mp

18.7.05

Dwar Mark, Mikiel u l-Monday Blues


Jien wieħed minn dawk il-ħafna nies, li anki fil-vaganzi, inbati bil-Monday Blues. Niftakarni hekk minn mindu kont tifel. Kull santissmu Tnejn filgħodu bi tbatija kbira ommi kienet toħroġ il-washing machine Gala mill-kamra fejn kienet tinżamm għal ġol-loġġa biex tqatta' nofs ta' nhar iżżeggeg bil-ħwejjeġ ta' ġimgħa sħiħa; imbagħad titla' tonxor xi erba' darbiet b'banju taż-żingu blu mimli sa ruħ ommu. Minn dak inhar ili ma naħmilx it-Tnejn. Anzi, aktar ma kbirt, il-mibegħda tat-Tnejn bdiet tibdieli mill-Ħadd wara nofsinhar, speċjalment meta kienu jibagħtuni l-
Mużew u ħlief fuq dnubiet mejta u l-mewt infisha ma kinux ikellmuna. Aktar tard, il-Ħadd filgħaxija sar ifisser qatgħa kbira fi msarni nirrealizza kemm-il homework kien se jkolli nikkopja jien u nistenna x-xarabank biex teħodni l-iskola. U insomma, din tat-Tnejn baqgħet sal-ġurnata tal-lum.

Madankollu, jiġu ġimgħat meta jisbaħ it-Tnejn filgħodu u nkun għadni ntiegħem togħma tajba ta' tmiem il-ġimgħa, li f'dawn l-aħħar snin sar ifisser qajla jew xejn. Lejn tmiem il-ġimgħa li għaddiet, iltqajt ma'
Feltrinelli fil-kapitali qisha ħa jagħtiha attakk isteriku minn ħin għal ieħor. Qgħadna npaċpċu ftit u talabni nieħdu jara l-Imperial Cafè, li grazzi għall-bloggs sublimi ta' Mikiel se jsir leġġenda daqt. (Feltrinelli ħallasli 2 Lager.)

Imbagħad il-bieraħ mort il-Festival tal-Jazz speċifikament biex nisma' lil
Dino Saluzzi u ħadt gost kbir. Ma bqajtx għall-festival sa l-aħħar għar-raġuni sempliċi li l-folol saru jdejquni, speċjalment dawk li jmorru l-jazz festival biex joqogħdu jindafru fl-ikel Ċiniż (qishom qatt ma kielu), ibeżilqu l-birer u ma jiqfux ipaċpċu. M'hemmx x'tagħmel: anki l-alta società għandha l-perversitajiet tagħha.

Irrid ngħid ukoll li tmiem il-ġimgħa li għaddiet ġabli sodisfazzjon ieħor. Il-Malta Football Awards ikkonfermaw il-kobor ta' dan il-klabb, li rebaħ:
1) l-aqwa midfielder
2) l-aqwa goalkeeper
3) l-aqwa forward
4) l-aqwa player tal-futsal league
5) l-aqwa player mara
6) l-aqwa player mhux Malti
7) l-aqwa player Malti
(Seba' premjijiet minn total ta' tnax!)
B'ċertu gost ikolli niġbed l-attenzjoni li l-iskwadra ta' sieħbi Feltrinelli ma tidher imkien fil-lista ta' premjijiet; u b'gost ikbar ninnota li lanqas ma jidher il-klabb li l-aktar li ma naħmlux it-tnejn li aħna.
***
Toni wkoll ikkummenta dwar l-aktar bloggs riċenti ta' Mikiel. Jien naħseb li dawn il-bloggati jiswew mitqilhom deheb għal aktar minn raġuni waħda. L-ewwel nett għax jagħtu ħarsa lejn id-diċennju tat-80ijiet mill-perspettiva kulturali. Id-diskors ta' Mikiel dwar is-sottokulturi ta' dak iż-żmien, u t-tqegħid ta' dan id-diskors fi sfond politiku wiesa' huwa eżerċizzju interessantissmu. It-tieni: dawn il-bloggati qegħdin jiddokumentaw l-istorja popolari, u jiswew aktar għax kif għidt xi mkien ieħor, lanqas storja 'akkademika' tat-80ijiet għadha ma teżisti, aħseb u ara dik popolari.
Forsi Mikiel imissu jaħseb bis-serjetà li wara li jkun ikkonkluda l-istorja tiegħu fuq il-blogg, jaħseb biex jippubblikaha f'forom oħrajn, ngħidu aħna fi ktieb.
Mużika fl-isfond: Basliet Ħodor, Booker T and the MGs, b'dedika lill-ħodor ta' Feltrinelli; u ngħiduha kif inhi, number immortali ta' Booker T.

