mp

15.1.05

L-art ta' l-imħabba u l-libertà

Illum ukoll it-Times ħarġet b'rapporti dwar is-sitwazzjoni inkwetanti li bħalissa hemm fil-barracks ta' Ħal Safi, wara l-protesti paċifiċi tal-Ħamis li spiċċaw imdemmija permezz ta' l-intervent ta' l-Armata. Ir-rapporti tal-lum jgħidu li wara l-inċidenti ta' filgħodu, numru ta' immigranti f'Ħal Safi għamlu protesta oħra li matulha, skond rapport maħruġ mill-Armata, weġġa' suldat wara li l-immigranti bdew igaraw il-ġebel.

Ikolli nammetti li dan xejn ma ssorprendieni. Il-fatturi li ġibduli l-attenzjoni kienu affarijiet li seħħew wara l-protesti u l-kummenti li għaddew xi ċittadini Maltin.

L-agħar ħaġa li ġrat kienet li l-Armata ma ħalliet lil ħadd jersaq lejn l-immigranti li nżammu l-isptar. Michele Manca de Nissa, uffiċjal għoli ta' l-UNHCR li nzerta kien Malta, ma tħalliex iżur lill-midruba. de Nissa kien ikkwotat li qal li s-suldati li kien hemm fid-daħla tas-sala MS2 fl-isptar San Luqa, ordnawlu jmur lura u qalulu li ħadd ma kien se jitħalla fis-sala. Lanqas l-avukati mqabbda mis-Servizz tal-Ġiżwiti għar-Refuġjati ma tħallew ikellmu lill-klijenti tagħhom fl-isptar. Din kienet agħar minn ta' qabilha. Meta eventwalment tħallew, l-Armata ordnat lis-suldati biex jakkumpanjaw lil dawn l-avukati u jniżżlu dak kollu li ntqal bejnhom u bejn il-klijenti tagħhom. Il-mod faxxist ta' kif ġew trattati dawn l-immigranti wara li ġew imsawta jtella' fil-wiċċ tifkiriet koroh ħafna ta' imgħoddi mhux daqstant imbiegħed.

Kien hemm numru ta' organizzazzjonijiet li ħarġu stqarrijiet b'reazzjoni għall-inċidenti mdemmija ta' Ħal Safi. L-istqarrija li għaġġbitni nħarġet mill-Istudenti Demokristjani Maltin (SDM). Dan il-moviment demokratiku ta' ispirazzjoni Nisranija kellu l-wiċċ i"faħħar lill-personell tal-Forzi Armati Maltin għax-xogħol siewi tagħhom u jawgura li inċidenti bħal dawn ma jiġrux frekwentement." (!!!)

It-Times ippubblikat ukoll xi reazzjonijiet ta' ċittadini Maltin. Laqatni l-aktar kumment li għamlet mart suldat li qalet li minn mindu żewġha ġie stazzjonat fil-barracks ta' Ħal Safi tinsab kontinwament inkwetata minħabba li dawn l-immigranti huma ta' theddida fuq is-suldati għax spiss isiru vjolenti u huma perikolużi.

Dan kollu jirriżulta mill-mod traskurat u ħażin kif il-Gvern Malti qiegħed jindirizza din il-kwistjoni. Wieħed ma jistax jaqbad u jitfa' mijiet ta' persuni li ħarbu mill-gwerer f'pajjiżhom, affaċċjaw il-periklu fuq il-baħar u spiċċaw mingħajr futur f'post magħluq sa ma alla jaf meta u jippretendi li jibqgħu hemm qisu qatt ma kien xejn mingħajr lanqas biss jiġu infurmati dwar is-sitwazzjoni li jinsabu fiha.

Jidher li fil-kwistjoni kollha, il-gvern ta' Malta nesa fattur sempliċi ħafna: l-immigranti huma tad-demm u l-laħam.

14.1.05

Confusion now hath made his masterpiece!

