Iġsma Iħirsa
1) 64 katavru se jiġu ttrasferiti minn Belgrad lejn Kosova. Dawn il-katavri xi darba kienu l-iġsma ta' Kosovari ċivili li x'aktarx li nqatlu minn forzi tas-sigurtà Serbi fil-gwerra bejn is-Serbja ta' Milosevic u l-Kosova. Min qatilhom difinhom malajr malajr f'sit li jservi ta' post għat-taħriġ għall-pulizija. F'Kosova, dawn il-katavri se jitpoġġew f'kamra mortwarja flimkien ma' mijiet ta' iġsma oħra li għadhom qegħdin jistennew biex jiġu identifikati. Il-gwerra bejn is-Serbja u l-Kosova - l-aħħar att assurd fl-epilogu tal-Jugoslavja - intemmet fl-1999. Hu mifhum li jistennew il-wasla tal-katavri se jkun hemm mijiet ta' Albaniżi entniċi li l-qrabat tagħhom kienu ċċertifikati "mitlufin". Biex inkunu għidna kollox, 37 katavru Serb dan l-aħħar instabu f'żewġ midfna massivi fil-Kosova. Nippreżumi li dawn se jieħdu r-rotta kuntrarja lejn Belgrad.
2) Fil-Belġju għaddejja ħidma biex jiġi identifikat katavru misjub f'Passchendaele, fejn fil-31 ta' Lulju 1917 bdiet battalja indemonjata li damet sejra għal xi erba' xhur. Jingħad li kien hemm baħar ta' tajn li wassal biex mietu nofs miljun ruħ, milquta bil-balal jew mgħarrqa fl-art. Oġġetti misjuba fuq il-katavru jissuġġerixxu li xi darba dan kien il-ġisem ta' uffiċċjal għoli. Il-katavru nstab f'kundizzjoni ippriservata, mitluq fuq ġenb ġo toqba, liebes apparat għal kontra l-gass.
Iġsma Iħirsa
Immaġinak tqum filgħodu, tidħol tinħasel, tilbes, taqbad il-karozza u ssuq lejn bini kbir; tidħol ġewwa, tagħti ismek u ssib mijiet ta' katavri sporġuti wieħed ħdejn l-ieħor. Immaġinak miexi bilmod b'għajnejk fissi jistudjaw il-fattizzi bojod fil-blu fuq kull wiċċ mejjet biex tara tilmaħx 'l ibnek, 'il missierek, 'il ħuk jew 'l oħtok li ilek ma tara mill-1999.
Immaġinak bilqiegħda fil-kċina taqra l-gazzetta ħa tara l-aħħar aħbarijiet minn fuq il-front. Immaġinak taqra l-istess gazzetta b'titli kbar u b'tipa ħoxna tħabbarlek li l-gwerra spiċċat u sadattant il-Maestà Tiegħu jibgħatlek messaġġ miktub u ffirmat b'idejh stess biex isabbrek wara li tawk l-aħbar li ibnek, ħuk jew missierek spiċċa "missing in action". U tgħix ħajtek tistenna li xi darba jitfaċċa quddiemek imqar imbiċċer. U tibqa' tixgħel xemgħa kull nhar jum twelidu. U tixjieħ imbagħad u tibqa' tqaddes it-tifkira tiegħu. U mbagħad, disgħin sena wara li tkun qrajt l-aħbar ta' tmiem il-gwerra, snin wara li jkunu difnuk wara attakk f'qalbek, xiħadd isib lil dak li tkun qattajt ħajtek tistenna, u lanqas jidentifikawh ma jkunu jistgħu.
L-Iħirsa
Tibda taħseb li l-gwerra ntemmet. Tibda taħseb li dawn huma dati mniżżla fuq il-kotba ta' l-iskola biex tistudjahom għall-eżami. Tibda taħseb li darba kien hemm art jisimha Jugoslavja li mbagħad demm uliedha nħall u tqatlu f'xulxin u ... ħeqq m'hemmx x'tagħmel: kull bidu għandu tmiem, anki l-Jugoslavja. Iġġieldu, qatlu 'l xulxin imma issa għadda kollox.
U jgħaddu s-snin u tinduna, xi darba, li l-iħirsa tal-gwerra għadhom iħufu. Jaqbżu 'l barra mill-paragrafi stampati fil-kotba, jaqbżu 'l barra minn xi midfna moħbija, u jerġgħu jibdew iduru miegħek, mal-memorja.
U dak li mingħalik kien ta' darba waħda, ta' darba waħda ilu ħafna, issibu hemm iħares lejk, jistenniek tinfaqa' tibki.