mp

25.7.05

Tismax li ġej jekk qatt ma għomt bil-lejl - Daniel Massa

Ophelia, John Everett Millais (1829-1896)


There, on the pendent boughs her coronet weeds
Clambering to hang, an envious sliver broke;
When down her weedy trophies and herself
Fell in the weeping brook. Her clothes spread wide;
And, mermaid-like, awhile they bore her up:
Which time she chanted snatches of old tunes;
As one incapable of her own distress,
Or like a creature native and indued
Unto that element: but long it could not be
Till that her garments, heavy with their drink,
Pull'd the poor wretch from her melodious lay
To muddy death
Hamlet. Is-seba' xena tar-raba' att
Ofelja tegħreq fix-xmara. L-istess Virginia Woolf: timla l-bwiet tal-kowt bil-ġebel tqil u tinżel fix-xmara Ouse mnejn qatt ma terġa' titla' tieħu n-nifs. Kien hemm każ f'Malta xi snin ilu, meta grupp ta' żeffiena kienu qed jaħdmu fuq il-blat u ġarrithom mewġa u għerqu.
Minn dejjem kelli relazzjoni stramba ma' l-ilma. Ma ngħixx mingħajru. Anki jekk inkun imsiefer għal ftit jiem u ma narax il-baħar, imqar fil-bogħod, inħoss bħal paniku jaħkimni wara jumejn tlieta. Mill-banda l-oħra, iżda, għandi ċertu biża' li jġegħilni noqgħod attent minnu, ma nafdahx; l-aktar meta nkun fih u nħares 'il barra lejn l-immensità kaħla li ma taralhiex it-tarf. Jista' jkun li din l-ambivalenza hija r-riżultat ta' programm fuq ir-radju li kont noqgħod nisma' m'ommi meta kont għadni żgħir ħafna: Il-Baħar Żaqqu Ratba u Rasu Iebsa, li kull episodju kien jirrakkonta xi traġedja fuq il-baħar, l-aktar ta' sajjieda Xlukkajri u Ġiljaniżi. L-effetti ta' l-awdjo, il-mużika drammatika u r-reċitazzjoni mqanqla kienu jkomplu jżidu ma' l-ingredjenti diġà traġiċi tal-programm. Il-baħar, tgħallimt, trid tħobbu u tibża' minnu fl-istess ħin ... l-istess bħal dak Alla li jibgħat it-tempesti u t-terremoti u l-karestiji fuq il-midinbin, li jitkellem bir-ragħad u jekk tħares lejh tagħma u tista' anki tmut.
Fl-1999, fuq stedina mid-Demarco Foundation, kont tlajt Edinburgh mal-grupp teatrali TMK li kont naħdem miegħu dak iż-żmien, l-ewwel grupp teatrali Malti li qatt ipparteċipa fil-Fringe ta' Edinburgh. Konna ppreżentajna l-premier ta' Ilma: sinfonija teatrali fi tliet movimenti. It-tieni moviment, kien ispirat mit-tliet imwiet b'għarqa li semmejt aktar 'il fuq. Anki jekk illum nemmen li "fil-mewt m'hemm l-ebda poeżija", kienu ħafna l-poeti, kittieba, pitturi u artisti oħrajn li raw ċerta poeżija, ċertu ġmiel, fil-mewt bl-għarqa. Forsi kien għalhekk li Virginia Woolf għażlet l-ilma bħala l-għodda għas-suwiċidju tagħha fl-1941. L-arti għandha ħabta li tibdel it-traġiku fis-sabiħ u toħloq poeżija minnu. Wieħed mill-aktar eżempji għal qalbi huwa l-poeżija ta' DanielMassa "Għawma bil-Lejl" (din li ġejja hi biss silta):
jekk tintelaq tgħum għal dahrek
ħalqek bħali mimli ilma
bejn Għawdex u Ras Qammiegħ
riħ is-skiet għaddej f'wiċċ l-ilma
jnebbħek bi qlugħ abjad
jingħi fil-fliegu
tard m'għoxrin fuq luzzu
wegħda fuq xufftejhom
nksew mill-ħalel ħondoq ir-rummien
u wieħed ggranfat mal-blat sas-sebħ
jaqra l-id ta' l-għawwiem għajjien
ta' l-għaddas milgħub
ġo għar taħt pett bil-ħarpun sparat
sorpriż
jistenna s-sejba seba' snin
jagħrfuh mill-arloġġ
Anki r-rakkont mitoloġiku ta' Alkijone - li tintefa' minn fuq il-blat għal ġol-baħar biex tmut wara l-għarqa ta' żewġha - għandu l-element poetiku tiegħu.
L-għarqa tal-professur Grieg taħt it-tieqa tad-Dwejra reġgħet fakkritni f'dan kollu. Mhix mewta sabiħa għax il-baħar ma jafx iħenn. Għadu ma tgħallimx il-baħar, u mhux se jitgħallem. Għax salvaġġ, kattiv u vjolenti. Għalhekk, forsi, jiġbidna lejh.
U l-musbieħ ta' Żgugina għadu jaqbad fil-qiegħnett.
Mużika fl-isfond: Summer on a solitary beach, Franco Battiato

20.7.05

Sieħbi l-Imżebbel u Gary Neville

Filwaqt li sieħbi l-imżebbel intefgħalna jikteb id-drammi agit-prop, u bit-tastiera nkejjuża tiegħu daħħalna saħansitra fil-kamra tas-sodda ta' Mr & Mrs K Marx, di-ve.com tatna episodju interessanti mil-love story ta' Gary Neville. Id-dramm ta' l-imżebbel jiftaħ bil-koppja Marx għadhom qed jieħdu n-nifs wara li kkunsmaw imħabbithom f'appartamenti ta' żewġt ikmamar kollox (nimmaġina se jaqgħu u ma jaqgħux), filwaqt li l-episodju tad-di-ve jeħodna fil-gżira tal-maħbubin, ie Għawdex, fejn, allegatament, dik l-imqarba Kalipso korniet* lill-imsejkna Penelopi, u li issa serviet ta' xenarju perfett biex Gary Neville jitgħarras lil ċerta Emma Hadfield.

