mp

5.2.06

Għal min għadu jersaq 'l hawn

30.10.05

Evropa

Naf li huma diversi l-kollegi bloggejja li tinteressahom il-letteratura li qiegħda tinkiteb fuq il-Blata. U naf ukoll li wħud minnhom jistaqsu jekk din il-letteratura hijiex tolqot il-miri (mitiċi jew le) li nimmaġinaw li hemm. Waħda minn dawn il-miri minn dejjem kienet li nkunu bħall-oħrajn, li nimxu pari passu mal-kumplament tad-dinja (jiġifieri l-Ewropa). Il-ftuħ li beda jfiġġ fis-snin sittin, konxjament jew le, primarjament kien ftuħ lejn l-Ewropa, (jiġifieri dik tal-Punent). U għaldaqstant, l-Ewropa kienet il-punt ta' referenza, il-kejl, id-destinazzjoni kulturali. Iżda din id-destinazzjoni kienet ilha f'ċerti mħuħ Maltin sa minn ħafna qabel is-snin sittin. Ġwann Mamo, pereżempju, kien Ewropejista kbir. U qablu kien hemm xiħadd jismu Mikiel Anton Vassalli, anki jekk dan l-isem ġie ko-optjat mill-kamp tal-Le-Għall-Ewropa.
Issa, li Malta tħaxknet fl-imbierka Evropa, tajjeb li nerġgħu nqajmu dawn il-mistoqsijiet li ilhom iħufu fl-imħuħ. Did-darba iżda, ir-realta' hija differenti għaliex politikament Malta hija l-Ewropa. Il-mistoqsija tibqa' jekk kulturalment u mentalment, hijiex qiegħda hemm. Jonkella, il-mistoqsija hija jekk aħniex hemm bir-ruħ u bil-ġisem jew aħniex hemm bil-ġisem biss.
Biex ma ntawwalx (għax in-normi tal-bloggiżmu jiddettaw il-konċiżjoni) jekk int interessat li tistaqsi aktar (m'għandix dubju li mintix se twieġeb) tista' tattendi għal simposju li Inizjamed, flimkien mal-Literature Across Frontiers, qegħdin jorganizzaw fil-Kavallier ta' San Ġakbu, bejn nhar il-Ġimgħa u s-Sibt li ġej. It-tema: Re-Visions - Skambju Letterarju f'Ewropa Akbar.

19.10.05

Fares u Ferneżiji

Wara l-preżentazzjonijiet bil-powerpoint jikkundannaw il-filosofija leminija ta' l-ANR li daru fil-kaxxi ta' l-ittri elettroniċi Maltin fil-jiem li għaddew, issa qiegħda ddur ittra elettronika oħra (li se nirriproduċiha hawn isfel) bil-ħsieb li tirribatti l-ħsibijiet liberali li daru max-Xibka.

Jinteressawni ċerti stqarrijiet li qegħdin isiru f'din l-ittra. Pereżempju: il-kunċett tal-multikulturaliżmu jhedded in-nazzjonalita' u s-sovranita' ta' Malta. Jekk hemm xiħaġa ovvja ħafna fil-poplu Malti huwa l-fatt li huwa poplu mħallat. L-ovvju jidher imqar fid-direttorju tan-numri tat-telefon; jidher ukoll fuq il-fattizzi tan-nies Maltin li ta' kuljum jidħlu bl-eluf fil-belt kapitali: bjondi, somor, twal, qosra, żnelli, ħoxnin ...; jinstema' fil-lingwaġġi użati (mhux il-lingwa, il-lingwaġġi) ...

Il-Maltin għandhom kultura u stil ħajja partikolari. Għadni nistenna lil xiħadd li lest jiddefinixxi liema hi l-kultura tagħna u liema hu l-istil ta' ħajja tagħna. Pajjiż li nħakem u nġarr bil-kultura globalizzanti - l-istess bħal ħafna u ħafna u ħafna pajjiżi oħra - diffiċli ssiblu l-kultura 'tiegħu', u iktar minhekk diffiċli tagħraflu l-istil tal-ħajja tiegħu. Trid tkun mijopiku biex ma tarax li minn żmien żemżem l-inħawi differenti tal-pajjiż għexu bi stili partikolari. Imqar immorru lura biss sa żmien l-Ordni biex ninnutaw li l-istil ta' ħajja li għexu n-nies tal-bliet madwar il-port kien totalment differenti minn dawk li għexu n-nies tal-kampanja. Nistgħu ngħidu li l-kampanjoli kienu aktar Maltin minn dawk ta' madwar il-port?

