mp

19.9.03

L-isbaħ mara tad-dinja

Malta's Sleeping Lady





M'għandi l-ebda dubju, li din hija l-iktar biċċa xogħol artistika meraviljuża. Mara mimduda fuq il-lemin tagħha, li ilha rieqda għal tlitt elef sena - uħud jgħidu anki erbat elef. Mhijiex mejta. Sempliċiment rieqda. Jista' jkun ukoll li qiegħda toħlom: ħolma tant sabiħa li ddeċidiet li ma tqum qatt.

Il-Mara r-Rieqda, li tagħha għandi replika rħisa minn dawk li ssib tixtri fil-ħwienet tas-souvenirs fuq l-iskrivanija, minn dejjem affaxxinatni. Id-daqs tagħha huwa 7ċmX12ċmX6.89ċm, kienet instabet fil-kamra l-aktar ċentrali ta' l-Ipoġew
, it-tempju sotterran li kien skopert b'ċikka fir-Raħal il-Ġdid fl-1902. L-istatwetta immotivat lil ħafna nies, li jvarjaw minn arkeologi stmati sa xi erba' New Age Freaks, biex jippruvaw jifhmu s-simboliżmu tagħha.

It-teoriji kollha donnhom li jiċċentraw fuq it-twemmin li fuq il-gżira dak iż-żmien kienet tgħix soċjeta' matriarkali. Għaldaqstant, il-Mara setgħet kienet simbolu ta' l-Art Omm, jew xi simbolu tal-Fertilita'. Oħrajn jaslu biex iħarsu lejn il-Mara r-Rieqda bħala l-figura ta' xi alla, tant li hemm min isejħilha l-Alla li Qiegħda Toħlom. M'għandniex xi ngħidu li dan it-titlu huwa popolari aktar mill-ieħor ma' movimenti ta' Nisa New Age, li ninsab ċert li dak li se nsegwi bih ma jagħtihomx gost. Ġaladarba l-post fejn instabet l-istatwetta kien tempju sotterran li mbagħad serva wkoll ta' midfna, hemm uħud li jemmnu li l-Mara hija l-personifikazzjoni tal-Mewt...mhux il-Mewt li teqred u taħsad darba għal dejjem, iżda l-mewt bħala raqda twila li terfagħlek ir-ruħ mill-ġisem rieqed u tieħdu lejn il-lilhinn. Tassew kuntrast qawwi bejn din il-Mara qawwija u l-figura post-Kristjana tal-mewt bħala skeletru bla laħam, jitbissimlek dik it-tbissima ċinika.

Minħabba li jien materjalist, nissusspetta li meta niġu biex ninterpretaw iż-żminijiet l-antiki, għandna t-tendenza li nesaġeraw xi ftit mhux ħażin f'dak li ngħidu. Donnu li għandna t-tendenza li nipprojettaw il-preokkupazzjonijiet u x-xewqat tagħna fuq ix-xogħlijiet artistiċi ta' dawk ta' qabilna. Forsi nħossu wisq in-nuqqas ta' reliġjon, jew nindafru wisq fiha. Jew nippruvaw wisq insibu t-tifsira ta' l-attwali fil-primordjali. Ngħiduha kif inhi, li tkun eżoteriku saret moda. Jista' jkun ukoll li nirromantiċizzaw wisq lil dawk il-povri antenati u nattribwixxu tifsiriet spiritwali u reliġjużi għal kull biċċa oġġett li ħallew warajhom. U allura, l-istatwetta tal-Mara r-Rieqda, ġibnieha oġġett ta' kult, li bilfors serviet ta' personifikazzjoni ta' xi alla, jew ippersonifikat il-lilhinn...kienet dak kollu, jew xi ftit minn dak kollu, jew xiħaġa hekk. Kważi nemmnu li l-istatwetta setgħet addirittura waqgħet mis-sema bla ma nkisret.