L-imżebbel forsi qara li ċ-ċurkett ta' l-għerusija li Gary ta lil Emma jiswa Lm104,237, ċifra li naf fiċ-ċert li l-imżebbel (bħali) jista' jibda jgħoddha imma jinfixel wara ftit. U Gary jikkonsma mħabbtu f'dar f'San Ġiljan, li, dejjem skond id-di-ve.com, tiswa Lm429,211.

Issa, diġà nista' nara min qiegħed imaħħaħ li tax-xellug għajjurin u li dejjem moħħhom biex joħolqu l-mibegħda tal-klassi. Għalhekk lill-imżebbel se nagħtih parir ta' l-aħħar: ħallik mill-agit-prop, menn, u ntefa' xxuttja l-blalen, biex meta għad forsi trabbi l-għaqal u tinġabar ma' xi xebba sewwa tixtrilha ċurkett bħalma xtralha Gary u għall-qamar il-għasel teħodha San Ġiljan għall-kwiet u l-ġabra.

* ejja ninnutaw li mhux Ulissi korna 'l martu, għax skond il-mitoloġija dan, miskin, ma riedx iwettaq id-dnub. Kienet il-mara li kien magħha li waqqgħetu fid-dnub ... is-soltu, mhux hekk?!

Mużika fl-isfond: lill-imżebbel, li nittama li jagħtina xi dramm ieħor, dwar il-koppja Marx, jew Neville-Hadfield jew Kali-Uli.

18.7.05

Mewta oħra li tnikket

Wara li ħarġet din l-aħbar ikun għaqli li nwaqqaf il-mużika tal-blogg ta' dalgħodu.

Kondoljanzi.

Il-povra tastiera ta' Sharon

It-tastiera tal-laptop ta' Sharon kellha ssofri aktar tisbit bil-qawwi tul l-aħħar jumejn. Qalet - Sharon, mhux it-tastiera - li l-Ħadd ma raqdet xejn biex irnexxielha ttella' l-aħħar aġġornament tat-Tabellina.
Dan l-aħħar aġġornament jinkludi artiklu ieħor ta' Dr Marco Galea, did-darba b'kumment jaqta' dwar il-kittieba Maltin, u ieħor ta' Kurt Buttigieg dwar is-sotto-kulturi tal-Blata.
Kien hemm aġġornamenti oħrajn, l-aktar fis-sistema, li jinkludu l-possibilità ta' RSS feed u anki fis-sistema tal-kummenti mill-qarrejja, li inċidentalment jgħoddu mat-tliet mija minn mindu t-Tabellina telgħet l-ewwel darba xi ħmistax ilu.
Għalissa daqshekk, anki għaliex f'widnejja għadni nisma' t-tisbit tal-kjavi tal-povra tastiera tal-laptop ta' Sharon. Imma qabel nagħlaq nixtieq niżżi ħajr lil Dave Vella, il-webmaster, li wkoll qatta' l-lejl quddiem il-kompjuter, għalkemm ċert li Dave iħobb lit-tastiera tiegħu ftit aktar milli tħobbha Sharon.

Dwar Mark, Mikiel u l-Monday Blues


Jien wieħed minn dawk il-ħafna nies, li anki fil-vaganzi, inbati bil-Monday Blues. Niftakarni hekk minn mindu kont tifel. Kull santissmu Tnejn filgħodu bi tbatija kbira ommi kienet toħroġ il-washing machine Gala mill-kamra fejn kienet tinżamm għal ġol-loġġa biex tqatta' nofs ta' nhar iżżeggeg bil-ħwejjeġ ta' ġimgħa sħiħa; imbagħad titla' tonxor xi erba' darbiet b'banju taż-żingu blu mimli sa ruħ ommu. Minn dak inhar ili ma naħmilx it-Tnejn. Anzi, aktar ma kbirt, il-mibegħda tat-Tnejn bdiet tibdieli mill-Ħadd wara nofsinhar, speċjalment meta kienu jibagħtuni l-
Mużew u ħlief fuq dnubiet mejta u l-mewt infisha ma kinux ikellmuna. Aktar tard, il-Ħadd filgħaxija sar ifisser qatgħa kbira fi msarni nirrealizza kemm-il homework kien se jkolli nikkopja jien u nistenna x-xarabank biex teħodni l-iskola. U insomma, din tat-Tnejn baqgħet sal-ġurnata tal-lum.