Aħna nafdaw f'Alla għax Alla huwa parti mill-kultura tagħna. M'għandi l-ebda dubju. Għalhekk inniżżluh f'dagħwa wara dagħwa wara dagħwa. Issa jekk dan Alla tal-kultura Maltija huwa l-istess wieħed li l-Lhud jemmnu li għażilhom bħala l-poplu tiegħu, u l-Misilmin jemmnu li bagħtilhom lil Mawmettu biex jurihom id-dawl, allura jkolli ngħid li anki Alla huwa multi-kulturali.


L-ittra elettronika li qed nirreferi għaliha tgħid hekk:

MALTA - The Right to Leave
>
>Our Country - YOU Have the right - the right to leave !

>
>IMMIGRANTS, NOT MALTESE, MUST ADAPT. Take It Or Leave it. We are
tired of this nation worrying about whether we are offending some
individual or their culture. Since the terrorist attacks overseas and
the recent deluge of illegal immigrants, we have experienced a surge
in patriotism by the majority of Maltese.
>
>However, liberally minded Maltese small factions and NGOs (the
"politically correct" crowd) began complaining about the possibility
that our patriotism was offending others. Most Maltese are not against
immigration, nor do they hold a grudge against anyone who is seeking a
better life by coming to Malta.
>
>However, there are a few things that those who have recently come to
>our country, and apparently some born here, need to understand.
>
>This idea of Malta being a multicultural community serves only
>to dilute our sovereignty and our national identity. As Maltese, we
>have our own culture, our own society, our own language and our own
>lifestyle.
>
>This culture has been developed over centuries of strife, historic
struggles, trials
>and victories by those Maltese men and women who have sought THEIR
freedom over the ages.
>
>We speak MALTESE & ENGLISH, not Spanish, Lebanese, Arabic, Chinese,
Japanese,
>Russian, or any other language. Therefore, if you wish to become part
>of our society, Learn the language!
>
>"In God We Trust" is our apt Christian motto. This is not some
Christian, right wing, political slogan. The adoption of such a motto
relies on the fact that our forefathers were Christian men and women,
with Christian principles, who fought hard for this nation's
foundation, and this is clearly documented. It is certainly
appropriate to display it on the walls of our schools. If God offends
you, then I suggest you consider another part of the world as your new
home, Because God is part of our culture.
>
>If the Southern Cross offends you, or you don't like " A Fair Go",
then you should seriously consider a move to another part of this
planet.
>
>We are happy with our culture and have no desire to change, And we
really don't care how you did things where you came from.
>
>This is OUR COUNTRY, OUR LAND, and OUR LIFESTYLE, and we will allow
you every opportunity to enjoy all this.
>
>But once you are done complaining, whining, and griping about Our
Flag, motto, or Our Way of Life, I highly encourage you take advantage
of one other great Maltese freedom,
>
>"THE RIGHT TO LEAVE".
>
>If you aren't happy here then f#@* off! We didn't force you to come
>here. You happened to be here. So accept the country that accepted
YOU.
>Pretty easy really, when you think about it.
>
>I figure if we all keep passing this to our friends (and enemies) it
>will also, sooner or later get back to the complainers, lets all try,
please.
>
> No matter how many times you receive it... please forward it to all
>you know.

13.10.05

Blobb (7)

Pinter

Il-premju Nobel għal-letteratura ngħata lid-drammaturgu Ingliż Harold Pinter. Drammaturgu, poeta u attivista xellugi li ħafna drabi kien xewka f'għajn il-gvern Ingliż, partikolarment għall-politika barranija tiegħu. Bħal Edward Bond, drammaturgu xellugi Ingliż ieħor, Pinter huwa l-kittieb intellettwali li għandu ideoloġija u li jwassalha permezz tal-kitbiet tiegħu.

