mp

15.10.03

Meta jmut intellettwali

Edward Said






F'waħda mill-ħafna intervisti li sarulu, il-filosfu Franċiż Michel Foucault, darba qal li l-intellettwali ma jeżistux. Ovvjament, min jaf ix-xogħol u l-ispirtu ta' dan l-intellettwali Franċiż jifhem immedjatament li kliemu qiegħed jaħbi teorija sħiħa u mhuwiex sempliċi slogan.

Il-Ħamis li għadda miet intellettwali. Kellu 67 sena. Twieled f'pajjiż f'familja tal-klassi l-għolja, imma qatt ma reġa' għex fih wara li familtu telqet minn hemm u marret tgħix f'art oħra. Ħadet deċiżjoni drastika wara li pajjiżha ġratlu storja tinkiteb. Imbagħad mar jistudja l-Amerka fejn baqa' jgħix u jaħdem (fl-Universita' ta' California) sakemm miet. Kellu ħajja 'interessanti'. Kiteb fuq pajjiżu - dak li ma baqax tiegħu - kiteb fuq ir-razza tiegħu - dik li ma baqgħetx tinftiehem - u kiteb fuq il-letteratura Ingliża - dik li studja u pprofessa fiha. Kien ukoll membru tal-parlament fl-eżilju ta' pajjiżu. Ċaħad ftehim politiku li l-kap ta' pajjiżu għamel u allura irriżenja mill-kariga ta' membru parlamentari. Darba gara ġebla kbira fuq kmajra ta' sentinella. Jekk tara ritratt tiegħu - perezempju dan t'hawn fuq - ma taqtgħux bniedem vjolenti. Garaha għax kien intellettwali. U tajjeb naraw li Al-Ġażira, fl-obitwarju li ħarġet wara mewtu, irrimarkat li dan l-intellettwali ma garax ġebla lejn is-sentinella imma garaha kif inhi t-tradizzjoni fl-inħawi tal-fruntiera bejn il-Libanu u Israel. Bħas-soltu il-media ma tafx tkun newtrali.

Edward Said twieled fil-Palestina. Bħal hafna oħrajn bħalu spiċċa eżiljat. Palestinjan b'isem mhux-Għarbi. Anzi b’isem Kristjan, bħalma kienet familtu, bħalma kien hu. Imma baqa' Għarbi sa l-aħħar nifs ta' ħajtu. U baqa' Palestinjan: imweġġa' mhux biss bil-mod kif l-Israeliti kissru lill-poplu tiegħu, imma wkoll imweġġa' kif il-mexxejja ta' pajjiżu ħolqu ftehim li kien imur kontra l-interessi ta' l-istess pajjiż li kienu qegħdin imexxu. Imweġġa' għax qalagħha fuq diversi fronti: fosthom għaliex intebaħ li l-mod kif il-Punent iħares lejn pajjiżu u razztu huwa mod razzist u mimi sterjotipi u klixejiet; minbarra l-fatt li huwa mod żbaljat ta' kif tħares lejn din ir-razza antikissma li fl-imgħoddi kienet magħrufa l-aktar għall-genji li kienet tipproduċi. Imweġġa' wkoll għax l-ideal tiegħu ma rahx iseħħ: dik li ma jkunx hemm żewġ nazzjonijiet imma wieħed b'żewġ popli jgħixu fih: il-Palestinjani u l-Lhud tal-Palestina.

Kien intellettwali imweġġa' u muġugħ.

Eżiljat li ħadem biex niesu jkollhom dar flimkien ma' l-'oħrajn' li tgħidx kemm jisparaw fuqhom. Imma jkollhom dar. Ħadem mill-eżilju. Emmen fl-ugwaljanza u fl-umanita'.

Wara mewtu ġie mfaħħar f'kull rokna tad-dinja. Anki Jasser Arafat, li ma marx għal għajn Said, ħareġ ifaħħru u sejjaħlu: "il-bniedem li tant emmen fil-liberta' umana, u fid-drittijiet ta' l-individwu." Kontra dak li jgħidu xi whud, Said ma kienx anti-Israelit. Irrikonoxxa l-fatt li l-Lhud kienu vittmi għal snin twal ħafna. Irrikonoxxa l-fatt li l-poplu tiegħu kien vittma tal-vittmi.

L-ikbar xhieda ta' dan jagħtiha Daniel Barenboim - il-prodigu mużikali Lhudi ta' dixxenenza Russa, li ried jikkonvinċi lill-Israeliti jdoqqu 'l Wagner f'Israel, u li ma' Said, waqqaf orkestra ta' mużiċisti żgħażagħ Għarab u Lhud: "Ma ninsa qatt dak il-jum meta (Said) ikkonvinċa sala mimlija żgħażagħ Għarab, Israeliti, u Ġermaniżi, li x-xitan jinsab f'kull wieħed minna."