mp

19.9.03

L-isbaħ mara tad-dinja

Malta's Sleeping Lady





M'għandi l-ebda dubju, li din hija l-iktar biċċa xogħol artistika meraviljuża. Mara mimduda fuq il-lemin tagħha, li ilha rieqda għal tlitt elef sena - uħud jgħidu anki erbat elef. Mhijiex mejta. Sempliċiment rieqda. Jista' jkun ukoll li qiegħda toħlom: ħolma tant sabiħa li ddeċidiet li ma tqum qatt.

Il-Mara r-Rieqda, li tagħha għandi replika rħisa minn dawk li ssib tixtri fil-ħwienet tas-souvenirs fuq l-iskrivanija, minn dejjem affaxxinatni. Id-daqs tagħha huwa 7ċmX12ċmX6.89ċm, kienet instabet fil-kamra l-aktar ċentrali ta' l-Ipoġew
, it-tempju sotterran li kien skopert b'ċikka fir-Raħal il-Ġdid fl-1902. L-istatwetta immotivat lil ħafna nies, li jvarjaw minn arkeologi stmati sa xi erba' New Age Freaks, biex jippruvaw jifhmu s-simboliżmu tagħha.

It-teoriji kollha donnhom li jiċċentraw fuq it-twemmin li fuq il-gżira dak iż-żmien kienet tgħix soċjeta' matriarkali. Għaldaqstant, il-Mara setgħet kienet simbolu ta' l-Art Omm, jew xi simbolu tal-Fertilita'. Oħrajn jaslu biex iħarsu lejn il-Mara r-Rieqda bħala l-figura ta' xi alla, tant li hemm min isejħilha l-Alla li Qiegħda Toħlom. M'għandniex xi ngħidu li dan it-titlu huwa popolari aktar mill-ieħor ma' movimenti ta' Nisa New Age, li ninsab ċert li dak li se nsegwi bih ma jagħtihomx gost. Ġaladarba l-post fejn instabet l-istatwetta kien tempju sotterran li mbagħad serva wkoll ta' midfna, hemm uħud li jemmnu li l-Mara hija l-personifikazzjoni tal-Mewt...mhux il-Mewt li teqred u taħsad darba għal dejjem, iżda l-mewt bħala raqda twila li terfagħlek ir-ruħ mill-ġisem rieqed u tieħdu lejn il-lilhinn. Tassew kuntrast qawwi bejn din il-Mara qawwija u l-figura post-Kristjana tal-mewt bħala skeletru bla laħam, jitbissimlek dik it-tbissima ċinika.

Minħabba li jien materjalist, nissusspetta li meta niġu biex ninterpretaw iż-żminijiet l-antiki, għandna t-tendenza li nesaġeraw xi ftit mhux ħażin f'dak li ngħidu. Donnu li għandna t-tendenza li nipprojettaw il-preokkupazzjonijiet u x-xewqat tagħna fuq ix-xogħlijiet artistiċi ta' dawk ta' qabilna. Forsi nħossu wisq in-nuqqas ta' reliġjon, jew nindafru wisq fiha. Jew nippruvaw wisq insibu t-tifsira ta' l-attwali fil-primordjali. Ngħiduha kif inhi, li tkun eżoteriku saret moda. Jista' jkun ukoll li nirromantiċizzaw wisq lil dawk il-povri antenati u nattribwixxu tifsiriet spiritwali u reliġjużi għal kull biċċa oġġett li ħallew warajhom. U allura, l-istatwetta tal-Mara r-Rieqda, ġibnieha oġġett ta' kult, li bilfors serviet ta' personifikazzjoni ta' xi alla, jew ippersonifikat il-lilhinn...kienet dak kollu, jew xi ftit minn dak kollu, jew xiħaġa hekk. Kważi nemmnu li l-istatwetta setgħet addirittura waqgħet mis-sema bla ma nkisret.

U dan iġibni għal punt ieħor. Safejn naf jien, ħadd qatt ma jitkellem fuq l-iskultur, il-kreatur ta' din il-mara rieqda, il-ġenju li skolpieha. Nitkellmu fuqha - il-mara - bħallikieku kienet minn dejjem u mhux manifatturata. Min għamilha? Xi qassis li ried isaħħaħ l-awra madwaru billi joħloq figura? Xi qassisa li sawret il-figurin biex turih lin-nies ta' madwarha? Xi għalliem jew għalliema? Jew inkella seta' kien sempliċiment artist li lejla fost l-oħrajn, kien hemm dil-mara li ġibditlu l-attenzjoni? Kinitx xi mara, din li ġibdet l-għajn, li wara ġurnata tħaffer iż-żonqor b'biċċa żnieda biex jissawwar it-tempju, imtedded għajjiena mejta u raqdet minnufih? Setgħetx, wara kollox, din l-istatwetta kienet il-frott ta' mument ta' estru artistiku ta' skultur li tgħaġġeb wara l-ġmiel ta' mara qawwija u b'saħħitha, li fid-daqqa u l-ħin ħataf ftit tafal u beda jnaqqax biex jirrikreaha, jiħdilha ritratt? Jew jistax ikun il-każ ukoll, li l-istatwetta 'divina' kienet is-sublimazzjoni tal-ħsibijiet żienja ta' dan l-iskultur, li xtaq lil din il-mara mibruma (li tidher liebsa biss dublett)? Jistax ikun li l-Mara r-Rieqda nofsha għarwiena, aktar milli oġġett divin, kienet oġġett ta' impulsi erotiċi? Wara kollox l-irġiel iħobbu n-nisa, in-nisa jħobbu n-nisa, l-irġiel l-irġiel, in-nisa n-nisa ...

X'jiġri jekk xidarba, ngħidu aħna fi żmien ħames mitt sena, xi sinjur Malti jiddeċiedi li jħaffer il-garigor tiegħu lejn iċ-ċentru tad-dinja, u fil-proċess isib statwetta ta' raġel oħxon, mimdud fuq ix-xellug tiegħu?

0 Comments:

Post a Comment

<< Home