Pinter jingħaqad ma' drammaturgi oħra bħal Samuel Beckett u Dario Fo fuq l-ogħla pedestall li kittieb jista' jitla'.


Għalkemm mhuwiex xi drammaturgu favorit tiegħi, ħmistax -il sena ilu kont ħdimt żewġ drammi ta' Pinter: Landscape u A Kind of Alaska, it-tnejn fil-kappella ta' Tigne'. Ta' l-ewwel kienet ħolqot ftit ħoss għax kont ħdimtha fi dlam ċappa: l-udjenza ma rat xejn, ma rat l-ebda pajsaġġ ħlief dak impitter bl-ilħna ta' l-atturi (Marcelle Teuma, Anthony Ellul), il-ħsejjes l-oħra u mumenti qosra ta' dawl minimu bħal dak ta' sulfarina tinxtegħel biex jitqabbad sigarett u d-dawl ta' l-intrata tal-kappella li jinfirex għal ftit meta jinfetaħ bieb biex jingħalaq immedjatament wara. Ma nafx Pinter innifsu kienx jieħu gost b'li għamiltlu bl-iskript anki għaliex it-tmiem kont bdiltu radikalment. A Kind of Alaska kien dramm ibbażat fuq l-istorja vera tat-tabib Oliver Sacks li beda jesperimenta bid-droga L-Dopa biex ifejjaq il-marda stramba magħrufa bħala Encephalitis Lethargica. Ir-rapporti ta' Sacks kienu wkoll is-suġġett tal-film Awakenings.



Manuskritti

Nixtieq naf, jew għallinqas nimmaġina, x'jiġrili kieku nkun qiegħed innaddaf xi biċċa għamara f'librerija u quddiemi jitfaċċa manuskritt mitluf ta' LVB. Forsi huwa biss romantiċiżmu dan, imma jien wieħed minn dawk li jgħożżu ħafna d-dokumenti miktuba. Naralhom storja marbuta magħhom; imma terġa' aktar minn storja: ċertu misteru u qdusija.

(Forsi għalhekk inħobb nagħti titwila lejn dan kultant żmien.)

Għandi folja foolscap li fuqha hemm miktub il-ftuħ tal-ktieb tal-Ġenesi bl-Aramajk u traskrizzjoni ta' l-istess silta. Kien kitibhieli Dun Ġwakkin Schembri, qassis ħelu li kien jgħallimni l-filosofija fil-Liceo l-Ġdid. Ma nafx l-għala, kultant żmien dil-folja tiġi f'idi. Qalb il-baħar ta' karti, kartolini u x'naf jien li għandi hemm ukoll biżibilju ittri li kien jiktibli Toni Sant fuq folji A4 meta kien jaħdem fl-uffiċċju ta' Xandir Malta (jew x'kien jismu dak iż-żmien) ma' Lino Cassar fuq il-Gwida (jew x'kien jisimha dak iż-żmien). Waħda minn dawn l-ittri klassika ... Toni jaf l-għala!!

L-iktar manuskritt għal qalbi, iżda, jibqa' biċċa karta mgħaffġa li fuqha hemm in-numru tal-mobile tiegħi miktub minn ommi. Kienet iżżomm dil-karta fuq il-komodina ta' ħdejha meta kienet mardet biex iċċempilli jekk jinqalgħalha xiħaġa. Kulma hemm miktub ismi u n-numru, imma jkolli nammetti, ngħożż dil-biċċa karta aktar minn ma naf xiex. Tneħħi lilha m'għandi xejn miktub minn id il-ma.