Madankollu, jiġu ġimgħat meta jisbaħ it-Tnejn filgħodu u nkun għadni ntiegħem togħma tajba ta' tmiem il-ġimgħa, li f'dawn l-aħħar snin sar ifisser qajla jew xejn. Lejn tmiem il-ġimgħa li għaddiet, iltqajt ma'
Feltrinelli fil-kapitali qisha ħa jagħtiha attakk isteriku minn ħin għal ieħor. Qgħadna npaċpċu ftit u talabni nieħdu jara l-Imperial Cafè, li grazzi għall-bloggs sublimi ta' Mikiel se jsir leġġenda daqt. (Feltrinelli ħallasli 2 Lager.)

Imbagħad il-bieraħ mort il-Festival tal-Jazz speċifikament biex nisma' lil
Dino Saluzzi u ħadt gost kbir. Ma bqajtx għall-festival sa l-aħħar għar-raġuni sempliċi li l-folol saru jdejquni, speċjalment dawk li jmorru l-jazz festival biex joqogħdu jindafru fl-ikel Ċiniż (qishom qatt ma kielu), ibeżilqu l-birer u ma jiqfux ipaċpċu. M'hemmx x'tagħmel: anki l-alta società għandha l-perversitajiet tagħha.

Irrid ngħid ukoll li tmiem il-ġimgħa li għaddiet ġabli sodisfazzjon ieħor. Il-Malta Football Awards ikkonfermaw il-kobor ta' dan il-klabb, li rebaħ:
1) l-aqwa midfielder
2) l-aqwa goalkeeper
3) l-aqwa forward
4) l-aqwa player tal-futsal league
5) l-aqwa player mara
6) l-aqwa player mhux Malti
7) l-aqwa player Malti
(Seba' premjijiet minn total ta' tnax!)
B'ċertu gost ikolli niġbed l-attenzjoni li l-iskwadra ta' sieħbi Feltrinelli ma tidher imkien fil-lista ta' premjijiet; u b'gost ikbar ninnota li lanqas ma jidher il-klabb li l-aktar li ma naħmlux it-tnejn li aħna.
***
Toni wkoll ikkummenta dwar l-aktar bloggs riċenti ta' Mikiel. Jien naħseb li dawn il-bloggati jiswew mitqilhom deheb għal aktar minn raġuni waħda. L-ewwel nett għax jagħtu ħarsa lejn id-diċennju tat-80ijiet mill-perspettiva kulturali. Id-diskors ta' Mikiel dwar is-sottokulturi ta' dak iż-żmien, u t-tqegħid ta' dan id-diskors fi sfond politiku wiesa' huwa eżerċizzju interessantissmu. It-tieni: dawn il-bloggati qegħdin jiddokumentaw l-istorja popolari, u jiswew aktar għax kif għidt xi mkien ieħor, lanqas storja 'akkademika' tat-80ijiet għadha ma teżisti, aħseb u ara dik popolari.
Forsi Mikiel imissu jaħseb bis-serjetà li wara li jkun ikkonkluda l-istorja tiegħu fuq il-blogg, jaħseb biex jippubblikaha f'forom oħrajn, ngħidu aħna fi ktieb.
Mużika fl-isfond: Basliet Ħodor, Booker T and the MGs, b'dedika lill-ħodor ta' Feltrinelli; u ngħiduha kif inhi, number immortali ta' Booker T.

11.7.05

Srebrenica 1995-2005

Dalgħodu Srebrenica ...
Quddiem in-niket li m'hemmx li jehda darba għal dejjem ...
8000 vittma fil-ġenoċidju f'Srebrenica ... fl-aktar olokawstu riċenti fl-Ewropa, fil-qalba ta' l-Ewropa ċivilizzata. Dalgħodu, mat-30,000 ruħ żaru l-widien iħaddru u talbu għall-erwieħ tal-maqtulin.
Quddiem il-mibegħda li m'hemmx li tehda darba għal dejjem ...
U sadattant, għad hemm min jemmen b'fidi ferma li hemm kumplott internazzjonali kontra l-komunità Serba-Bosnijaka. U filwaqt li ħaddieħor kien qed jifga fid-dmugħ u x-xehir, dawn kienu qegħdin jifgaw f'demmhom li għadu jismot u għadu jobgħod. U għad hemm min iqis lil Karadzic u lil Mladic bħala eroj, salvaturi tad-demm Serb.
U mbagħad titfaċċali l-mistoqsija li dejjem tniggiżni: għandi jew m'għandix nitkellem fuq l-istorja ta' ħaddieħor li ma għextx?
Mużika fl-isfond: L-Għanja tal-Mewt, Emir Kusturica u The No Smoking Orchestra, mill-film ta' l-istess reġista La Vie Est un Miracle.