U dan iġibni għal punt ieħor. Safejn naf jien, ħadd qatt ma jitkellem fuq l-iskultur, il-kreatur ta' din il-mara rieqda, il-ġenju li skolpieha. Nitkellmu fuqha - il-mara - bħallikieku kienet minn dejjem u mhux manifatturata. Min għamilha? Xi qassis li ried isaħħaħ l-awra madwaru billi joħloq figura? Xi qassisa li sawret il-figurin biex turih lin-nies ta' madwarha? Xi għalliem jew għalliema? Jew inkella seta' kien sempliċiment artist li lejla fost l-oħrajn, kien hemm dil-mara li ġibditlu l-attenzjoni? Kinitx xi mara, din li ġibdet l-għajn, li wara ġurnata tħaffer iż-żonqor b'biċċa żnieda biex jissawwar it-tempju, imtedded għajjiena mejta u raqdet minnufih? Setgħetx, wara kollox, din l-istatwetta kienet il-frott ta' mument ta' estru artistiku ta' skultur li tgħaġġeb wara l-ġmiel ta' mara qawwija u b'saħħitha, li fid-daqqa u l-ħin ħataf ftit tafal u beda jnaqqax biex jirrikreaha, jiħdilha ritratt? Jew jistax ikun il-każ ukoll, li l-istatwetta 'divina' kienet is-sublimazzjoni tal-ħsibijiet żienja ta' dan l-iskultur, li xtaq lil din il-mara mibruma (li tidher liebsa biss dublett)? Jistax ikun li l-Mara r-Rieqda nofsha għarwiena, aktar milli oġġett divin, kienet oġġett ta' impulsi erotiċi? Wara kollox l-irġiel iħobbu n-nisa, in-nisa jħobbu n-nisa, l-irġiel l-irġiel, in-nisa n-nisa ...

X'jiġri jekk xidarba, ngħidu aħna fi żmien ħames mitt sena, xi sinjur Malti jiddeċiedi li jħaffer il-garigor tiegħu lejn iċ-ċentru tad-dinja, u fil-proċess isib statwetta ta' raġel oħxon, mimdud fuq ix-xellug tiegħu?

14.9.03

Kemm suppost indumu niftakru/infakkru?

Skantajt mhux ftit, li Praga ma fakkritx il-ħamsa u tletin anniversarju ta' l-invażjoni Sovjetika. Inzertajt kont hemm, fil-21 ta' Awissu 2003. Morna l-Pjazza ta' Vaklav, jien u Jana, mingħalina li konna se naraw xiħaġa. Ma kien hemm xejn għajr is-soltu turisti jippassiġġaw, u immigranti, ġeneralment ta' ġilda sewda, iħeġġuk biex tidħol fin-nightclubs, anki filgħodu. Ma kien hemm l-ebda ħjiel li dik kienet data importanti. Il-ġurnal Dnes ippubblika facsimile tal-ħarġa speċjali tal-gazzetta ta' l-għada ta' l-invażjoni. Mill-bqija ma kien hemm xejn.

Skantajt, u jista' jkun ukoll li skruplajt xi ftit. Kont nimmaġina li dik kienet data importanti ħafna fl-istorja mqallba ta' l-ex-Ċekoslovakkja. Assumejt u ippretetendejt li kellu jkun hemm xi forma ta' kommemorazzjoni. Iżda ma kien hemm xejn. Stennejna sa wara nofsinhar. Xejn. Erġajna tlajna l-pjazza filgħaxija u ma kien hemm xejn xorta waħda. Forsi ċ-Ċeki ddejqu jiftakru. Forsi għejew. Forsi saħansitra jridu jinsew. U allura l-mistoqsija: kemm suppost indumu niftakru u nfakkru avveniment li ġara darba waħda?

Mhuwiex argument konness biss mar-rebbiegħa mitlufa Ċekoslovakka. Huwa argument li narah jgħodd ukoll għal Malta. Mumenti ta' taqlib politiku anki f'Malta seħħew. Uħud minnhom bqajna nfakkruhom, oħrajn intilfu. Ngħidu li għadna niftakru - mhux jien imma ta' qabli - id-dħul tal-Konvoj ta' Santa Marija. Ngħidu li għadna niftakru meta l-Italja ċediet għall-forzi ta' l-Alleati. Bqajna nfakkru l-Assedju l-Kbir, Jum ir-Repubblika. Nofsna għadhom ifakkru Jum l-Indipendenza u n-nofs l-iehor Jum il-Ħelsien. Dawn għadhom fostna, infakkruhom sena wara sena. Madankollu, kien hemm avvenimenti oħra li wkoll kienu importanti fin-nisġa ta' l-istorja ta' Malta, li llum m'għadhomx jiġu mfakkra: ġrajjiet li jħammru l-uċuħ wara li ħammru bid-dmija. Il-qtil ta' Karen Grech, il-qtil ta' Raymond Caruana, il-qtil ta' Nardu Debono, il-battalja f'Tal-Barrani. Dawn huma ġrajjiet li ma seħħewx sekli ilu. Seħħew il-bieraħ, u madankollu qegħdin jintesew. Hemm ġurnali li jippruvaw ifakkru iżda huwa ċar li t-tifkira ta' dawn qiegħda kulma jmur tintilef dejjem aktar.

