mp

5.3.04

Tgħid Malta daqshekk differenti?

Xi ġimgħat ilu kelli intervista ma’ ġurnalist mir-rivista Franċiża L’Express, li bħalissa qiegħda għaddejja b’serje ta’ intervisti ma’ kittieba mill-pajjiżi membri l-ġodda ta’ l-UE. Fost il-ħafna suġġetti li ddiskutejna, il-ġurnalist deher parikolarment interessat fil-karattru Mediterranju tal-gżejjer Maltin.

Il-paradimma tal-Mediterran jidher li qiegħda tiġbed l-attenzjoni mhux biss tal-ġurnalisti iżda wkoll ta’ dawk in-nies interessati li qegħdin jiffukaw ħarsithom fuq l-iżgħar pajjiż membru ta’ l-UE wara 1 ta’ Mejju 2004. Lili din il-paradimma tassew tikkonfondini għaliex tistenna li pajjiż fil-Mediterran ikun differenti ħafna, anzi distinti, mill-kumplament tal-pajjiżi Ewropej li jinsabu f’naħat oħra tal-kontinent.

Liema huma, jew liema għandhom ikunu dawn id-differenzi, onestament ma nafx. U aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar din id-distinzjoni tiċċajpar.

Hemm ħafna klixejiet madwar il-pajjiżi tal-Mediterran. Xi wħud jgħidu li huma tant “colourful” … min jaf xi jfisser dan! Oħrajn jgħidu li l-Mediterran huwa reġjun ibaqbaq bil-passjoni u l-emozzjoni. Oħrajn jarawh bħala reġjun problematiku ġaladarba fih jiltaqgħu t-tliet reliġjonijiet monoteistiċi ewlenin. U ssib oħrajn li jgħidu li hemm ċerta maġija ddawwar il-Mediterran, x’aktarx minħabba ċ-ċiviltajiet antikissmi li oriġinaw fih.

Hu kemm hu veru dan kollu, wieħed ma jistax ikun daqshekk kategoriku. Il-kulur jinsab f’kull parti tad-dinja, anki fl-aktar inħawi ċassi mimlija borra tal-kontinent. Il-passjoni, kif naraha jien, hija karatteristika bażika fil-bnedmin li tista’ tintwera b’modi differenti, iżda dejjem qiegħda hemm. U, jekk il-Mediteran huwa l-lok fejn jiltaqgħu tliet reliġjonijiet monoteistiċi (kif fil-fatt hu) hemm partijiet oħra fl-Ewropa fejn jiltaqgħu reliġjonijiet oħra. Wieħed ma jistax jinsa pereżempju l-Bosnja Herzegovina fejn żewġ fergħat tal-Kristjaneżmu jiltaqgħu u jinterċettaw l-Islam.

Jien u nivjaġġa fis-Slovakkja aktar kmieni din is-sena, ma stajtx ma ninnutax kemm il-ħajja f’dan il-pajjiż hija ‘insulari’ minkejja li din hija art li m’għandhiex qatra waħda baħar tmiss magħha. Żewġ Sibtijiet f’wieħed mill-ħwienet tax-xorb f’subborg ta’ Bratislava kienu biżżejjed biex nilmaħ il-karattru ferrieħi, festeġġjanti u ikkulurit tan-nies tal-lokal. L-istess ħaġa rajtha meta kont Sarajevo u anki fir-raħal Pollakk ta’ Kazimierz Dolny.

Biss, jekk wieħed irid ikun mikroskopiku fl-analiżi tiegħu, id-daqs jista’ fil-fatt jagħmel differenza. Malta hija tant żgħira li tista’ tħares lejn it-truf minn kważi kull naħa tagħha. U dan għandu effett ovvju fuq il-perspettiva tad-distanza. M’għandniex xi ngħidu, bħal bosta affarijiet oħra fil-ħajja, id-distanza hija relattiva. Vjaġġ ta’ siegħa min-naħa t’isfel ta’ Malta għat-tarf ta’ fuq nett jinħass ħafna itwal minn vjaġġ ta’ siegħa b’ferrovija minn belt għal oħra fuq il-kontinent Ewropew.

Id-distanza bilfors li jkollha effett fuq moħħ in-nies. M’għandi l-ebda dubju fuq dan. Aktar ma d-distanza hi żgħira anqas wieħed jinkwieta fuq il-ħin ngħidu aħna. Filwaqt li xi wħud jistgħu jinterpretaw il-karattru Malti bħala kajman jekk mhux ukoll għażżien u indixxiplinat, naħseb li din il-partikularità hija dovuta kollha kemm hi għad-daqs u d-distanza. M’hemm kważi problema ta’ xejn li tasal tard, u allura għala tinkwieta?

Huwa minnu li l-pajjiżi kollha huma differenti. Aktar ma l-paragun ikun kbir, aktar se jidhru dawn id-differenzi. Dan il-punt joħroġ sew jekk tipparaguna lil Malta mal-Fillandja ngħidu aħna. Iżda jekk il-paragun ikun ma’ l-Italja, id-differenzi se jiċċajpru u jsiru minimi.

U allura titfaċċa d-differenza bejn id-differenza u d-distinzjoni. Meta wieħed jipprova jaqta’ lill-Mediterran bħala reġjun fi klassi għalih, ikun, fl-opinjoni tiegħi, qiegħed jagħmel żball li jeħtieġ li jiġi msewwi.

0 Comments:

Post a Comment

<< Home