Macbeth, it-Tielet Xena tat-Tieni Att

Dalgħodu, it-Times (ta' Malta) ppubblikat ritratti tal-waħx ta' suldati Maltin isawtu bla ħniena immigranti li qegħdin ifittxu rifuġju li kienu qegħdin jipparteċipaw fi protesta paċifika fiċ-ċentru ta' detezjoni f'Ħal Safi fejn ilhom jinżammu għal xhur sħaħ. Ir-ritratti jitkellmu waħidhom: suldati armati għal kontra l-irvellijiet imdawra ma' immigrant iswed mitluq fl-art. Is-suldati ma jidhrux qegħdin jippruvaw iqajmu lill-immigrant mill-art. Xejn affattu. Tant hu hekk li tnejn minnhom jidhru jagħfsuh ma' l-art b'saqajhom waqt li ieħor jidher qiegħed isawtu bil-lembuba.

Nammetti li ma kinux dawn ir-ritratti li ħasduni l-aktar. Hekk jew hekk, is-suldati ta' kontra l-irvellijiet huma magħrufa għall-mod xejn kumplimentuż kif jitrattaw lin-nies. It-Times irrappurtat inċidenti oħra li seħħew fil-barracks kemm waqt u wara l-protesta, u oħrajn li seħħew fl-Isptar San Luqa fejn dawk li ġew midruba l-agħar ittieħdu għall-kura.

Ir-reporters tat-Times semgħu lil xi suldati jħeġġu lill-kollegi tagħhom li kienu fl-azzjoni biex "jifqgħu wiċċ dawk is-suwed" u biex "jagħtuhom fuq rashom".

L-immigranti kienu qegħdin jorganizzaw protesta paċifika, billi bdew ikantaw slogans favur il-liberta` u jdendlu strixxuni bla ebda kliem offensiv mar-reċint taċ-ċentru ta' detenzjoni.

Fl-Isptar San Luqa, is-suldati bdew jaħmu l-verżjoni tagħhom u jxerrduha ma' ċittadini Maltin simpatizzanti lejhom li kienu l-immigranti li bdew kollox.

It-Times irrappurtat ukoll li xi ċittadini Maltin li kienu l-isptar fil-waqt li ddaħħlu l-immigranti l-midruba, qalu li kien kollu tort ta' dawn il-barranin għax ma messhom qatt rifsu fuq din l-art ħelwa.

Agħar minhekk, persuni li jaħdmu mas-Servizz tal-Ġiżwiti għar-Refuġjati ma tħallewx iżuru lil dawk l-immigranti li nżammu l-isptar.

Kif wieħed kien jistenna, l-Amnesty International, kienet pronta tipprotesta mal-Gvern Malti għal dawn l-atti barbari. Din l-organizzazzjoni internazzjonali ilha ħafna tesprimi tħassib dwar il-mod ħażin kif il-Gvern Malti qiegħed jitratta lil dawn l-immigranti; partikularment bil-politika ta' detenzjoni u bid-dewmien esaġerat biex jiġu proċessati l-applikazzjonijiet għal rifuġju.

Meta wieħed jerġa' jaqra r-rapporti tat-Times u ta' l-Amnesy, jitilgħu fil-wiċċ ċerti punti:

* is-sentiment u r-reazzjoni ġenerali għal dawn l-immigranti jikkuntrastaw bl-ikrah mal-mit ta' Malta bħala l-art li tilqa' b'dirgħajha miftuħin lil dawk li għandhom bżonn;

* mhux talli l-forzi armati mhumiex imħarrġa tajjeb biex imexxu dawn iċ-ċentri ta' detenzjoni, iżda hemm numru ta' membri tal-forzi armati li għandhom tendenzi vjolenti ħafna, u jistennew ix-xoqqa f'moxtha biex jiżvugaw il-frustrazzjonijiet tagħhom fuq l-imsejkna immigranti li, ovvjament, kuntrarju għas-suldati, mhumiex armati;

* Malta qiegħda ċċaħħad lil ċerti nies drittijiet fundamentali bħad-dritt li ssemma' leħnek u d-dritt (bażiku ħafna) għal-liberta';

* jidhirli li hija stramba ħafna li l-istess soċjeta' li tant ftaħret kemm ġabret ikel u mediċini u flus għall-vittmi taz-tsunami, tilqa' fi ħdanha elementi faxxisti li lesti li "jifqgħu wiċċ is-suwed" u mbagħad jilagħbuha tal-vittmi u ta' l-innoċenti.

