Il-bloggata li tellajt ftit ilu ħolqot ċerta sensazzjoni li frankament qatt ma stennejtha. Kien hemm diversi nies li rreaġixxew għaliha: reazzjonijiet differenti li ħafna drabi kienu ġenwini, oħrajn kellhom l-intenzjoni unika li jattakkaw, iweġġgħu u jirredikolaw is-suġġett.
Xtaqt, għaldaqstant nagħmel xi ftit osservazzjonijiet li għamilt jien u naqra dawn ir-reazzjonijiet, jew biex inkun onest xi wħud minnhom.
1) Skoprejt li jien xellugi. Li ma skoprejtx hu liema huma dawk il-kwalitajiet li jikkwalifikawni bħala tali. Mhux għax naħseb li huwa diżunur li tkun xellugi, imma sinċerament għadni ma nafx liema huma dawk il-kwalitajiet li lili jagħmluni hekk. Il-kors li ħadet ħajti, anzi, tefagħni f'pużizzjonijiet ħafna drabi kontradittorji li jagħmluhieli diffiċli ħafna nikklasifika lili nnifsi. U kien għalhekk, forsi, li ġenwinement issorprendejt ruħi li ġejt ikklassifikat. Taf xiex? Naħseb li tkun f'garżella jagħtik ċerta sigurtà, ċerta kumdità forsi ... ma nafx.
2) Ma nafx kemm hu korrett li nibqgħu nassoċjaw ix-xellug mal-conspiracy theory. Naħseb li hija ġeneralizzazzjoni ftit perikoluża li noħolqu formuli tat-tip: xellug=conspiracy theory. Naħseb ukoll li hija formula inġusta ma' dawk li jemmnu, iħossu u jiddikjaraw li huma xellugin. Iżda dwar dan naħseb li jistgħu jitkellmu aktar huma milli jiena.
3) Kien hemm xi diskors dwar il-mibegħda tal-klassi. Anki din l-espressjoni, minbarra li hija klixè sorpassata, hija mgħobbija bit-teorija filwaqt li tipprova turi ruħha bħala newtrali. Jekk xejn, uħud mir-reazzjonijiet li qamu wrew li d-diskors dwar il-klassi, anki jekk illum il-ġurnata spiċċa nkines taħt it-twapet, għadu reali, anzi realissmu. Issa, naturalment, jista' jkun hawn min jargumenta li dan il-ħsieb minnu nnifsu huwa konservattiv u antikwat. Jista' jkun ... imma r-reazzjoni li qamet, u d-direzzjoni li ħadet din ir-reazzjoni, lili juruni mod ieħor.
4) Kien hemm diskors - li lili interessani aktar minn diskors ieħor - dwar l-hekk imsejjaħ 'karattru Malti'. 99% għar-raġuni li jien għandi tendenzi relativisti, ġeneralizzazzjoni ta' dan it-tip tiskomodani. Sa issa għadni naħseb li l-'karattru Malti' ma jeżistix. U naħseb ukoll li jkun interessanti ħafna kieku dawk li huma interessati jintefgħu hawnhekk jippruvaw joħolqu skeċċ ta' dan il-'karattru Malti'. Naħseb li tassew ikun suġġett interessanti, imma mill-banda l-oħra nibża' li jista' jkun ukoll li jwassalna għal ċertu għeluq li huwa karatteristika - mhux Maltija - imma taċ-ċokon. Allura, fil-każ tiegħi, dejjem nispiċċa f'dilemma jekk għandniex nużaw l-enerġija biex neżaminaw jeżistix dan il-karattru, jew naqbdux u ninsewh darba għal dejjem. Jien għadni ma nistax niddeċidi x'inhu l-aħjar.
5) Hemm kwalità (u issa naf li se nikkontradixxi l-punt ta' qabel dan) li forsi tispikka fil-poplu Malti: il-prammatiżmu, l-utilitarjaniżmu. Naħseb li l-politika Mintoffjana ma kinitx oriġinali f'dan. Naħseb li l-poplu Malti minn żmien twil ilu ħafna (biex ma ngħidx minn dejjem) kien poplu prattiku u utilitarju. Jista' jkun li għandi żball kbir, imma jintrigawni ċerti fatturi, ċerti nuqqasijiet fil-poplu tiegħi: qatt smajtu għanjiet folkloristiċi (ovvjament miniex nalludi għall-Green Fields hawn)? Qatt smajtu l-għanjiet li s-sajjieda kienu jgħannu bejn sema u ilma huma u jistadu għal-lampuki? Jew l-għanjiet tal-bdiewa huma u jaħilbu l-baqar? Jew l-għanjiet tan-nies tar-raba' huma u jaħdmu l-art? Jien miniex ngħid li dawn ma jeżistux għax dan mhuwiex il-qasam ta' l-istudju tiegħi, imma għadni qatt ma smajt lil ħadd ikanta għanja tradizzjonali tas-sajjieda, tal-bdiewa, tal-kampanjoli pereżempju, bħalma nisma' meta nsiefer f'pajjiżi oħrajn. Għalija jkun interessanti ħafna jekk xiħadd forsi sema' b'dawn u jkun jista' jagħti xi informazzjoni. Dak li aħna nsejħulu għana, fil-widna meskina tiegħi, jinstema' dejjem l-istess, u l-baned ta' l-irħula jdoqqu varjazzjonijiet fuq tema ġenerali. Qatt smajna b'filosfu Malti, li ħareġ b'teorija, b'argument jew li kiteb xi trattat li ħawwad l-imħuħ? U kif se nispjegaw il-fatt li l-letteratura tagħna hija daqshekk żagħżugħa?
