mp

20.3.04

Email mingħand ġurnalist

Ġurnalist ieħor jitlobni intervista rigward id-dħul fl-Unjoni Ewropea ta' din l-art ħelwa. Se nibda nemmen li fil-fatt Malta hi importanti għall-Ewropej l-oħra…għallinqas mil-lat kulturali.

Fl-email tiegħu, il-ġurnalist Taljan li jaħdem għar-radju Svizzeru RTSI talabni nikkummenta dwar "ir-realtà tal-belt ta' Paceville, il-kuntradizzjonijiet tagħha fir-rigward ta' l-istorja u l-preżent." Kollox sew, ħsibt, din taf tkun okkazjoni.

Paceville, għal dawk li ma jafu xejn dwaru, huwa l-belt kapitali tad-divertimenti f'Malta, b'ruxxmata pubs, diskoteki (jew kif inhuma msejħa llum il-ġurnata, clubs), swali taċ-ċinema, pizzeriji, ristoranti u x'naf jien, li, fi tmiem il-ġimgħa, tilqa' eluf ta' żgħażagħ u nies mhux daqshekk żgħażagħ, li jmorru hemm bit-tir li jinsew id-dwejjaq tal-kumplament tal-ġimgħa. E, għax kont għoddni nsejt, hemm ukoll Knisja-Ċentru Kattoliku intiż biex jilqa' fih żgħażagħ li qegħdin ifittxu l-ispirtu qalb dak l-istorbju kollu … bħallikieku l-Knisja Kattolika, li tant qiegħda taħdem biex tirreżisti l-mewt tagħha, kienet se tabdika minn art daqshekk fertili! Dan hu eżempju tassew tipiku tal-kuntradizzjoni Maltija!

M'għandi l-ebda ħjiel meta Paceville sar il-kapitali tad-divertiment. Jien nafu minn dejjem. Waqt li kont qiegħed inqalleb xi gazzetti mis-snin sebgħin sibt numru ta' referenzi notorji għal dan il-post. Notorji? Dażgur, Paceville jidher fl-ewwel paġni xi kultant, b'xi aħbar dwar żgħażagħ arrestati minħabba pussess ta' droga (illum tkun coke jew ecstasy qabel kienet ħaxixa jew speed), ġlidiet, u xi qtil ukoll. Jidher li lura fis-sebgħinijiet Paceville kien l-istess. Huwa l-post fejn il-lejl qatt ma jixjieħ, fejn il-ħoss jgħajjat jieħu priorità, fejn it-tfajliet iqaċċtu kemm jifilħu, fejn is-subien jikxfu t-tendenzi maco tagħhom kull ċans li jsibu, fejn l-alkoħol jiġi kkunsmat bl-addoċċ. Paceville hu dan kollu u probabbilment ħafna iktar ukoll.

Ximindaqqiet iżuruh żewġ klassijiet ta' nies opposti għal xulxin: il-kittieba u l-politiċi. Dawn ta' l-aħħar jagħmlu appuntament ma' Paceville waqt xi kampanja elettorali, għax huwa importanti li darba f'mitt qamar jiskopru d-dinja żagħżugħa u jagħmlu li jistgħu biex idabbru xi ftit mijiet ta' voti. Il-kittieba, min-naħa tagħhom, dawru lil Paceville f'paradimma li tagħti ħafna frott. Jien indfart f'dan, u l-istess għamel Joseph, sive Ġużè Stagno u anki l-anzjan Frans Sammut u xiħadd iehor li bħalissa ma nistax niftakar ismu. Issa, milli jidher, anki l-ġurnalisti Ewropej qed jinġibdu lejn dal-post.

Paceville huwa paradimma fl-aħħar mill-aħħar għax joffri numru kbir ta' opportunitajiet għal studji dwar x'qiegħed jiġri fuq dil-gżira. Wara kollox mhumiex biss il-każini tal-banda, il-purċissjonijiet reliġjużi, id-drammi tal-passjoni fi żmien ir-randan, l-attivitajiet intiżi biex jinġabru l-flejjes għall-imsejkna partiti politiċi foqra li hawn u ħwejjeġ ta' dan it-tip li jsawru l-mappa kulturali ta' dil-gżira. Hemm ukoll il-belt ta' Paceville u ċ-ċittadini tagħha.

Sa ċertu punt, Paceville huwa mikrokożmu tas-soċjetà Maltija. Xi nħawi huma ffrekwentati mit-teenagers, oħrajn minn dawk li għalqu l-għoxrin, oħrajn minn dawk li daħlu fit-tletin u anki fl-erbgħin. Hemm postijiet riservati għall-headbangers (iva din l-ispeċi għadha ħajja!), oħrajn għar-ravers (Madonnaaaa!), u oħrajn għal min jaf min. Hemm ukoll demarkazzjoni soċjali, għax il-klassi soċjali, minkejja li sparixxiet mill-aġenda politika u akkademika, għadha magħna. U, kif għidt aktar qabel, hemm ukoll spazju għal minorità reliġjuża.

Għandi mnejn inżur Paceville dalwaqt bis-saħħa tal-ġurnalist Taljan. M'għandix dubju li se jitlagħli ġismi xewk xewk għax Paceville qatt ma kien favorit tiegħi. Forsi għax jien wisq imkabbar biex noqgħod nitlajja f'din il-belt tad-divertiment.