3.1.05

Meta tmutlek il-qattusa

Kyra





It-2 ta' Jannar 2005. 9pm

Għadni nasal mis-Slovakkja. Kont ili nivvjaġġa mit-8am: taxi mill-appartament ta' Jana għall-istazzjon tal-ferrovija ta' Vrutky; vjaġġ bil-ferrovija minn Vrutky lejn Bratislava; taxi mill-istazzjon tal-ferrovija ta' Bratislava għall-istazzjon tal-autobus; vjaġġ bl-autobus minn Bratislava lejn l-ajruport ta' Vienna; titjira numru KM513 minn Vjenna lejn il-Gudja; vjaġġ bil-karozza mill-Gudja lejn Ħal Tarxien mnejn ġbart lil Ġelsomina u soqt lejn id-dar.

Waħda mill-ewwel aħbarijiet li ħadt mingħand oħti Violetta hekk kif irfist fl-arrivals kienet li Kyra, il-qattusa ta' erba' snin ta' oħti l-oħra Carmen, mietet fl-ewwel tas-sena. Id-dettalji morbużi tal-mewt f'daqqa ta' Kyra huma dawn: oħti Carmen stiednet il-familja kollha għat-te nhar l-ewwel tas-sena (ħlief lili għax jien kont għadni msiefer).Kyra, li kienet waħda mill-aktar qtates domestiċi asoċjali li qatt rajt f'ħajti, baqgħet fil-kamra ta' ġewwa nett, 'il bogħod mill-mestednin. Oħti Violetta (dik li ġiet tiġborni mill-ajurport tal-Gudja) kienet l-aħħar waħda li telqet. Filwaqt li kien mingħaliha li telaq kulħadd minħabba s-skiet li waqa', Kyra ħarġet minn fejn kienet, imxiet lejn il-bieb ta' barra fejn ħuti kienu għadhom jagħmlu l-aħħar parti tad-diskursata. Kyra ssorprendiet lil kulħadd għax mhux soltu toħroġ. Kyra tieħu gost titmelles. Kyra timxi lura fid-direzzjoni mnejn ħarġet. Violetta tagħti l-aħħar xewqat sbieħ għas-sena l-ġdida eżatt ħdejn il-bieb ta' barra u titlaq. Carmen timxi lura lejn il-kċina u tilmaħ lil Kyra mitluqa f'nofs il-kuridur, b'għajejha ħodor jixegħlu, bla titħarrek. Mill-ewwel intebħet li Kyra kienet mejta. Attakk tal-qalb papali. Hekk qiegħed jaħseb kulħadd.

Requiescant in Pacem, Kyra.

M'hemmx għalfejn ngħidu li l-familja ta' oħti Carmen tinsab f'luttu.

Ktibt dal-post dwar Kyra għax il-mewt tagħha ġegħlitni ndur lura lejn vizzju antik tiegħi: noqgħod naħseb fuq il-mewt propju nhar l-Ewwel tas-Sena. Il-lista ta' ħbieb u nies li kont nafhom li mietu matul l-2004 hija twila ħafna sfortunatament. U waqt li nħares 'il quddiem lejn l-2005 nitħasseb dwar min se jmissu jitlaq l-ewwel. M'għandniex xi ngħidu għandi l-beżgħat privati tiegħi f'dan ir-rigward. Terġa', f'moħħi għad għandi jduru x-xeni tal-waħx tat-Tsunami li qered tant ħajjiet fin-Nofsinhar ta' l-Asja. Tal-waħx. Dawk ix-xeni jfakkruna li wara kollox il-bniedem mhuwiex is-sid tad-Dinja.