mp

18.8.05

Ħajr ...

... lil dawk il-bosta minnkom li esprimew xewqat sbieħ permezz tal-kummenti fil-blogs, ta' l-emails, u ta' l-sms.

apprezzajna kull awgurju.

manuel u jana

13.8.05

blobb (3)

Ritratti

Qabel l-era diġitali il-ġbid tar-ritratti x'aktarx li kellu ċertu gost li llum intilef. Kien hemm ritwal sħiħ li bih kienu jissawru r-ritratti. Dak iż-żmien - qiegħed nalludi għas-70ijiet - ir-ritratti kienu jittieħdu l-aktar f'xi okkażjoni speċjali, ngħidu aħna xi magħmudija, xi festin tal-preċett jew tal-griżma ta' l-isqof u okkażjonijiet oħra simili. X'aktarx li kienu jinġibdu b'xi Kodak instamatic, minn dawk li kien ikollhom bozoz kwadri tal-flash li jduru ma' kull darba li jiddawwar il-film għal ritratt ġdid. Il-films kienu jkunu bojod u suwed, il-kulur daħal aktar tard, bi tnax jew għoxrin ritratt kull film, bl-istrixxi kannella skur tan-negattivi. Min bħali għex ir-Raħal Ġdid, x'aktarx li kien jieħu r-ritratti għall-iżvilupp għand
Agius Photo Studio, fejn l-iżvilupp kien jieħu xi jumejn. Imbagħad, wara jumejn fuq ix-xwiek kont tmur għand Agius u hemm jitfaċċaw quddiemek ir-ritratti, ġeneralment kwadri b'bordura rqiqa rqiqa bajda. Xi ritratti kienu jkunu tajbin, oħra imċaqalqa, oħrajn b'xi ras maqtugħa, oħrajn mudlama jew imdawla żżejjed. Kien ritwal ta' mistennija kbira, li llum bid-digital, intilef u ntesa.

Ritratti (2)

Għal dawn l-aħħar ġimgħat (jekk mhux xhur)
Mikiel Galea bbloggja dwar iż-żgħożija hippy tiegħu u ta' sħabu ta' fuq iċ-ċint. Is-serje kisbet suċċess kbir, kemm ma' dawk tampar Mikiel, kif ukoll ma' dawk ħafna iżgħar li jinsabu mxennqa għal ħajja u sotto kultura li qatt ma rrepetiet ruħha. Minn kummenti li għadda Toni Sant, jidher li dan se jikteb il-memorji tiegħu ta' l-istess epoka. Dan li ġej huwa aperitif għall-memorji ta' Toni:

Time (out)

Kien ritratt pubbliċitarju ta' banda pop bl-isem ta' Time, banda pop li tat kunċert wieħed biss u mbagħad żarmat. Wara l-avventura ta' darba ta' Time, l-ewwel wieħed mix-xellug intefa' jdoqq u jxandar, it-tielet wieħed intefa' jikteb. It-tnejn l-oħra ma nafx x'sar minnhom. Xi snin ilu ġie f'idejja l-poster pubbliċitarju ta' Time, imma tliftu. Forsi llum, fl-era diġitali, l-ewwel wieħed mix-xellug jista' jagħmel scan tal-poster u jibgħathuli bl-email. Tajjeb li ngħidu li dan ir-ritratt inġibed fl-1983 minn Aldo Gatt, li aktar tard mexa triqtu barra minn Malta. Kien l-ewwel ħabib tiegħi li emigra. Illum il-lista ta' ħbieb li emigraw twalet mhux ħażin, fosthom l-ewwel wieħed mix-xellug.