Dwar il-banana u frott ieħor

Il-bloggata li tellajt ftit ilu ħolqot ċerta sensazzjoni li frankament qatt ma stennejtha. Kien hemm diversi nies li rreaġixxew għaliha: reazzjonijiet differenti li ħafna drabi kienu ġenwini, oħrajn kellhom l-intenzjoni unika li jattakkaw, iweġġgħu u jirredikolaw is-suġġett.
Xtaqt, għaldaqstant nagħmel xi ftit osservazzjonijiet li għamilt jien u naqra dawn ir-reazzjonijiet, jew biex inkun onest xi wħud minnhom.
1) Skoprejt li jien xellugi. Li ma skoprejtx hu liema huma dawk il-kwalitajiet li jikkwalifikawni bħala tali. Mhux għax naħseb li huwa diżunur li tkun xellugi, imma sinċerament għadni ma nafx liema huma dawk il-kwalitajiet li lili jagħmluni hekk. Il-kors li ħadet ħajti, anzi, tefagħni f'pużizzjonijiet ħafna drabi kontradittorji li jagħmluhieli diffiċli ħafna nikklasifika lili nnifsi. U kien għalhekk, forsi, li ġenwinement issorprendejt ruħi li ġejt ikklassifikat. Taf xiex? Naħseb li tkun f'garżella jagħtik ċerta sigurtà, ċerta kumdità forsi ... ma nafx.
2) Ma nafx kemm hu korrett li nibqgħu nassoċjaw ix-xellug mal-conspiracy theory. Naħseb li hija ġeneralizzazzjoni ftit perikoluża li noħolqu formuli tat-tip: xellug=conspiracy theory. Naħseb ukoll li hija formula inġusta ma' dawk li jemmnu, iħossu u jiddikjaraw li huma xellugin. Iżda dwar dan naħseb li jistgħu jitkellmu aktar huma milli jiena.
3) Kien hemm xi diskors dwar il-mibegħda tal-klassi. Anki din l-espressjoni, minbarra li hija klixè sorpassata, hija mgħobbija bit-teorija filwaqt li tipprova turi ruħha bħala newtrali. Jekk xejn, uħud mir-reazzjonijiet li qamu wrew li d-diskors dwar il-klassi, anki jekk illum il-ġurnata spiċċa nkines taħt it-twapet, għadu reali, anzi realissmu. Issa, naturalment, jista' jkun hawn min jargumenta li dan il-ħsieb minnu nnifsu huwa konservattiv u antikwat. Jista' jkun ... imma r-reazzjoni li qamet, u d-direzzjoni li ħadet din ir-reazzjoni, lili juruni mod ieħor.
4) Kien hemm diskors - li lili interessani aktar minn diskors ieħor - dwar l-hekk imsejjaħ 'karattru Malti'. 99% għar-raġuni li jien għandi tendenzi relativisti, ġeneralizzazzjoni ta' dan it-tip tiskomodani. Sa issa għadni naħseb li l-'karattru Malti' ma jeżistix. U naħseb ukoll li jkun interessanti ħafna kieku dawk li huma interessati jintefgħu hawnhekk jippruvaw joħolqu skeċċ ta' dan il-'karattru Malti'. Naħseb li tassew ikun suġġett interessanti, imma mill-banda l-oħra nibża' li jista' jkun ukoll li jwassalna għal ċertu għeluq li huwa karatteristika - mhux Maltija - imma taċ-ċokon. Allura, fil-każ tiegħi, dejjem nispiċċa f'dilemma jekk għandniex nużaw l-enerġija biex neżaminaw jeżistix dan il-karattru, jew naqbdux u ninsewh darba għal dejjem. Jien għadni ma nistax niddeċidi x'inhu l-aħjar.
5) Hemm kwalità (u issa naf li se nikkontradixxi l-punt ta' qabel dan) li forsi tispikka fil-poplu Malti: il-prammatiżmu, l-utilitarjaniżmu. Naħseb li l-politika Mintoffjana ma kinitx oriġinali f'dan. Naħseb li l-poplu Malti minn żmien twil ilu ħafna (biex ma ngħidx minn dejjem) kien poplu prattiku u utilitarju. Jista' jkun li għandi żball kbir, imma jintrigawni ċerti fatturi, ċerti nuqqasijiet fil-poplu tiegħi: qatt smajtu għanjiet folkloristiċi (ovvjament miniex nalludi għall-Green Fields hawn)? Qatt smajtu l-għanjiet li s-sajjieda kienu jgħannu bejn sema u ilma huma u jistadu għal-lampuki? Jew l-għanjiet tal-bdiewa huma u jaħilbu l-baqar? Jew l-għanjiet tan-nies tar-raba' huma u jaħdmu l-art? Jien miniex ngħid li dawn ma jeżistux għax dan mhuwiex il-qasam ta' l-istudju tiegħi, imma għadni qatt ma smajt lil ħadd ikanta għanja tradizzjonali tas-sajjieda, tal-bdiewa, tal-kampanjoli pereżempju, bħalma nisma' meta nsiefer f'pajjiżi oħrajn. Għalija jkun interessanti ħafna jekk xiħadd forsi sema' b'dawn u jkun jista' jagħti xi informazzjoni. Dak li aħna nsejħulu għana, fil-widna meskina tiegħi, jinstema' dejjem l-istess, u l-baned ta' l-irħula jdoqqu varjazzjonijiet fuq tema ġenerali. Qatt smajna b'filosfu Malti, li ħareġ b'teorija, b'argument jew li kiteb xi trattat li ħawwad l-imħuħ? U kif se nispjegaw il-fatt li l-letteratura tagħna hija daqshekk żagħżugħa?
Forsi huwa l-ġebel il-filosofija tagħna, l-għana u l-letteratura ta' dan il-poplu. Anki jekk aħna m'aħniex relatati ma' l-ewwel Maltin li sawru t-tempji u l-istatwi ta' nisa mdaqqsa, żammejna t-tradizzjoni li nużaw il-ġebel bħala l-mera li tirriflettina. Imma aktar minn hekk ...? U allura, aktar milli nitkellmu dwar l-aħħar kompożizzjoni sublimi tas-surmast direttur tal-banda tagħna, nitkellmu fuq is-sular il-ġdid li tellajna, fuq is-sala l-ġdida li ftaħna, fuq il-faċċata l-ġdida u fuq il-lavur tal-ħitan tal-każin tagħna.
U allura forsi nasal ngħid li s-seklu li għadda kien tassew seklu uniku fl-istorja tagħna, għax naħseb li l-imħuħ bdew jirrealizzaw dawn in-nuqqasijiet u ppruvaw ipattu għalihom. F'daqqa waħda sawwarna tradizzjoni(jiet) ta' letteratura, ta' arti viżiva u l-bqija. Miniex ngħid li qabel ma kien hemm xejn; qiegħed ngħid li s-seklu li għadda kien seklu ta' qawmien.
6) Ingħad diskors dwar il-qsim, u kien hemm min ra din it-tendenza bħala kwalità tal-'karattru Malti'. Sa ftit taż-żmien ilu kont nasal naċċettah dan l-argument, imma llum nasal ngħid li l-qasmiet bejn gruppi differenti huma tendenza ta' ħafna soċjetajiet, inklużi soċjetajiet meqjusin bħala 'miftuħa'. Inċidentalment, lanqas ma kienet l-intenzjoni tiegħi li noħloq xi qasma, xi xiżma fi ħdan il-blogosfera ta' Malta. Imma, għall-argument, inkompli ngħid li t-tendenza li soċjetà tinqasam fi gruppi differenti, ħafna drabi rivali, hija tendenza mifruxa ħafna. Wieħed faċilment jista' jara dan fil-bliet il-kbar barranin fejn jidħol il-futbol ngħidu aħna (Inter-Milan, Lazio-Roma), biex ma nsemmux ħwejjeġ aktar serji.
7) Jista' jkun li kien hemm argumenti oħrajn li issa ħarbuli. (Inċidentalment qiegħed ninnota li qiegħed inqatta' ħafna aktar ħin milli għandi naqra l-bloggijiet, u dalwaqt se jkolli nieħu miżuri ħorox!) Kien hemm kummenti u kummentaturi oħrajn li, għal raġunijiet li jistgħu jobsruhom huma biss, iremettew doża mibegħda u qagħdu jirredikolawni bħalma ilhom jagħmlu. Dawn, li mid-dehra ma jħobbux jisimgħu l-omeliji tal-Ħdud iżda jisimgħuhom xorta waħda, anzi jikkummentaw dwarhom ukoll, niġi altament naqa' u nqum minnhom; huma min huma, għax ironikament, iziku kemm jifilħu imma mbagħad jinħbew wara l-persjani biex jaraw kollox mingħajr ma jidhru.
Kollox sew. Naħseb li dak li ħsibt dwaru tul dawn l-aħħar ftit jiem frixtu hawnhekk. L-għaxra neqsin kwart u m'għandix aptit noqgħod infittex mp3 biex takkumpanja dil-bloggata. Hekk jew hekk, minkejja dan li ktibt, jien aktar għadni naħseb fuq dak li ktibt il-bieraħ, u allura nistgħu nħallu l-Unknown Soldier għaddejja għal ftit ieħor. Iben l-elit (?), l-akkuża u bananu (xi spiji rrappurtaw li dawn ta' l-aħħar dehru jħufu fit-toroq tal-Blata), nittama li dil-bloggata tinżlilkom mielsa bħalma jċarċar ħelu ħelu is-suntan lotion fuq il-ġilda maħruqa bix-xemx Maltija.
Vella, Bombay Sapphire bit-tonic u l-lumi.