Forsi huwa l-ġebel il-filosofija tagħna, l-għana u l-letteratura ta' dan il-poplu. Anki jekk aħna m'aħniex relatati ma' l-ewwel Maltin li sawru t-tempji u l-istatwi ta' nisa mdaqqsa, żammejna t-tradizzjoni li nużaw il-ġebel bħala l-mera li tirriflettina. Imma aktar minn hekk ...? U allura, aktar milli nitkellmu dwar l-aħħar kompożizzjoni sublimi tas-surmast direttur tal-banda tagħna, nitkellmu fuq is-sular il-ġdid li tellajna, fuq is-sala l-ġdida li ftaħna, fuq il-faċċata l-ġdida u fuq il-lavur tal-ħitan tal-każin tagħna.
U allura forsi nasal ngħid li s-seklu li għadda kien tassew seklu uniku fl-istorja tagħna, għax naħseb li l-imħuħ bdew jirrealizzaw dawn in-nuqqasijiet u ppruvaw ipattu għalihom. F'daqqa waħda sawwarna tradizzjoni(jiet) ta' letteratura, ta' arti viżiva u l-bqija. Miniex ngħid li qabel ma kien hemm xejn; qiegħed ngħid li s-seklu li għadda kien seklu ta' qawmien.
6) Ingħad diskors dwar il-qsim, u kien hemm min ra din it-tendenza bħala kwalità tal-'karattru Malti'. Sa ftit taż-żmien ilu kont nasal naċċettah dan l-argument, imma llum nasal ngħid li l-qasmiet bejn gruppi differenti huma tendenza ta' ħafna soċjetajiet, inklużi soċjetajiet meqjusin bħala 'miftuħa'. Inċidentalment, lanqas ma kienet l-intenzjoni tiegħi li noħloq xi qasma, xi xiżma fi ħdan il-blogosfera ta' Malta. Imma, għall-argument, inkompli ngħid li t-tendenza li soċjetà tinqasam fi gruppi differenti, ħafna drabi rivali, hija tendenza mifruxa ħafna. Wieħed faċilment jista' jara dan fil-bliet il-kbar barranin fejn jidħol il-futbol ngħidu aħna (Inter-Milan, Lazio-Roma), biex ma nsemmux ħwejjeġ aktar serji.
7) Jista' jkun li kien hemm argumenti oħrajn li issa ħarbuli. (Inċidentalment qiegħed ninnota li qiegħed inqatta' ħafna aktar ħin milli għandi naqra l-bloggijiet, u dalwaqt se jkolli nieħu miżuri ħorox!) Kien hemm kummenti u kummentaturi oħrajn li, għal raġunijiet li jistgħu jobsruhom huma biss, iremettew doża mibegħda u qagħdu jirredikolawni bħalma ilhom jagħmlu. Dawn, li mid-dehra ma jħobbux jisimgħu l-omeliji tal-Ħdud iżda jisimgħuhom xorta waħda, anzi jikkummentaw dwarhom ukoll, niġi altament naqa' u nqum minnhom; huma min huma, għax ironikament, iziku kemm jifilħu imma mbagħad jinħbew wara l-persjani biex jaraw kollox mingħajr ma jidhru.
Kollox sew. Naħseb li dak li ħsibt dwaru tul dawn l-aħħar ftit jiem frixtu hawnhekk. L-għaxra neqsin kwart u m'għandix aptit noqgħod infittex mp3 biex takkumpanja dil-bloggata. Hekk jew hekk, minkejja dan li ktibt, jien aktar għadni naħseb fuq dak li ktibt
il-bieraħ, u allura nistgħu nħallu l-
Unknown Soldier għaddejja għal ftit ieħor. Iben l-elit (?),
l-akkuża u
bananu (xi spiji rrappurtaw li dawn ta' l-aħħar dehru jħufu fit-toroq tal-Blata), nittama li dil-bloggata tinżlilkom mielsa bħalma jċarċar ħelu ħelu is-suntan lotion fuq il-ġilda maħruqa bix-xemx Maltija.