ħabib antik tiegħi Toni, li bħalissa jinsab Malta għal ġimagħtejn, jieħu gost jara l-video ta' Morrison. Niftakarni nisilfu każett tad-Doors meta konna l-iskola. Fil-post l-aktar riċenti tiegħu Toni esprima ċertu tħassib għax ra li Malta ma nbidlitx wisq minn mindu kien hawn l-aħħar erba' snin ilu. Mhix xi sorpriża din. Meta wieħed jikkunsidra d-diskors li sar dwar il-bidu ta' era ġdida ma tistax toħodha bi kbira li l-emigranti Maltin jiġu s'hawn b'aspettattivi kbar, għalkemm diffiċli wieħed jifhem x'inhuma dawn l-aspettattivi. Li ssorprendieni kienet it-tweġiba li Toni ta għal wieħed mill-kummenti li ntbgħatlu fuq il-blog; kumment li ħajru jqatta' nofs ta' nhar San Blas, imaxtar ftira tal-Maxokk u jgawdi l-ħars inkwiżittiv tal-bdiewa huwa u jippassiġġa lejn il-bajja. It-tweġiba mogħtija tikkuntradixxi l-post. Imma naħseb li din il-kuntradizzjoni hija sintomatika: fuq naħa nippretendu li dal-pajjiż jinbidel, u mill-banda l-oħra nibqgħu miġbudin lejn l-istampi romantiċi tal-pajjiż u niesu li jfakkruk f'xi poeżija ta' Dun Karm dwar it-tfajliet sexy u mbaċċnin li jaħdmu fl-għelieqi.

Bħal meta tara video ta' Jim Morrison b'wiċċ ta' fidil filwaqt li tistennieh iħarislek b'dik il-ħarsa ta' nittien b'sidru mikxuf qisu xi alla tal-Greċja Klassika.

6.3.05

Blogosfera

Reċentament qam dan il-fenomenu soċjali u intellettwali li qed jara l-proliferazzjoni ta' blogs Maltin. Filwaqt li wħud minnhom m'huma xejn għajr kitbiet djaristiċi li jissodisfaw il-bżonnijiet narċissisiti u esibizzjonisti ta' min jiktibhom, oħrajn qegħdin joħolqu diskors li s'issa ma ssibu fl-ebda paġna ta' l-istampa lokali. Jidher li l-blog jagħti lil dak li jkun ċerta libertà li l-istampa Maltija ma tagħtix, speċjalment lil dawk l-uħud li għal raġunijiet differenti tbiegħdu mill-impenn ġurnalistiku u intellettwali mainstream. Il-kummentarju ta' Salvu Balzan fl-edizzjoni tal-Ħadd li għadd tal-Malta Today jagħti stampa ċara tas-sitwazzjoni fqira u non-demokratika ta' l-istampa Maltija. Fl-artiklu tiegħu Published and Be Damned, l-ex-attivist ta' l-Alternattiva Demokratika, jargumenta li l-kontenut li qiegħed jiġi mxandar fil-gazzetti huwa kkontrollat u ċċensurat minn dawk li jmexxuhom, jiġifieri l-Partiti Omnipotenti, il-Knisja Kattolika (li hija inqas potenti) u ċorma negozjanti sinjuruni u familji influwenti. Jekk wieħed jiddisassoċja ruħu minn dawn il-magni tal-poter jispiċċa jcaħħad lilu nnifsu mill-opportunità li jwassal leħnu.

Uħud minn dawn il-blogs, partikolarment dawk ta' Mark Vella, Toni Sant u Robert Micallef, għalkemm f'livelli differenti, jistgħu jitqiesu bħala alternattivi impenjati għal dak li l-ġurnalisti Maltin qed jitimgħu lill-pubbliku. Din il-klassi emerġenti ta' kummentaturi tidher li tat vot ta' sfiduċja lill-istampa Maltija u qiegħda tfittex orizzonti ġodda li wieħed jippreżumi li ma jaqgħux taħt l-iskrutinju ta' xi ċensur moħbi lest biex jimla formola u jibgħatha l-Qorti ġaladarba xiħadd jazzarda 'jaqbeż il-limiti'.

Punt interessanti ieħor huwa li numru sew minn dawn il-blogs jinkitbu minn Maltin li emgiraw. Mark Vella jgħix Strasburg, Toni Sant fir-Renju Unit, u oħrajn bħal Pierre Mejlaq u ċertu/a gybejxi fi Brussell, u Sharon Spiteri tinsab tistudja l-Iskozja. X'inhu li jimmotiva lil dawn l-emigranti jiktbu weblogs mimlija kummenti fuq art tweldihom? Wisq probabbli, l-istess bħalma ġralu James Joyce huwa u jikteb Dubliners f'xi kmajra mġiddma 'l bogħod minn pajjiżu, dawn it-talin inħakmu minn sens ta' libertà u ta' distakk li jagħmilhielhom eħfef biex jiskrutinizzaw l-art li ħallew warajhom.