9.7.05

Mifsud 11408



Bħalma nimmaġina li ħafna għamlu, wara l-attakki fuq Londra rajt kif ikkuntattjajt lil dawk il-ħbieb u 'l-qraba li għandi fil-kapitali Ingliża biex nara li "kollox sew". Waħda mill-emails li bgħatt kienet lil poeta Irlandiż li ħdimt miegħu u li ftit tal-jiem ilu kont miegħu Cork. Jgħix u jaħdem Londra. Kitibli lura minnufih: "yes, we are all fine... and so far I haven't heard any bad news of people I know. Crossed fingers. We knew this was coming, and now there's a feeling of almost 'we got off lightly' -- which is odd, not right." U jibqgħu jiġuk ħafna ħsibijiet. Bħal ħafna nies oħrajn, dawn l-aħħar jiem, qrajt u xtarrejt x'kiteb ħaddieħor fuq id-diżastru fil-mini li jserrpu taħt it-toroq Londoniżi u fil-pjazza tal-memorji. Laqatni ħafna l-kumment li Bertu ta' l-Anġli għadda fi bloggata oħra dwar is-suġġett, anki jekk inħoss li t-terroriżmu tal-BR u ta' l-IRA u dak li qiegħed juru snienu bħalissa mhux l-istess ħaġa .

Londra għaddiet minn mewġa stramba. Jum minnhom tiċċelebra l-bidu ta' proċess li għandu jwassal għall-Olimpjadi 2012, l-għada tittaqqab bil-bombi, imbagħad għada hemm il-kommemorazzjoni tas-sittin anniversarju mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija.