Minbarra li huwa interessanti li wieħed jara għala ċerti dati jibqgħu jitfakkru u oħrajn le, huwa interessanti wkoll li wieħed jara għandniex nibqgħu niftakru u nfakkru ċerti dati. Forsi huma skomdi għal ħafna jew għal uħud. Forsi huma wisq tal-mistħija. Forsi jfakkruna wisq fil-firdiet sfortunati ta' bejnietna. Ngħiduha kif inhi: m'hemm xejn sabiħ x'tiċċelebra fl-anniversarju tal-qtil ta' Grech u ta' Caruana u ta' Debono. Lanqas fl-anniversarju tal-Battalja tal-Barrani. Huma ġrajjiet tal-mistħija. Iżda l-problema vera mhijiex il-mistħija. Il-problema vera hi li f'Malta għadna ma nistgħux nitkellmu fuq l-istorja liberament. Ma nistgħux nivvalutaw is-snin tas-Soċjaliżmu Malti u lanqas ma nistgħu nivvalutaw is-snin tal-Liberaliżmu f'Malta, għar-raġuni sempliċi li Malta hi maqsuma fi tnejn. Fredu Buttigieg,
f’Ir-Rewwixta tal-Qassisin jilmenta minn din l-attitudni meta l-karattru ta’ Mannarino jirrifjuta li jaħdem is-silta tar-rewwixta għax forsi xiħadd fil-platea jħossu skomdu billi seta’ kien hemm. Iċ-Ċeki jkellmuk fuq l-istorja ta' pajjiżhom u d-differenzi bejn qabel u wara r-rivoluzzjoni. Is-Slovakki jagħmlu l-istess. Imma l-Maltin ma jistgħux ikellmuk fuq żmien is-Soċjalizmu u warajh. Għax dak ikun jiddependi ħafna minn min ikun qiegħed jitkellem.

Stefanos Stavrides jgħix Nicosia. Kittieb Ċiprijott li ltqajt miegħu l-ewwel darba f'Sarajevo u rġajt iltqajt miegħu ftit tal-jiem ilu f'Parma. Lejla minnhom, bejn sigarett u ieħor, staqsieni fuq is-sitwazzjoni f'Malta bħalissa. Għidtlu li nista' ngħidlu x'inhi u anki x'kienet. Iżda gżidtlu wkoll li jaf jiltaqa' ma' Malti ieħor u jagħtih stampa kompletament differenti minn dik li nkun tajtu jien. Fehemni: mhux għax dak li għidt jagħmel sens, iżda għax pajjiżu maqsum fi tnejn ukoll: in-naħa Torka n-naħa Griega. U lanqas hu ma jista' jirrakkonta l-istorja liberament. Irid kontinwament jiġbidli l-attenzjoni li din hija l-verżjoni tiegħu ta' Ċiprijott Grieg. Ħadd aktar ma fehemna.

13.9.03

Ġimgħa ilu f'Parma

Ġimgħa ilu kont Parma għal tnedija ta' ktieb. Il-ktieb, Racconti Senza Dogana, ippubblikat minn Gremese Editore, u li kien jinkludi ħamsa u għoxrin novella, waħda minn kull pajjiż-membru ta' l-Unjoni Ewropea, kien miġbur mill-PEN Club Taljan fl-okkażjoni tal-presidenza Taljana ta' l-Unjoni Ewropea. Din ma kinitx l-ewwel darba li xogħol minn tiegħi ntgħażel biex jidher f'pubblikazzjoni speċjali ta' l-Unjoni Ewropea: l-okkażjoni l-oħra kienet poeżija ppubblikata f'antoloġija maħruġa mill-presidenza Belġjana xi snin ilu. Ma nafx meta kien eżatt u jien għażżien wisq biex immur niċċekkja issa. Il-pubblikazzjoni Taljana, li kienet tinkludi n-novelli fil-lingwa oriġinali u traduzzjoni għat-Taljan, kienet waħda miktuba minn awturi li kellhom 35 jew inqas. Erbat ijiem wara t-tnedija għalaqt 36. Imma insomma....