7.10.05

blob (6)




Fellini
Fl-1953 Fellini dderieġa l-film "I Vitelloni". Miniex espert u lanqas intiż fiċ-ċinematografija, iżda għalija huwa l-akbar film tar-reġista. Alberto Sordi jiżfen ma' ras ta' maskarun fil-ballu tal-karnival, sieħbu jnemmes lil mart l-imgħallem tiegħu qalb stawi tal-madonni u l-qlub ta' Ġesu', u l-aħħar xena tat-tluq mir-raħal tedjanti ta' l-aktar karattru kwiet mill-klikka, huma mumenti ta' poeżija ċinematografika li jibqgħu stampati f'moħħi. Il-film rajtu f'perjodu ta' ħajti meta kont naħlef li għad nirkeb ajruplan u ninqata' minn din l-art darba għal dejjem, l-istess kif għamlu ħuti meta qabżitilhom jew aħjar qabbżuhielhom. Kelli motto bl-endekasillabu dak iż-żmien: Għidli, kif qatt nista' nħobbok, pajjiżi? Kont infantas il-jum tat-tluq u l-jum tad-dħul f'orizzonti kollha blu. Illum għandi 38 sena, u għadni hawn, fuq l-istess blata, u minflok tlaqt saħansitra ġibt lil xiħadd miegħi. Bħall-klikka belha ta' Fellini, fantast sakemm mingħajr naf kif, iddeċidejt li noqgħod.


Il-ħarba fuq il-ħmar
Id-dħul ta' Malta fl-UE fissret, fost ħafna ħwejjeġ oħra, li nfetħu diversi bibien li jwasslu għal mogħdijiet li jagħtu għal artijiet li fl-immaġinarju kollettiv dejjem fissru dak l-orizzont blu mimdud 'l hemmhekk. U ħafna minna telqu: min għax ra l-possibilta' li jagħmel kemxa tajba, min għax tħajjar, min għax xeba' hawnhekk, min għax kien kostrett li jaħrab, min għax ried jikber, min għax ħass li hawn ma setax jieħu nifsijiet fil-fond biżżejjed biex jimla l-pulmun b'kemm għandu bżonn arja. Mill-għar ta' Betlem għall-ftuħ tad-deżert, għall-monumenti piramidali. Il-qtugħ fiżiku, madankollu, ma jidhirx li ġab miegħu wkoll il-qtugħ spiritwali. Illum anki dawk li telqu lejn l-Ewropa (mhux fl-art t'hemm taħt, imma fl-Ewropa) għandhom il-faċilita(jiet) li jżommu l-kuntatt: l-era diġitali fissret li anki l-emigrazzjoni saret differenti minn dik li kienet qabel. Ħafna snin ilu, kienu jitilqu minn Malta l-imsejknin, illum jitilqu l-affluwenti ... hija ħarba aktar intellettwali li ħafna qegħdin jibżgħu li se twassal għal brain drain.


Suwed, suwed kullimkien
Issa skoprejna - propju issa! - li aħna razzisti. Fuq ħajt minnhom taċ-ċimiterju tat-Torok hemm graffiti bl-ispray fosforexxenti Blacks Go Home. U l-blogosfera Maltija, b'inizjattiva ta' bloggejja Maltin "ta' barra" nidiet kampanja ta' bojkottaġġ lil waħda mill-akbar istituzzjonijiet f'Malta talli l-president tagħha għadda rimarki meqjusa razzisti. U l-inkwiet fost uħud mill-Maltin "ta' ġewwa" qed jikber ukoll. Minħabba s-suwed. Mhux dawk tal-ġilda imma dawk tat-tendenzi ideoloġiċi tagħhom. "Imtlejna bis-"suwed" ... f'daqqa waħda."


Fellini (2)
Tletin sena wara Fellini dderieġa "E la Nave Va", parodija, satira krudili kontra d-dinja ta' l-ispettaklu borgiż. Dal-film ukoll jirrakkonta vjaġġ, vjaġġ fuq vapur li ma jasal imkien, vjaġġ funebri. Inċidentalment, anki f'dan il-film jitfaċċaw in-nies fuq id-dgħajjes, il-klandestini Serbi li, wara dibattitu jaħraq, jispiċċaw 'ospitati' fuq il-vapur lussuż. Imma apparti ... Xi bloggej ħalla kumment fuq blogg ieħor (huma wisq biex niftakar eżattament liema) fejn staqsa jekk hux veru li n-nies ta' "barra" humiex daqshekk differenti minna. Jien għandi d-dubji tiegħi, iżda miniex ċert.