It-Tieni Gwerra Dinjija għandha sinifikat kbir ħafna għalija.
Missieri qatta' l-gwerra fuq il-kanuni f'Kordin, Delimara u f'Ħal Far jimmira lejn l-ajruplani tal-Faxxisti u l-Luftwaffe, fix-xmux, fis-sħana tal-ħadid jispara u tal-ħadid jistabat fl-art u jisplodi, fil-biża' li fl-aħħar tmiss lill-Papa. Fis-salott għad għandi s-sitt midalji tiegħu, inkluża dik li waħħlitlu fuq sidru Żabbett it-Tieni: onorifiċenza talli baqa' mmankat għal għomru waqt il-qadi tad-dmir lejn il-Kuruna. Xi mkien hemm ir-ritratt: liebes l-uniformi bir-reġina wieqfa tkellmu, dritt dritt minkejja li siequ x-xellugija xi ħames pulzieri iqsar mill-oħra. Imbagħad aktar servizz lill-Kuruna fl-art tal-piramidi, fis-Saħara, (niftakarhom wieħed wieħed ir-ritratti, l-aktar dak quddiem piramida u l-ieħor riekeb fuq dahar il-ġemel). U l-iljieli twal, għassa, fis-sirda u l-ksieħ.

Kiddejtu ħafna lix-Xiħ f'żgħożiti; l-aktar meta kont ngħidlu li ġġieled il-gwerra ta' ħaddieħor u li l-agħar ħaġa li għamel Mintoff, minbarra l-iskoss transfers li tah għax ma kellux ħajta fi lsienu, kien li ħalla
l-George Cross fuq il-bandiera. Ħa nħalluha din tal-George Cross għax għadni nemmen hekk sal-ġurnata mqaddsa tal-lum ... imma dak iż-żmien ma kontx inqis sew kliemi u naf - issa - li lix-Xiħ kont inweġġgħu.

Illum ix-Xiħ, darba mniżżel fil-kotba tar-Royal Malta Artillery bħala Mifsud 11408, iqatta' ħajtu jiċċassa, mixħut fuq siġġu tar-roti jew f'soddtu. Dalgħodu kien it-tieġ tat-tifla ta' bintu, jipprova jagħraf in-nies fil-folla ta' madwaru. Għall-enneżma darba xtaqt niġbor ġieħi miegħu: ngħidlu li għada hemm il-kommemorazzjoni ta' tmiem il-gwerra li sittin sena ilu, meta kien għad kellu ħamsa u għoxrin sena, kien iġġieled hu fuq l-azzar jikwi tal-kanuni. Xtaqt ngħidlu li fis-salott għad għandi l-midalji mdendla. Xtaqt ngħidlu ħafna affarijiet, bħal kull darba li nitla' narah, jidħaqli ftit u jerġa' jagħlaq għajnejh.

Jien u nsuq lura lejn id-dar, minn quddiem il-barracks ta' Ħal Far u ta' Ħal-Luqa (fejn snin ilu kont nieħdu jiltaqa' mal-ftit veterani bħalu li kien għad fadal
fil-Poppy Day) ftakart f'din.

Mużika fl-isfond: Doors The Unknown Soldier.

7.7.05

Russell Square 2

Propju dan li ridt ngħid.

Russell Square

Dalgħodu kelli laqgħa importanti li ħadet ħafna sigħat. Bagħtitli messaġġ Jana biex tgħidli x'ġara Londra. Staqsejtha fejn seħħew l-isplużjonijiet. Semmietli xi tnejn imbagħad, qaltli: "Russell Square, your square."

Kif diġà kiteb Toni, fl-1988 konna ħrabna lejn Londra u konna alloġġjati biswit Russell Square. Kemm hu u kemm jien għandna rabta sentimentali ma' dil-pjazza. Saħansitra kont ktibt novella bbażata fl-istess pjazza. U għax il-ħajja mimlija ironija, propju jumejn ilu tlabt lil Sharon isselili għal Russell Square.

Lilhinn minn dan it-tpaċpiċ sentimentali, l-ewwel ħsieb li jiġini huwa għall-vittmi ta' l-attakk u mbagħad għall-familjari tagħhom. Jiġini wkoll ħsieb dwar min għamel l-attakk. Il-BBC ippubblika rapport dwar grupp terrorista li ħa r-responsabbiltà. Grupp li jsejjaħ lilu nnifsu Islamiku militanti. Kif indika Toni fil-bloggata tiegħu li rreferejt għaliha qabel, Londra għandha storja twila ta' attakki terrorstiċi fuqha; drabi oħra kienu gruppi differenti b'motivazzjonijiet oħrajn. Jien inħoss li wieħed irid jaqbad il-barri minn qrunu; inħoss, għaldaqstant, li rridu naraw liema hija eżattament il-motivazzjoni għal attakki bħal dan ta' dalgħodu.

Imbagħad jiġini ħsieb ieħor: Meta nqis li l-komunità Islamika fl-Ingilterra, partikolarment f'Londra hija waħda kbira nittama li l-Musulmani l-innoċenti ma jkunux il-mira tar-rabja.
Mużika fl-isfond: l-Agnus Dei, mill-War Requiem ta' Benjamin Britten.

6.7.05

L-elit krepuskolari

Jeżistu wkoll l-elit krepuskolari. X’aktarx dawn ikunu talin li kienu tajbin fl-iskola, l-imfissda ta’ l-għalliema, li qatt ma kienu jaqilgħu penitenza għax kienu l-aktar pupi ħelwin u gustużi li jobdu r-regoli kollha. Nimmaġinahom ukoll li fi tfulithom kienu jugżaw lil sħabhom l-imqarbin. U kienu jieħdu skoss premjijiet f’jum il-premjazzjoni u l-mamà tgħidx kemm kienet tiftaħar bihom mal-ġirien bi tfal inqas dotati.