5.3.04

Tgħid Malta daqshekk differenti?

Xi ġimgħat ilu kelli intervista ma’ ġurnalist mir-rivista Franċiża L’Express, li bħalissa qiegħda għaddejja b’serje ta’ intervisti ma’ kittieba mill-pajjiżi membri l-ġodda ta’ l-UE. Fost il-ħafna suġġetti li ddiskutejna, il-ġurnalist deher parikolarment interessat fil-karattru Mediterranju tal-gżejjer Maltin.

Il-paradimma tal-Mediterran jidher li qiegħda tiġbed l-attenzjoni mhux biss tal-ġurnalisti iżda wkoll ta’ dawk in-nies interessati li qegħdin jiffukaw ħarsithom fuq l-iżgħar pajjiż membru ta’ l-UE wara 1 ta’ Mejju 2004. Lili din il-paradimma tassew tikkonfondini għaliex tistenna li pajjiż fil-Mediterran ikun differenti ħafna, anzi distinti, mill-kumplament tal-pajjiżi Ewropej li jinsabu f’naħat oħra tal-kontinent.

Liema huma, jew liema għandhom ikunu dawn id-differenzi, onestament ma nafx. U aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar din id-distinzjoni tiċċajpar.

Hemm ħafna klixejiet madwar il-pajjiżi tal-Mediterran. Xi wħud jgħidu li huma tant “colourful” … min jaf xi jfisser dan! Oħrajn jgħidu li l-Mediterran huwa reġjun ibaqbaq bil-passjoni u l-emozzjoni. Oħrajn jarawh bħala reġjun problematiku ġaladarba fih jiltaqgħu t-tliet reliġjonijiet monoteistiċi ewlenin. U ssib oħrajn li jgħidu li hemm ċerta maġija ddawwar il-Mediterran, x’aktarx minħabba ċ-ċiviltajiet antikissmi li oriġinaw fih.

Hu kemm hu veru dan kollu, wieħed ma jistax ikun daqshekk kategoriku. Il-kulur jinsab f’kull parti tad-dinja, anki fl-aktar inħawi ċassi mimlija borra tal-kontinent. Il-passjoni, kif naraha jien, hija karatteristika bażika fil-bnedmin li tista’ tintwera b’modi differenti, iżda dejjem qiegħda hemm. U, jekk il-Mediteran huwa l-lok fejn jiltaqgħu tliet reliġjonijiet monoteistiċi (kif fil-fatt hu) hemm partijiet oħra fl-Ewropa fejn jiltaqgħu reliġjonijiet oħra. Wieħed ma jistax jinsa pereżempju l-Bosnja Herzegovina fejn żewġ fergħat tal-Kristjaneżmu jiltaqgħu u jinterċettaw l-Islam.

Jien u nivjaġġa fis-Slovakkja aktar kmieni din is-sena, ma stajtx ma ninnutax kemm il-ħajja f’dan il-pajjiż hija ‘insulari’ minkejja li din hija art li m’għandhiex qatra waħda baħar tmiss magħha. Żewġ Sibtijiet f’wieħed mill-ħwienet tax-xorb f’subborg ta’ Bratislava kienu biżżejjed biex nilmaħ il-karattru ferrieħi, festeġġjanti u ikkulurit tan-nies tal-lokal. L-istess ħaġa rajtha meta kont Sarajevo u anki fir-raħal Pollakk ta’ Kazimierz Dolny.

Biss, jekk wieħed irid ikun mikroskopiku fl-analiżi tiegħu, id-daqs jista’ fil-fatt jagħmel differenza. Malta hija tant żgħira li tista’ tħares lejn it-truf minn kważi kull naħa tagħha. U dan għandu effett ovvju fuq il-perspettiva tad-distanza. M’għandniex xi ngħidu, bħal bosta affarijiet oħra fil-ħajja, id-distanza hija relattiva. Vjaġġ ta’ siegħa min-naħa t’isfel ta’ Malta għat-tarf ta’ fuq nett jinħass ħafna itwal minn vjaġġ ta’ siegħa b’ferrovija minn belt għal oħra fuq il-kontinent Ewropew.

Id-distanza bilfors li jkollha effett fuq moħħ in-nies. M’għandi l-ebda dubju fuq dan. Aktar ma d-distanza hi żgħira anqas wieħed jinkwieta fuq il-ħin ngħidu aħna. Filwaqt li xi wħud jistgħu jinterpretaw il-karattru Malti bħala kajman jekk mhux ukoll għażżien u indixxiplinat, naħseb li din il-partikularità hija dovuta kollha kemm hi għad-daqs u d-distanza. M’hemm kważi problema ta’ xejn li tasal tard, u allura għala tinkwieta?

Huwa minnu li l-pajjiżi kollha huma differenti. Aktar ma l-paragun ikun kbir, aktar se jidhru dawn id-differenzi. Dan il-punt joħroġ sew jekk tipparaguna lil Malta mal-Fillandja ngħidu aħna. Iżda jekk il-paragun ikun ma’ l-Italja, id-differenzi se jiċċajpru u jsiru minimi.

U allura titfaċċa d-differenza bejn id-differenza u d-distinzjoni. Meta wieħed jipprova jaqta’ lill-Mediterran bħala reġjun fi klassi għalih, ikun, fl-opinjoni tiegħi, qiegħed jagħmel żball li jeħtieġ li jiġi msewwi.