Andorra
Ottubru 1988: kont idderiġejt "Andorra" ta' Max Frisch fit-teatru ta' l-Universita'. Fuq livell popolari, dak iż-żmien, kien għadu maħsub li r-razziżmu huwa xiħaġa ta' mkejjen oħra. Id-dramm, meqjus bħala l-akbar xogħol ta' Frisch, jippreżenta sitwazzjoni assurda li min-naħa tagħha tippreżenta teżi dwar l-assurdita' tar-razziżmu. M'għandix dubju li li kellna nerġgħu ntellgħu d-dramm illum, konna nħarsu lilhinn mill-kwistjoni ta' l-anti-semtiżmu u nibdew naħsbu b'termini oħra. Inċidentalment, x'sar minnha dik il-ġgajta kbira atturi li kont ħdimt magħhom dakinhar? Lanqas l-iċken idea.


Kuraġġ
Xiħadd ieħor kiteb li hemm min kellu biżżejjed kuraġġ biex jaqbad ħwejġu u jitlaq 'l hemm. Mill-impressjoni li jagħtuni ċerti bloggati jrid ikollok kuraġġ ikbar tibqa' hawnhekk. Għax ħa ngħiduha kif inhi, Malta fl-2005 sirna narawha bħala: pajjiż b'poplu razzist; pajjiż li daħal fl-Ewropa u għadu jispara l-murtaluni; pajjiż li għadu jilgħaq żokortu; pajjiż tal-pastizzi u l-ħobż biż-żejt; pajjiż li ma jafx iħobb lilu nnifsu; pajjiż li mqar l-Infern ta' Dante huwa aħjar minnu. Jien ukoll inħares lejn il-Blata b'dan il-mod, imma xi kultant nissuspetta li hija xiħaġa komda ħafna, faċli saħansitra, li nirremettu fuq din l-art. Forsi għandi żball.


Forsi
Imbagħad jiġri li tibda tinfixel, għax tintebaħ li l-kelma 'forsi' użajtha ħafna drabi, li għandek sentenzi kuntradittorji, li l-filosofija tiegħek hija waħda tad-dubju u dubjuża. U tibda taħseb li FORSI aħjar ma tgħid xejn, imma forsi li ma tgħid xejn hija soluzzjoni temporanja jew non-soluzzjoni, għax forsi tajjeb li tibqa' titkellem biex forsi moħħok jiċċara u mbagħad, forsi, tkun tista' toħloq stampa f'moħħok li forsi tqarrbek lejn dik li forsi hija r-realta'.

5.10.05

Strangers in the Night

Il-lejl tar-repubblika
Hemm min telaq minn Malta u madankollu ma farfarx it-trab minn ma' saqajh qabel tela' fuq l-ajruplan. Hemm min qiegħed isegwi b'kurżita' kbira x'qiegħed jiġri fuq il-Blata. Hemm min qiegħed jinkwieta bl-atteġġjament li qiegħda tieħu sezzjoni mill-poplu fid-dawl tal-kwistjoni tal-klandestini, aktar u aktar b'dak li ġara waqt id-dimostrazzjoni tal-ANR. Il-mistoqsija li għadha mhijiex ċara għal min ma qabadx ajruplan u telaq hija għandniex nallarmaw irwieħna jew le.

L-inċidenti bejn il-leminin u x-xellugin fit-toroq tal-Belt it-Tnejn li għadda jistgħu jkunu sinjal li l-politika tal-pajjiż qiegħda titbiegħed mill-parlament u minflok tinżel fit-toroq. Jekk din il-veduta hija korretta allura naħseb li għall-ewwel darba fl-istorja tal-Blata, il-politika fit-toroq mhijiex immexxija mill-partiti l-kbar (bħalma kienet fit-tmeninijiet) imma minn gruppi politiċi oħra li s'issa għadhom ma jiffurmawx parti mill-establixment politiku.