Imbagħad kibru u ġabu ħafna O-Levels u marru l-iskola post-sekondarja u ġabu xi tliet straight A’s u marru l-Università fejn iltaqgħu ma’ l-elit liberali li għalkemm ma kinux l-imfissda ta’ l-għalliema b’xi mod laħqu hemm huma wkoll. U jum fost l-oħrajn se ssibhom iħarsu lejn il-mera u jistaqsu: għala t-tali kien imqareb u issa qiegħed fl-istess kors miegħi? U t-tali l-ieħor kif irnexxielu jasal s’hawn dejjem imdamdam? U l-oħra kif ġabet A bħali u dejjem tiġri ’l hawn u ’l hemm flok tqatta’ s-sigħat fil-librerija jew tiddibatti ma’ xi professur? U ’l-oħra kif qed jistednuha biex titkellem fuq it-televixin meta minflok tidħol f’xi għaqda studenteska se ssibha tindiehes ma’ xi grupp imħawdin? U allura, inevitabilment, irabbu ċerta għira, ċerta kburija għax il-mamà hekk darriethom meta kienu għadhom imorru l-Mużew. Jixtiequ jaqsmu lejn in-naħa tal-liberali u allura jilbsu kostum li ma jiġihomx, jew li jiskomodahom. U bħal dawk l-imsejkna li n-natura għamilthom koroh jippruvaw jidhru isbaħ milli huma.

Imbagħad jibdew jiktbu l-ittri fil-gazzetti, jew isawru xi blogg b’xi titlu merfugħ jew xi homepage, bl-idea unika li jisparaw fuq kulħadd biex iħossuhom dejjem superjuri. X’aktarx li ssibhom b’tendenzi leminin; mhux bilfors, imma iktar iva milli le. U meta jħarsu lejn ‘l-oħrajn’ jaraw kif jagħmlu biex jisnobbjaw. Għandhom gosti morbużi li jikinsu dak li mhux tagħhom u dak li mhux magħhom. Għandhom twemmin stramb li l-innifsi tagħhom jistgħu jsostnuh biss kemm-il darba jkissru lil ħaddieħor. X’aktarx ikunu individwalisti kbar li ma tantx iħobbu jitħalltu ma’ dak u ma’ l-ieħor għax meta kienu tfal il-mamà hekk għallmithom, inkella ma jkunux fuq quddiem dejjem u f’kull ħin. U bħalma kienu jugżaw lill-imqarbin meta kienu tfal, issa li kibru joħolqu kontrattakki kontra min jattakkalhom l-istatus quo li għadhom ma jistgħux jiddeċiedu jħobbuhx jew le. U jemmnu li xejn ma jista’ jinbidel u jekk xiħadd biss jipprova jwaqqgħuh fis-second division tal-mudelli li jfantsu. Probabbilment se jidefinixxu lilhom infushom liberali, imma malli jaraw lil xiħaddieħor imqar jitħajjar ibexxaq il-purtieri ta’ dak li hu liberali, se ssibhom bi tbissima ċinika, b’daħqa sardonika u b’għoqla fl-istonku. U jekk xiħadd jagħmel xiħaġa li dejjem xtaqu jagħmlu huma imma m’għamluhiex se jaraw x’jagħmlu biex a) jgħaffġuha jew b) iwaqqgħuha.

Kwalità oħra tista’ tkun li jkunu armchair critics eċċellenti.

Fil-fond nett ta’ qalbhom jistgħu jkunu miżerabbli ħafna.