Xiħadd bagħat press release fl-istampa lokali li fiha kien hemm imħabbar dan l-avveniment. Kien hemm miktub ukoll li jien kont qiegħed nirrappreżenta lil Malta. Din li jien kont qiegħed "nirrappreżenta lil Malta" laqtitni mhux ftit u ġegħlitni naħseb. Kollox sew. ktibt in-novella apposta għal din l-antoloġija, u ċ-Ċentru Kulturali Taljan f'Malta ikkuntattjani bil-ħsieb li din in-novella tkun il-kontribuzzjoni Maltija għall-pubblikazzjoni Taljana. Iżda jekk wiehed kellu jistaqini x'hemm 'Malti' fin-novella, kont nibqa' bla kliem. Jekk xejn, in-novella tirrappreżenta lili: il-preokkupazzjonijiet tiegħi bis-soċjeta' kontemporanja (Maltija u barranija), anki jekk hija bbaħata f'Malta b'karattri Maltin tneħħi wieħed jew tnejn. Madankollu dan ma jfissirx li din in-novella tirrappreżenta lil Malta. B'kumbinazzjoni jien kittieb li twieled u għadu jgħix f'Malta, kollox sew, u l-istorja tiegħi dehret miktuba bil-Malti kif ukoll bit-Taljan.

Minix daqstant ċert li huwa xi unur tirrappreżenta lil Malta. Għax bla ma rrid nistaqsi lili nnifsi x'tani dal-pajjiż biex inħossni obbligat lejh tant li nasal nirrappreżentah. X'tawni l-istituzzjonijiet għolja ta' Malta lili? X'tawni l-potenzi Maltin? X'tani l-poplu Malti? U jekk it-tweġiba, bħalma nahseb li hi, hija "xejn", allura nibqa' nistaqsi l-għala għandi jien nirrappreżenta lil dan il-pajjiż. Iżda hemm mistoqsijiet oħrajn li suppost għandhom jiġu qabel dawn. Xi jfisser li tirrappreżenta lil Malta? X'inhi din Malta? Nifhem li hemm grupp ta' politiċi li jirrappreżentaw lill-poplu wara li dan eleġġiehom biex jagħmlu propju hekk. Nifhem li hemm president, anki jekk din hija kariga bla siwi, li ġie 'elett' mill-gvern li ġie elett mill-poplu. Nista' nifhem ukoll li hemm ħdax-il persuna li jilbsu l-flokk nazzjonali u jiġru wara l-ballun jirrappreżentaw lil Malta. Iżda fil-każ ta' kittieb, x'aktarx l-aktar ħlejqa egoċentrika u egoista li jista' jkun hawn fuq wiċċ l-art, din ir-rappreżentazzjoni ssir xiħaġa skomda.

Dan biex ma ngħidx ukoll li filwaqt li pubblikatur Taljan li ma jafnix minn Adam, ħareġ flusu biex jippubblikali xogħli, meta f'Malta - dik li suppost kont qiegħed nirrappreżenta f'Parma - ħadd ma indenja jagħmel hekk, tneħħi dak is-semi miġnun ta' Mark Vella tal-Minima Publishers. Biex ma nsemmix ukoll li l-illustri poeti Maltin ta' qabli ma tawnix il-Premju Letterarju s-sena l-oħra u minflok tawni t-tieni post. Dakinhar inqala' kjass minuskulu li jien, konxjament, irrifjutajt li nipparteċipa fih. Dan huwa dak li 'Malta' tatni. U jien, insib ruħi Parma 'nirrappreżentaha'.

Ninsabu Parma, fir-raħal żgħir ta' Compiano, mitluf qalb muntanji sbieħ iħaddru. Fuq il-quċċata ta' waħda minn dawn l-għoljiet hemm kastell. F'dan il-kastell hemm miġbura l-krema tal-kittieba Taljani, fosthom il-poetessa Alda Merini, maħmuġa tinten b’ilbies tal-ħabba gozz. Ma' dawn hemm ħamsa u għoxrin kittieb żagħżugħ mill-Ewropa l-Ġdida, kif issa kulħadd qiegħed isejħilha. Hemm ukoll ħafna nies ta' l-alta societa', imdawra b'politiċi Taljani, fosthom is-Sindku ta' Compiano u l-Ambaxxatur Taljan għall-Kultura (in-nomenklatura eżatta tiegħu, flimkien ma' ismu, insejthom). Tneħħi lil Merini u lil dik il-ġgajta żgħażagħ Ewropej, kulħadd donnu mudell għall-ħwejjeġ ta' Versace. Hemm kunċert fi knisja żgħira. Il-pjanista, teatrali kemm tridu, qiegħed idoqq il-marċ funebru ta' Chopin. F'daqqa waħda jdoqq il-mobile ta' xiħadd. U kulħadd jitkaża ovvjament.