Dawk il-bloggers li bħal Mark Vella u bħali għażlu li jiktbu l-blog tagħhom bil-Malti qegħdin jieħdu pass ieħor 'il quddiem. Tneħħi l-Malta Today, f'Malta għad m'hawnx gazzetta jew ġurnal serju u intelliġenti. Iżda l-Malta Today tinkiteb bl-Ingliż. Kif diġà ktibt fil-blog ta' qabel dan, nogħxa naqra l-weblog ta' Feltrinelli, u dan mhux biss minħabba l-kontenut tiegħu imma wkoll minħabba l-lingwa u l-lingwaġġ li juża. Il-Blog mix-Xifer huwa l-uniku spazju fuq ix-xibka fejn wieħed jista' jieħu gost jaqra xiħaġa bil-Malti. M'hemm xejn aktar bil-Malti ħlief hekk imsejjaħ portal ta' 'aħbarijiet' tan-Nazzjonalisti - maltarightnow.com - li huwa mgħobbi b'apoloġija partiġġjana, propaganda u żbalji ortografiċi.

Hawn bżonn urġenti ta' xi gazzetta kritika li toffri alternattiva għall-istampa ċentrali; jew għallinqas xi tip ta' portal li bid-dikjarar ifittex li jiskossa l-istatus quo li jinsab fil-ħafna ta' dawk fil-poter. Qiegħed niftakar li darba waħda kien hemm gazzetti bil-Malti li ...

1.3.05

Nostalġija għal reġim defunt

Nogħxa nara l-blog ta' Mark Vella Feltrinelli, tant li ddeċidejt li dan hu fost l-aħjar, jekk mhux *l-aqwa* blog miktub minn xiħadd Malti. Bħali, Feltrinelli huwa wieħed minn dawk tal-ġenerazzjoni tat-tmeninijiet li għadhom qed jissaraw ma' l-istorja tal-perjodu meta daħlu fl-adoloxxenza tagħhom, u wieħed minn dawk li kienu mimlija bit-tama u li llum qed janalizzaw il-preżent b'par għajnejn diżillużi. Ikolli ngħid li naqbel ma' ħafna mill-veduti tiegħu dwar din l-art ħelwa tagħna li ripetutament ġiet stuprata mill-onorevoli politikanti tagħna u issa minn ċorma individwi li kisbu poter fil-'media'.

Il-logs tiegħu li jitrattaw l-era Mintoffjana, partikolarment dak li jirrakkonta l-istorja vera ta' meta grupp ta' żeffiena Koreani ġew mgħallma jkantaw il-famuża kantaliena "Ma Tagħmlu Xejn mal-Periti Mintoff" jaqsmuk bid-daħq. Iżda l-aktar ħaġa li mpressjonatni f'dak il-log huwa t-tixbih li Feltrinelli joħroġ bih bejn Mintoff u Ceaucescu. Kont nissuspetta li dan it-tixbih - li jien ħsibt dwaru ħafna drabi - kien kollu effett tal-propaganda nazzjonalista. Iżda issa, li qed nara li miniex waħdi li naħseb hekk, u li anki Feltrinelli (li qatt ma vvota PN kif għamilt jien fl-1987), serraħt rasi li għadni ma ġejtx ikkontaminat mill-makkinarju propagandistiku nazzjonalista b'xi mod Orwelljan.

Hawn titfaċċa n-nostalġija. Xi tliet xtiewi ilu, Feltrinelli u l-bellakompanija, kienu jintefgħu Il-Ġifen, ġo qiegħ il-Belt, u, fis-sigħat bikrin ta' filgħodu, ovvjament bil-bibien magħluqin, kienu jindafru f'ritwali spontanji ta' nostalġija soċjalista. Dawn ir-ritwali kienu jinkludu fost l-oħrajn korijiet kakofoniċi ta' l-aqwa kantalieni soċjalisti u nazzjonalisti arkivjati mis-snin 80; imitazzjonijiet tal-patrijarka Mintoff; u numru kbir ta' parodiji ta' wħud mis-sentenzi li Eddie (issa magħruf bħala Edward) kien iħanġar waqt il-mass meetings mitiċi.

M'għandi l-ebda dubju li ħafna nies ta' l-eta' tiegħi li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet marru jaraw Ir-Rewwixta tal-Qassisin, tahom attakk nostalġiku wkoll. Bħal ħafa affarijiet oħra, dan il-fenomenu soċjo-psikoloġiku interessanti ħafna għadu ma ġiex analizzat lokalment. F'intervista li tajt lil Adrian Grima għal babelmed.net f'Jannar li għadda kkummentajt dwar in-nostalġija li rebħet lill-pajjiżi ex-komunisti. Waqt li kont f'Bratislava, f'Diċembru, min kien qed jospitani ħariġni ndur minn bar għal ieħor u ħadni ndur barijiet tat-tip ta' KGB u oħrajn ta' din il-qatgħa.

Ma nafx eżattament il-għala iżda propju issa jiġuni f'moħħi ftit versi miktuba mill-aqwa poeta Malti, Victor Fenech:

Ibqa' sejjer Samuraj - u narra s-seba' pesti jlaħħqu miegħek. Inħares lejn din l-art ma narax ħlief id-dell tiegħek: poplu mgħaxxex għajnejh ħġieġ, sieket jixhed seba' qmura ta' qerdiet, mutu jredden fuq rebbiegħa li falliet.