Ftit qabel immur norqod

Mid-dehra tagħha Sharon tivjaġġa mhux ħażin fid-dinja virtwali. Ġibditli l-attenzjoni li Nigredo kiteb bloggata dwar l-aħħar ktieb tiegħi, Kimika. Ovvjament, irrispettivament minn dak li Nigredo kiteb, inħossni fid-dmir li niżżih ħajr talli qara l-ktieb u, aktar minn hekk, indenja ruħu joqgħod jikteb dwaru. Anzi, fid-dmir li ngħid ukoll, li l-kummenti ta' Nigredo laqtuni ħafna bħala kummenti ġenwini.
Jekk għal mument ninsa li s-suġġett huwa ktieb li ktibt jien, li jolqotni ħafna huwa li l-blogg ta s-saħħa lill-qarrejja ta' ktieb li jippubblikaw dak li jaħsbu fuq ix-xogħol li jkunu qraw. U, dejjem jekk ix-xogħol letterarju jippermetti, il-qarrej jasal biex jerġa' jikteb il-ktieb li kiteb il-kittieb: jagħmlu tiegħu, mhux biss jinterpretah imma, aktar minhekk, jinternalizzah u appuntu jibdlu.
Dwar it-tqarrib tal-kittieb lejn il-qarrej tiegħu kont nitkellem ma' Feltrinelli meta dan kien għadu fuq il-Blata. Issa jidher li permezz tal-blogosfera dak li konna nitkellmu dwaru Feltrinelli u jien (u oħrajn, m'għandix dubju), jista' jsir aktar possibbli u aktar reali. Jien wieħed minn dawk li nemmen ħafna fid-diskors dwar il-kitba. Huwa sinjal ħażin li ktieb jinkiteb, joħroġ, jintgħoġob (jew ma jintgħoġobx) iżda mbagħad jintrefa' u alla m'għamlu. Filwaqt li nħoss li għad hemm lok għall-akkademiċi li jisfuljaw il-ktieb (għax wara kollox dak hu xogħolhom) inħoss li hemm ħtieġa kbira li anki dawk li m'humiex akkademiċi jitkellmu fuq dak li jaqraw. Il-blogosfera, inħoss jien, tista' tilħaq din id-dimensjoni wkoll.
Naqleb ftit il-kliem. Ma rridx nitkellem f'isem il-wwwitchie (għax min jaf x'tagħmilli kieku!) imma nixtieq nieħu din l-okkażjoni - ġaladarba qegħdin nitkellmu dwar kitba u qari - niżżi ħajr lil dawk il-ħafna nies (partikolarment bloggejja) li bagħtu l-kummenti tagħhom wara l-ewwel ħarġa tat-Tabellina. Ħajr ukoll lil dawk l-oħrajn li wrew interess li jikkontribwixxu artikli għal fuq l-istess ġurnal. Forsi t-Tabellina tasal ukoll biex isservi ta' pjattaforma għal diskussjoni (preferibbilment taħraq) anki dwar il-kotba li qegħdin jinkitbu u jinqraw, anki għaliex la s-skoss radjijiet li għandna jtaqqbulna t-tnabar ta' widnejna, la l-istazzjonijiet tat-televixin u lanqas il-gazzetti stampati m'għandhom biżżejjed viżjoni biex jagħmlu dan. Konna għidna li t-Tabellina trid tkun differenti appuntu billi tagħmel affarijiet li l-istampa tradizzjonali lokali mhix tagħmel għal raġunijiet li jafhom kulħadd. Hija din waħda mill-kwalitajiet - waħda - ta' dak li qegħdin insejħulu ġurnaliżmu kritiku: il-laqgħat ta' l-imħuħ minflok il-laqgħat tal-propagandisti u apoloġisti li minnhom, sfortunatament għandna bil-gzuz.
Mużika fl-isfond: Il-Vapur tal-Kristall, għax qrajt li Nigredo jħobb lid-Doors, b'dedika wkoll lil sieħbi ta' l-urangutang, bit-tama li nżuru ma ndumx fil-ġenna l-ġdida li sab ruħu fiha u b'tislijiet lil Amanti u 'l Pawlina li daqt iduqu l-istess ġenna.

3.7.05

Sieħbi Frans



Frans għandu fuq il-ħamsin. Sa ftit tas-snin ilu kien jgħix Londra. Għandu memorji sbieħ tad-diversi drabi li ra l-Pink Floyd live. Ġie jieħu kafè għandi llum u qalli li qagħad jara l-Floyd fuq in-net il-bieraħ bħalma għamilt jien. Anki Frans iħoss li l-Floyd kienu mqanżħa. Skond hu ma kinitx l-età daqskemm nuqqas ta' ħeġġa li jidhru flimkien. Frans jafhom sew lill-Floyd, rahom live kemm-il darba.
U ġabni insè: ir-rapporti li dehru llum dwar il-Live8 ftit li xejn taw importanza lid-dehra tagħhom. Donnu li ħafna ħarġu delużi imma fl-istess waqt ħadd ma jrid jitfagħha fil-beraħ minħabba li l-mument - għallinqas għal dawk li bħal Frans segwew lill-Floyd sa minn żmien Barrett - kien mument emozzjonali. Staqsejtu x'jaħseb li kieku Roger (Syd) Barrett kien magħhom fuq il-palk. Skond Frans kien ikun żball ikbar. Mhux dejjem ħaġa għaqlija tqajjem fatati ta' erbgħin sena ilu.

See Pinky play

Insomma, il-kunċerti ta' Live 8 ġew u marru. Qgħadt insegwi dak li sar f'Hyde Park minn fuq in-net u sakemm spiċċa għajnejja laħqu saru tadama. Imma frankament ma ridtx nitlef l-opportunità li 'nara' lill-Floyd 'magħquda' mill-ġdid. Sakemm wasal in-number tagħhom kelli nistaporti skoss trash, tipo Dido li mn'alla kien hemm Ndour li ġabarha ftit, skoss bands tal-qamel, ċerta Mariah Carey li, ok għandha ġisem u leħen, imma... Annie Lennox kienet stupenda kif dejjem kienet ...

Pink Floyd, kif issuspettajt li kellu jiġri, taw performance għajjiena. Għadni ma nistax niddeċiedi hijiex l-età jew it-tqanżiħa li jingħaqdu flimkien meta fil-fatt ma ridux wisq li jagħmlu dal-pass. Waters (kollox sew is-simpatija tiegħi hija għalih, nammetti) deher jipprova jagħmel ftit sforz imma baqa' sforz u xejn aktar, Gilmour donnu ried jenfasizza li l-front man tal-Floyd ilu li sar hu, u t-tnejn l-oħra, bħas-soltu, fl-isfond ta' l-istorja. Donnu li ma fadalli xejn ħlief memorji u xi ftit kurżità għal Ca Ira, li suppost għandha toħroġ f'Settembru li ġej.

Forsi kien aħjar li kieku segwejt il-kunċert Taljan, anki għaliex ma kienx nieqes mill-polemiki (tipika tat-Taljani) maqlugħa minn Pino Daniele.

Mużika fl-isfond: See Emily Play - iż-żminijiet l-oħra tal-Pink Floyd.