Ma nafx iniex se nkun bombastiku iżda dan l-andament ifakkarni fil-lejl tar-repubblika Taljana, meta l-estremi ta' l-ispektrum politiku ħadu r-riedni f'idejhom u għamlu straġi sħiħa, meta l-istraġi saret kronaka. Wieħed irid iżomm f'moħħu, iżda, li r-riżultat ta' dan kollu, anki jekk mimli bl-ironija, kien li l-Istat li ż-żewġ estremi ħalfu li jferu, issaħħaħ aktar. Miniex nipprova nimplika li wasalna għal-lejl tar-repubblika ta' Malta, imma mill-banda l-oħra ...

1968
Stanju jiffrustra ruħu li r-riformi fis-sistema ta' l-istipendji ta' l-istudenti universitarji ma wasslet għall-ebda 1968. Jien nifhmu l-punt ta' Stanju imma miniex neħodha bi kbira. F'pajjiż fejn l-aljenazzjoni saret il-liġi bażika tal-ħajja ta' kuljum, ma jistax ikollok 1968. Speċjalment fl-2005. Issa m'għadx għandna l-Beat Generation, Stanju sbejjaħ, imma l-Bit jew il-Byte Generation, li moħħha f'affarijiet oħra. Il-Las Palmas u l-klikka tiegħu ma kinux se jmorru fit-Triq Reġjonali, u lanqas fi Triq Sant'Anna. Kif qal tajjeb Stanju, il-klikka li ħareġ biha hu moħħha fil-muskoli, fis-siegħa nejk skorruta (espressjoni tat-80ijiet ikolli ngħid) u ġewwa x-xilep. Wara kollox, il-fenomenu ta' l-1968 x'bidel fir-realta'? Ok, Valerie Solanis sparat fuq Andy Warhol ... u b'daqshekk?

Imma tgħid ...?
U min qed jitkellem l-aktar fuq dan kollu? Ħadd ħlief il-bloggejja! Bagħatli messaġġ Mark. Staqsieni x'qed jgħidu l-intellettwali għax forsi mil-(Lussu)mburgu (jew fejn qiegħed) leħenhom ma jinstemax? Min? L-intellettwali? Għażiż Mark, get real, kif kienu jgħidu. Tal-Qroqq għadu dak li kien. Issa biex tgħaxxaqha l-NSO ħareġ rapport li anki l-istudenti tat-tielet eta' donnhom tilfu l-ħeġġa.

Mużika fl-isfond: wara l-mewta traġika tal-hard disk u t-twelid mill-ġdid tal-kompjuter b'organi ġodda, għad m'għandix ħeġġa nitfa' mużika fl-isfond. Allura jew oqogħdu isimgħu dik li ilha hemm għomor, jew inkella itfulu u oqogħdu iħħammjaw Strangers in the Night.