L-Emigranti tal-bozoz tal-flash kwadri

Fl-era tal-kamra tar-ritratti bil-bozoz tal-flash kwadri, l-emigranti kellhom stejjer oħrajn. Jien għext mill-qrib dawn l-istejjer fl-1974, fl-1980 u fl-1981 meta emigraw ħuti lejn down under. Niftakar il-famuża 'kaxxa', b'indirizz ta' xiħadd Melbourne miktub b'żebgħa sewda b'kull ittra daqsiex, il-biki u x-xehir dakinhar filgħodu tat-titjira, l-ajurplan jinqata' mill-art fl-ajurport ta' Ħal-Luqa, u n-niket. Imbagħad l-ewwel telefonata min-naħa l-oħra tad-dinja li nofs il-ħin tagħha kien jintilef fl-ilfiq. Niftakar li min kien jitkellem fuq it-telefown kien jarma jagħjat għax jaħseb li d-distanza bejn it-telfown fl-Awstralja u dak f'Malta kienet tesiġi li tħanġar biex il-leħen jasal żgur. Niftakar it-telefonati mid-djar tal-ġirien għax tal-Lorry għamlulna salib aħmar fl-applikazzjoni għat-telefown u ma ridux jagħtuhulna, u allura l-biki u l-ilfiq u l-għajat kien jitlef kull sens ta' privatezza u diċenza. Imbagħad, xi darba kultant, kien jitfaċċa xi Malti-Ostreljan b'xi qmis iċċangjata, b'xi bermuda, kalzetti twal u sandli, b'xi salib ta' Malta tad-deheb ileqq fuq sidru, ġej minn down unda', jaf lil qaribek, u int iddaħħlu jieħu grokk biex tistaqsih kif inhuma, u flok grokk iniżżillek flixkun whisky sħiħ, u mbagħad titolbu pjaċir iwassallek xi rigal żgħir lil qaribek mitluf hemm isfel, u flok rigal żgħir tispiċċa tgħabbi lil dan il-Malti-Ostreljan b'ruxxmata imbarazz u min jaf kemm jidgħilek minn taħt. U l-famużi casettes: fejn il-familja kollha tinġabar biex tgħaddi messaġġ irrekordjat twil xi għaxar minuti, li kwart minnhom kienu jkunu biki u lfiq: għidlu hello lil Fransi ... għidlu li l-Hibs m'għamlu xej' dis-sena ... għidlu li l-Milan tilfu ma' l-Inter ... għidlu kemm mort tajjeb fl-eżamijiet ... imbagħad jintbagħat kollox bil-posta (bil-baħar) u xi ġimgħat wara jasal cassette ieħor b'risposta: aħna tajbin ta ... toqogħdux tinkwetaw għalina ... Leli ta' maġenbna għadu ħaj? U l-famużi parcels fihom daqs dinja: il-fardal bil-kangaroo għall-mummy, il-qmis iċ-ċelesti bl-istampa tal-koala fuq il-but għad-daddy, it-t shirt bil-boomerang għaż-żgħir. Dak iż-żmien kien fadlilhom biex jitfaċċaw l-emails, l-e-cards u l-Iskype.

X'aktarx

X'aktarx li se nieħu pawsa ta' xi jiem/ġimgħat. Sadattant, kif kien jgħid il-Beatu Ġorġ Preca: ġid lil kulħadd u deni lil ħadd.

Mużika fl-isfond: Tomorrow's Calling, Marianne Faithfull

10.8.05

Blobb (2)