10 Comments:

Anonymous Anonymous qal/et...

Sur Mifsud, Il-Magni tal-hasil twin tubs Gala u il-banijiet taz-zingu issa saru antikitajiet u collectors items....U forsi kien ikun ahjar kieku kont titla iggorr il-banju int. Dwar il-muzew, missek kont taghmel bhali...ma mmurx. Dwar il-Jazz festival,erga ghamel l-istess bhali, tmurx.

11:49 am  
Blogger Immanuel Mifsud qal/et...

Il-lostra x'int bravu/a anonimu! Imn'alla kont int!

12:52 pm  
Blogger l-istordut kroniku qal/et...

Mortu ghand Bertu allura? Nahseb li sibtuh maghluq. Dak qed jiftah f’hinijiet strambi bhalissa imma jekk tinzertawh miftuh afu li se ssibu xena u nies kompletament differneti minn dawk li qed insemmi jien. Nirringrazzjak tal-apprezzament tieghek Immanuel ghall-bloggati dwar ic-CBF. Naqbel mieghek minja fil-mija li il-grajjiet ghandhom ikunu irregistrati fl-istorja tas-sottokulturi biex jekk xejn iservu biex jibnu stampa shiha tax-xena popolari ta’ dak iz-zmien. Dawn il-bloggati tieghi dwar ic-CBF qed niktibhom b’mod spirtu pront minghajr ma qaghdt nindaga izzejjed fuq certi grajjiet u qed nibbaza principarjament fuq dak li niftakar jien. Dan qed naghmlu biex propju nirregistra l-ezistenza ta’ din l-attivita’ ta dan il-grupp li ppruvaw ikampaw fi zminijiet differenti hafna mill-lum. Kif ukoll ghax nahseb kien hemm u jista jkun hawn ohrajn illum li qed jikkontribwixxu ghal xi tip ta’ sottokultura u li l-attivitajiet taghhhom iservu biex jispiraw ohrajn jizviluppaw taghhom.

12:53 pm  
Anonymous Anonymous qal/et...

Mela l-kittieba serji joqghodu jitkelmu fuq il-football jew!

7:04 pm  
Blogger Kenneth qal/et...

Naqbel Immanuel fuq li Mikiel missu jitħajjar jippubblika dawk il-memorji. Niftakar meta kien għadu jibda l-blogg u kien għadu mhux deċiż jekk għandux itella' dawk l-istrixxuni. Missna għidnielu le!

Ikolli ngħid li l-bloggati tiegħu bħalissa huma wħud mill-favoriti. Jirrakkontaw kif kienet Malta minn lenti diversa li bla ma trid tiggustaha, forsi iktar u iktar għax dik it-tip ta' ħajja (li anka jekk ma tkuntx għextha, xorta tnissillek ċertu interess) illum inbidlet mal-mitt elf party u l-ecstasy.

Missu jikteb ktieb Mikiel. U int kittieb. Għalfejn ma...?

9:15 pm  
Blogger Immanuel Mifsud qal/et...

Kenneth, anki jien sirt ngħodd il-bloggati ta' Mikiel bħala favoriti, kemm dawk li jirrakkuntaw l-istorja 'ta' dawk iz-zminijiet', u kemm l-istrixxikli.

Missu jikteb ktieb Mikiel. U int kittieb. Għalfejn ma...?

donnok kont f'mohhi! :-)

9:30 pm  
Blogger L-Imżebbel qal/et...

"Anki l-alta società għandha l-perversitajiet tagħha." - hehe

Bilħaqq, ma kontx nobsor li ma taħmilx lill-club li nżomm miegħu jien! :)

2:56 am  
Blogger Immanuel Mifsud qal/et...

jiddispjaċini l-imżebbel. storja twila din, storja twila!

9:03 am  
Blogger L-Imżebbel qal/et...

Daqs il-lista ta' unuri li rebħu l-Belt? :P

1:55 pm  
Blogger L-Imżebbel qal/et...

btw, nhar il-Ġimgħa tridu tagħtuna xi ħamsa biex taqbżuna. Xammru l-kmiem!

btw 2, jekk niftakar tajjeb, inti żżomm mal-Juve... u jien maċ-champions ta' l-Ewropa! :))

10:52 pm  

Post a Comment

<< Home