21.9.05

Seddqu Talbkom, Qawwu Qalbkom

(B'apoloġija lill-Partit Laburista)
Minħabba li ma mmurx il-mass meetings ta' Lawrence Gonzi se noqgħod fuq ir-rapporti mxandra mill-mezzi tax-xandir. Upbeat bħas-soltu, Gonzi ta messaġġ ċar u skjett lill-poplu Malti: kunu kuraġġużi, il-bidla qiegħda sseħħ.
Tkunux ħnieżer - l-elezzjoni fadlilha sentejn u nofs oħra!
Skond id-di-ve, il-PM appellalna biex ma nkunux egoisti, anzi għandna nkunu paċenzjużi u, aktar minhekk, għandna nkunu lesti nagħmlu s-sagrifiċċji kollha meħtieġa fl-interess nazzjonali. L-injoranza tiegħi qiegħda tgħidli li għandi ninterpreta d-diskors tal-pm Gonzi bħala sejħa biex niskot, biex ma nibqax nikkritika, biex ma nibqax għassa li ma jitnaqqrux id-drittijiet tiegħi. Inkella nkun egoist, ħanżir, moħħni biss biex nara x'nista' nakkwista, x'nista' naqla'. Minflok, donnu li qiegħed jgħidli l-pm Gonzi, għandi nagħlaq ħalqi u nġib l-interess nazzjonali qabel l-interessi personali. Mhux talli hekk, talli qiegħed jgħidli wkoll li sa sentejn u nofs oħra Malta se tinbidel, se tibda taqta' l-ħsad tas-sagrifiċċju. Għala sa sentejn u nofs oħra jafuh biss l-istrateġisti nazzjonalisti. L-injoranza tiegħi tfakkarni li xi sentejn u nofs oħra jkollna elezzjoni ġenerali.
Tittradix lil Pajjiżek - għid 'iva' għall-korsa tal-golf, isa!
Imbagħad, il-pm Gonzi, dejjem skond id-di-ve, tana ċamata, daqqtejn fuq il-patata: Malta trid tiqba' pajjiż kompetittiv; trid, għaldaqstant, tibni żewġ koros tal-golf. L-injoranza tiegħi għadha ma waslitx biex tifhem x'inhi l-konnessjoni bejn il-kompetittivita' tal-pajjiż u t-toqob tal-golf. Forsi sa sentejn u nofs oħra nibda nifhem, imma għalissa għadni lura wisq. Allura, ejja ngħidu li, dawk kollha (u mhumiex ftit) li jopponu l-bini tal-koros tal-golf huma ħnieżer, jaraw biss l-interessi tagħhom, ma jafux x'inhuma l-ħtiġijiet ta' pajjiżhom, u li ħadd ħlief il-gvern nazzjonalista ma jifhem x'inhuma l-bżonnijiet ta' Malta. Wara kollox, anki Platun kien qal li r-Repubblika għandha titmexxa biss mill-illuminati. Il-karfa qiegħda hemm biex tieħu paċenzja. Parentesi dwar il-korsa tal-golf: il-portal nazzjonalista maltarightnow ma jinkludix il-kumment dwar il-korsa tal-golf. Forsi l-ġurnalist tad-di-ve sema' lill-pm jgħid dak li ma qalx, jew il-ġurnalist tal-mrn ma semax kollox. Biss, il-maltarightnow irrappurtat lill-pm li qal li l-gvern qed jaħdem bis-sħiħ favur l-ambjent għax "bil-ħarsien ta' l-ambjent niġbdu l-investiment f'pajjiżna (sic) u nsaħħu wkoll l-industrija importanti tat-turiżmu."
Il-Bidliet (mhux Gonzi-style)
Minkejja l-karattru tiegħi, għadni ma wasaltx biex nemmen li jien kapaċi niddefinixxi liema huma l-bidliet li jrid il-poplu Malti. Biss, għal darb'oħra l-injoranza tiegħi, tissuġġerili ftit bidliet li nittama li għad jaslu u nittama wkoll li ma jdumux:
1) Li ma nibqgħux ngħixu taħt diktati partiġġjani;
2) Li d-drittijiet li bnedmin oħra għandhom fil-kumplament ta' l-Ewropa - id-divorzju perżempju - ma jibqgħux miċħuda lili. Li ma jibqax jeżisti kredu kattoliku li jiddetta l-ħajja ta' min mhux kattoliku, sempliċiment għax twieled Malta u mhux f'wieħed mill-24 pajjiż ieħor tal-UE.
3) Li fil-parlament ikun hemm nies għaqlin, u mhux bilfors rapprżentanti ta' żewġ tribujiet.
4) Li l-awtoritajiet jindunaw - fl-aħħar - li dal-pajjiż għandu kultura, u li jindunaw li qabel kulħadd iridu jkunu huma li jieħdu ħsiebha.
5) Li l-awtoritajiet jammettu li fiżikament sfreġjaw lil dal-pajjiż u li jridu joqogħdu attenti li ma jkomplux jisfrakassawh.
6) Li l-awtoritajiet jindunaw li m'għadniex ngħixu fis-snin tmenin: li għandna moħħ (bħalma kellna dakinhar, wara kollox) u mhux kulħadd lest jibqa' jibla' kollox, jistenna li tasal l-elezzjoni biex forsi tiċċaqlaq xiħaġa. Li jindunaw li t-tokens m'għadniex nemmnu fihom.
7) Fuq kollox li 41 sena wara l-indipendenza, nibdew naħsbu fuq l-indipendenza tal-moħħ.
Mużika fl-isfond: Cream, We're Going Wrong ... bl-ebda innuendo politiku!