Storja
Darba rrakkuntajt l-istorja ta' ħamsa min-nies li telgħu Ta' Ċenċ biex jisimgħu ċ-ċief. Jitbekka ċ-ċief billejl. Għandu għajta li taf tibda tbeżżgħek fil-waħx tad-dlam u l-ftuħ ta' fuq l-irdumijiet. Jekk titla' l-korsa tal-golf, x'jagħmel iċ-ċief? Jitbekka aktar jew jibgħatna nitnejku?
Jitilgħu Ta' Ċenċ
Issa jmiss lill-Fundazzjoni Ceratonia titla' Ta' Ċenċ. Mhux għas-smigħ tal-biki taċ-ċief. Għal passiġġata. Passiġġata biex tiftaħ l-għajnejn u l-imħuħ. Bħal ħafna oħrajn, irċevejt stedina li minħabba raġunijiet familjari ma nistax nilqa'. Ħasra. Forsi ċ-Ceratonia jmissha tistieden lil dawn it-tnejn għall-passiġġata wkoll, wieħed minnhom, fis-snin tmenin, kien iħobb il-fjuri (l-aktar dawk li ma jikbrux fil-parlament) u l-ieħor jgħidu li hu raġel tar-ruħ.
Biss, jekk inti tista', nhar is-Sibt 13 ta' Awissu, kun quddiem il-Knisja tas-Sannat, fis-sitta ta' filgħaxija.
Spazji
Hu indikat li l-ispazju ħadrani propost biex xi erba' sinjuri joqogħdu jdaħħlu l-blalen fit-toqba kbir daqs l-arja kollha ta' Tas-Sliema.
Spazji (ii)
Jekk l-ispazji kbar li joffru l-meded ta' nħawi oħra mhumiex biżżejjed biex ituqu r-ruħ, jiswa li tiċċaqlaq minn postok?
X'jiġri meta anki lilek taħtfek il-ħeffa tmarrdek ta' l-essri?
Kitba
X'jibqa' fik meta tirċivi kartolina b'messaġġ miktub bilkemm jingħaraf mingħand l-eroj, u taf li dan se jkun l-aħħar dokument miktub b'idejh indirizzat lilek?
Kitba (ii)
Ma nafx għaliex imma wara li qrajt il-messaġġ kriptiku ta' l-eroj, tani li naqra waħda mill-isbaħ ittri li qatt inkitbu:
dejjem tiegħek
dejjem tiegħi
dejjem tagħna
L.
LB
Ludwig van Beethoven: Is-Sonata għall-Pjanu nru 26, l-ewwel moviment Das Lebewohl.
imbagħad is-skiet.

3.8.05

Blobb

12.01pm

Xi mkien mhux wisq 'il bogħod minn Ħ'Attard ilhom itellgħu murtali mit-tmienja bomm. Ħallihom ħa jgawdu la għandhom il-festa. U issa dalwaqt niċċelebraw is-seba' madonni; u wasalna f'Awissu u daqt ikun għadda staġun ieħor tal-festa, u tajjeb li nispiċċaw bil-kbir għax ta' l-aħħar ...
***

Ereżija wkoll sab il-ħin li jaqra Kimika u minbarra hekk kien ġentili biżżejjed li jaqsam ma' kulmin jaqra l-blogg tiegħu r-reazzjonijiet tiegħu dwar il-ktieb. Mingħajr il-ħafna retorika ta' ringrazzjamenti u apprezzamenti u x'naf jien, inserraħ rasi li għal xi wħud il-letteratura għadha relevanti. Anzi nasal ngħid li hija relevanti għal ħafna. Ir-relevanza tal-letteratura, għallinqas f'Malta, ġiet problematizzata f'artiklu li laqatni mill-ewwel ta' Dr Marco Galea, fit-Tabellina. Ġiet problematizzata aktar minn Stella Camilleri, fi bloggata skjetta li ġegħlitni naħseb ħafna.
Iżda lura għall-kummenti ta' Ereżija ... Hemm kummenti qawwija li anki lili tawni ħasda. Pereżempju t-titlu, L-innoċenza li qatt ma tlifna, li Ereżija jużah bħala tema tul il-bloggata kollha. L-innoċenza ta' poplu li għandi dubji serji jekk qattx kien verament iħaddan, jew kinux il-kittieba ta' dari li ħolqu dan il-mit madwaru. Jien aktar naħseb li hu każ tat-tieni.
***
Semmejt it-Tabellina. Ħadna pjaċir li Toni Sant ikkontribwixxa għall-aħħar aġġornament tal-ġurnal. Terġa', iddedika bloggata dwar l-istess artiklu. L-istess bħal Toni, kont qrajt il-ktieb ta' Eugenio Barba dwar il-gżejjer li jgħumu fil-wiċċ meta kont għadni involut fit-teatru. Barba mhuwiex teatrant konvenzjonali, mhux biss għax it-teatru li ħadem minnu nnifsu spara 'l barra mill-konvenzjonijiet (kif wara kollox għamlu t-teatranti l-aktar importanti fl-istorja tat-teatru) imma għaliex kien ukoll poeta tal-kliem. Nixtieq nieħu l-okkażjoni nsellem lill-bniedem li mhux biss ħadem ma' Barba imma wkoll kien hu li introduċieh fl-istudji teatrali fuq il-Blata, Ġanni Schranz. Kemm Toni Sant, kemm jien u kemm oħrajn tgħallimna ħafna mingħand dan il-bniedem, li bl-idjonsinkraziji kollha tiegħu, darba waħda welled viżjoni f'moħħu u għadu jaħdem għaliha sal-lum, minkejja l-kuntrumbajsi kollha.
***
Fl-aħħar paragrafu ta' l-artiklu tiegħu, Toni Sant jikteb hekk:
Fl-1994 ħtieġli nitlaq minn Malta. Minn dakinhar addottajt stil ta’ ħajja li spiss iġegħelni nistħajjel li qiegħed ngħix fuq gżira tgħum fil-wiċċ. Filwaqt li biż-żmien drajt ngħix barra minn Malta, żammejt ir-rieda li nibqa’ barrani.
It-toroq mgħawġa u misterjużi tal-ħajja ġabuni aktar insè ta' dawn il-ħsibijiet min-naħa l-oħra ta' l-istorja: meta minħabba fik xiħadd jispiċċa jitlaq kollox warajh u jispiċċa fuq blata għal kollox aljena għalih. It-toqol tar-responsabbiltà li tħoss wara li tkun qlajt lil xiħadd minn qoxortu, ġegħiltu jaqsam l-artijiet u l-ibħra, jillandja fuq żrara 'sempliċiment' biex ikun miegħek, hija responsabbiltà enormi ... u hu propju issa li bdejt inħossha. Biex ma nsemmux li tista', bħal fil-każ tiegħi, taqla' lil xiħadd minn appartament bit-twieqi jagħtu għal fuq muntanji ħodor, b'kilometru biss 'il bogħod minn foresti ma jispiċċaw qatt mimlija siġar iħokku s-sema, għasafar li ħadd ma jaf kif tisparalhom, annimali li ħadd m'għandu d-demm li jikkaċċjahom, xmajjar inġazzati mnejn tista' tixrob waqt li tgħum, u qċaċet oħra fejn il-pulmun tħossu kif qatt ma ħassejtu qabel, biex imbagħad isib ruħu fuq blata fejn is-siġar kollha tiġborhom f'metru kwadru, fejn allaħares jitfaċċa għasfur għax tinħaraq kaxxa infernali sħiħa, fejn diffiċli tagħmel differenza bejn l-ilma u l-bewl, u fejn qatt ma tista' tintilef.
Hemm stejjer ta' dijaspora minħabba x-xogħol; hemm oħrajn minħabba l-biża'; oħrajn minħabba l-ġuħ tal-ġisem jew tar-ruħ; oħrajn minħabba l-avventura. U hemm oħrajn li jseħħu sforz l-imħabba.
***
L-ewwel ritratt ikrah tad-dijaspora: Kelli dar. Illum m'hix tiegħi. Illum hemm raġel stramb b'mustaċċi folti u koroh qed joqgħod fiha. U miegħu għandu kelb, maħmuġ u mġiddem. U dan il-kelb il-maħmuġ qed jorqod fuq in-naħa tas-sodda fejn kont norqod jien.
***
L-ewwel ħsieb ikrah ta' min laqa' lill-immigrant f'daru: tgħid qed nirrabjahom lil dawk in-nies li għandhom ħafna għall-immigranti, bħal ċertu bloggej illustri li jitqanżaħ ħafna biex idaħħalhielna f'moħħna li t-terminu 'immigrant irregolari' huwa skorrett u għandna nużaw 'illegali' minflok? Wara kollox, illegali jew le, regolari jew le, illum jien responsabbli li ġibt persuna 'barranija' tokkupa spazju Malti. Imma mbagħad, wara kollox, il-barranija li ġibt jien mhix mill-Eritrea jew is-Sudan, mhix sewda faħma, anzi bajda karti, Ewropea ħafna aktar minni għax ġejja mill-pajjiż taċ-ċentru nett, mill-Ewropa ta' Abel, mnejn kienet titla' x-xemx, mnejn jafu jagħmlu r-rivoluzzjonijiet bil-bellus mhux jaqsmu l-ibħra fuq ċatra mtaqqba. Nista' nserraħ moħħi tgħid?
Mużika fl-isfond: Ancora, Ancora, Ancora, interpretazzjoni tal-vuċi t'alla mibdula f'dik ta' mara.